Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Benefiċċju għal Mard

Ħarsa ġenerali

Meta mpjegat jew persuna taħdem għal rasha tkun ma tiflaħx minn fuq il-post tax-xogħol, trid tmur għand tabib biex dan tal-aħħar jimla’ Ċertifikat Mediku l-Blu u jkun sottomess lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi żmien għaxart (10) ijiem mill-ewwel ġurnata tal-mard. L-uniċi eċċezzjonijiet ta’ dewmien ta’ sottomissjoni aċċettati huma dovuti għar-rekoveru fl-isptar jew trattament mediku barra mill-pajjiż. Min-naħa l-oħra, il-kopja taċ-ċertifikat mediku blu għandha tingħata lil min iħaddem. Jekk il-mard ikun iktar minn erbatax (14) -il ġurnata, iċ-ċertifikat mediku blu għandu jiġi mġedded kull żewġ (2) ġimgħat, sakemm l-persuna tkun tajba biex terġa’ tmur lura x-xogħol.

Jekk eliġibbli, il-Benefiċċju għal Mard jista’ jingħata lil persuna li għadha ma laħqitx l-età tal-irtirar.

Benefiċċju għal Mard Miżjud

Mill-1 ta’ Jannar 2024, il-benefiċjarji li jibbenefikaw mill-Benefiċċju għall-Mard fit-tul u li għandhom talba kontinwa aċċettata ta’ mija u sitta u ħamsin (156) jum ta’ benefiċċju (jew sitt (6) xhur), għandu jkollhom it-talba tagħhom għall-Benefiċċju għal Mard mibdula awtomatikament għall-Benefiċċju għal Mard Miżjud mill-mija u seba’ u ħamsin (157) jum tax-xogħol ‘il quddiem. Ir-rata applikabbli għall-Benefiċċju  għal Mard Miżjud tkun bħal dik tal-pensjoni tal-Invalidità . Il-Benefiċċju għal Mard Miżjud  jibqa’ jitħallas sakemm:

  • Jiġi sottomess ċertifikat mediku blu finali, u b’hekk tingħalaq it-talba għal Benefiċċju għal Mard,
  • Ikun hemm data tal-egħluq deċiża mill-Bord Mediku maħtur mid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali,
  • Il-persuna assikurata teżawrixxi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jkollha fir-rekords tagħha, jew
  • Il-persuna assikurata teżawrixxi erba’ mija u tmienja u sittin (468) jum konsekuttivi ta’ benefiċċju.

Dan ta’ hawn fuq japplika skont liema jiġi l-ewwel.

Ir-rata ta’ kuljum tal-ħlas għall-Benefiċċju għal Mard Miżjud hija ta’ tletin ewro u disgħa u tletin ċenteżmu (€30.39) għall-persuna miżżewġa li tmantni lill-konjuġi, u tlieta u għoxrin ewro u sittax-il ċenteżmu (€23.16) kuljum għall-persuna waħeda, jew għal persuna miżżewġa li l-konjuġi tiegħu/tagħha t/jkun taħdem full-time.

M’hemmx għalfejn tapplika għall-Benefiċċju għal Mard Miżjud għaliex ir-rata tal-benefiċċju tinbidel awtomatikament minn eżattament wara mija u sitta u ħamsin (156) jum ta’ Benefiċċju kurrenti u kontinwu għal Mard.

M’hemmx bżonn tissottometti dokumenti ulterjuri minħabba li l-Benefiċċju għal Mard Miżjud tingħata skont il-parir tal-Bord Mediku tal-Benefiċċju għal Mard

Krediti tal-Benefiċċju għal Mard

Persuna Imjegata li tkun waqgħet fuq il-leave tal-Mard bla ħlas, jew li Timpjega Lilha Innifisha u li tirċievi Benefiċċju għal Mard jew ikollha talba kontinwa miftuħa għal Benefiċċju għal Mard wara eżawriment ta’ ħlas.

Il-Krediti jingħataw jekk applikabbli, għal kull ġimgħa sħiħa ta’ talbiet aċċettati ta’ Benefiċċju għal Mard, Benefiċċju tal-Korriment fuq il-Post tax-Xogħol, jew Benefiċċju tad-Diżimpjieg.

Informazzjoni importanti dwar iċ-Ċertifikat Mediku Blu

Dawk li jagħmlu t-talba għandhom jiżguraw li l-indirizz miktub fuq iċ-Ċertifikat Mediku Blu jaqbel mal-indirizz uffiċjali miżmum mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, li jintuża mid-dipartiment għal kull korrispondenza uffiċjali. Għalhekk, ma jsir l-ebda tibdil fl-indirizz uffiċjali li għandu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jekk dan ikun differenti minn dak indikat fuq iċ-ċertifikat.

Tista’ tivverifika u taġġorna biss l-indirizz uffiċjali tiegħek online, skont l-indirizz attwali fuq il-Karta tal-Identità tiegħek billi tikklikkja hawn, jew żur wieħed mill-hubs ta’ servizz.gov għal aktar għajnuna.

Iktar Informazzjoni

  • Persuna m’għandiex għalfejn tissottometti ċ-ċertifikat mediku blu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’każijiet fejn il-perjodu ta’ inkapaċità mix-xogħol huwa ta’ tlett (3) ijiem ta’ xogħol jew anqas.
  • Ċertifikazzjoni ta’ mard ta’ tlett (3) ijiem ta’ xogħol jew anqas ma jikkostitwix talba għall-Benefiċċju għal Mard, iżda l-kopja taċ-ċertifikat trid tingħata lil min iħaddem, jekk dan jesiġi li jkun irid il-Kopja għall-Prinċipal.
  • Ċertifikat ta’ Bidu u Tmiem jew Ċertifikat Magħluq jiċċertifika li l-persuna assigurata mhijiex tajba għax-xogħol għal perjodu speċifiku ta’ jiem li ma jaqbiżx l-erbatax-il (14) ġurnata. Iċ-ċertifkat juri d-dati ta’ meta bdiet bil-leave tal-mard, kif ukoll id-data ta’ meta rid tirritorna għax-xogħol. Dan jiċċertifika li l-persuna assigurata mhux tajba li tmur għax-xogħol għal jiem speċifikati li ma jaqbżux erbatax-il (14) ġurnata.
  • Ċertifikat ta’ Bidu jew Bidu Miftuħ jiċċertifika li l-persuna assigurata ġiet eżaminata medikament għall-ewwel darba u mhux se tkun tajba għax-xogħol għal aktar minn erbatax-il (14) ġurnata.
  • Ċertifikat ta’ Kontinwazzjoni jiċċertifika li l-persuna assigurata għadha mhix kapaċi tattendi x-xogħol għall-perjodu li ma jeċċedix l-erbatax-il (14) ġurnata mid-data tal-eżami fuq l-istess ċertifikat mediku blu. Dan ifisser li l-persuna diġà ssottomettiet ċertifikat mediku blu u se tkompli bit-talba tagħha. Huwa importanti li tkun taf li sakemm ċertifikat tal-bidu ikun indikat bħala miftuħ (open), l-ebda benefiċċju għall-Mard ma jingħata sakemm ikun hemm sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ kontinwazzjoni jew ta’ Tmiem li jmiss warajħ.
  • Ċertifikat ta’ Tmiem jew Finali juri d-data ta’ meta l-applikant huwa tajjeb biex jirritorna lura għax-xogħol, għalkemm ma jindikax id-data ta’ meta bdiet it-talba. Dan jiċċertifika li l-persuna assigurata tista’ tidħol lura għax-xogħol fid-data speċifikata fuq iċ-ċertifikat mediku blu għal perjodu li ma jeċċedix l-erbatax-il (14) ġurnata mid-data tal-eżami fuq l-istess ċertifikat.
  • Persuna li ssofri mill-marda tal-Fibromyalgia jew Myalgic Encephalomyelitis (ME) titħallas il-benefiċċju għal Mard mill-ewwel ġurnata ta’ mard hekk kif tagħmel it-tieni talba ta’ mard fl-istess sena.
  • Persuna li għaddejja minn kors ta’ terapija minħabba l-kanċer titħallas l-Benefiċċju għal Mard mill-ewwel ġurnata ta’ mard hekk kif tagħmel it-tieni talba ta’ mard fl-istess sena.
  • Ġenituri li minħabba li jinsabu neqsin mid-dinja tax-xogħol għaliex uliedhom qed jieħdu kura għal mard rari, jistgħu jkunu eliġibbli għal kreditu tal-kontribuzzjoni għal perjodu massimu ta’ tmien (8) snin.

Għal informazzjoni dwar sitwazzjonijiet transkonfinali ikklikkja hawn.

X’se tingħata

Impjegati jitħallsu l-Benefiċċju għal Mard skont il-kundizzjonijiet eliġibbli, mir-raba’ (4) jum ta’ xogħol li jkunu ma jifilħux, peress li l-ewwel tlett (3) ijiem ta’ xogħol jitħallsu minn min iħaddem. Id-data ta’ meta l-applikant ikun ma jiflaħx għandha tkun  id-data indikata bħala d-data tal-eżami fuq iċ-ċertifikat mediku l-blu. Min iħaddem għandu żewġ (2) għażliet:

  1. Iħallas il-paga sħiħa tal-impjegat għall-ewwel tlett (3) ijiem ta’ xogħol ta’ mard u mbagħad iħallas id-differenza bejn ir-rata tal-Benefiċċju għal Mard u l-paga għal kumplament tal-mard ċċertifikat; jew
  2. Iħallas il-paga sħiħa tal-impjegat għat-tul tal-mard ċertifikat kollu u l-impjegat jirrifondi lil min iħaddem il-ħlas tal-Benefiċċju għal Mard ladarba dan jinħareġ mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Persuna li taħdem għal rasha li tissottometti ċertifikat mediku blu tingħata Benefiċċju għal Mard mir-raba’ (4) jum tal-mard, u hi intitolata għar-rata ta’ Benefiċċju fiss.

Il-Benefiċċju għal Mard jingħata skont in-numru ta’ ġranet tax-xogħol f’ġimgħa tax-xogħol normali,  jiġifieri ġimgħa ta’ ħamest (5) jew sitt (6) ijiem. L-ebda ħlas mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma jsir għal btajjel pubbliċi u l-Ħdud.

Persuna li waqfet taħdem minħabba raġunijiet ta’ mard u qed tistenna li tingħata Pensjoni tal-Invalidità Kontributorja jew ma tkunx f’qagħda li taħdem u qed tissottometti ċertifikati mediċi blu kull żewġ (2) ġimgħat, tista’ tingħata wkoll Benefiċċju għal Mard. F’dan il-każ il-ħlas isir mit-Tnejn sas-Sibt kif ukoll għall-btajjel pubbliċi, ħlief il-Ħdud.

L-impjegati tal-Gvern huma esklużi milli jingħataw Benefiċċju għal Mard waqt li jkunu fuq leave għal mard bi ħlas. Madankollu, jekk l-Intitolament tal-impjegat tal-gvern għal ġranet ta’ Leave tal-Mard b’paga sħiħa jiġi kkunsmat, persuna tista’ titlob ġranet ta’ nofs paga. Jekk dawn il-ġranet jispiċċaw ukoll, l-impjegat jista’ jitlob ġranet għal-leave tal-mard bla ħlas. L-applikant għandu jikkomunika mad-dipartiment tar-Riżorsi Umani fuq il-post tax-xogħol tiegħu meta jkun fuq Sick Leave b’Nofs Paga jew Bla Ħlas.

Il-Benefiċjarju għandu jirċievi l-ħlas tal-Benefiċju għal Mard Miżjud fi żmien għoxrin (20) ġurnata wara kontinwazzjoni ta’ mard wara mija u sitta u ħamsin (156) jum ta’ benefiċju.

Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.

Tista’ tagħmel użu minn Kalkulatur online sabiex tagħmel stima tal-intitolament għall-Benefiċċju għal Mard.

Eliġibbiltà

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

  • Impjegat jew persuna li taħdem għal rasha li tkun marida mill-post tax-xogħol u tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kif xieraq.
  • Iċ-ċertifikat mediku blu għandu jimtela sew kemm mit-tabib kif ukoll minn min jagħmel it-talba għal sottomissjoni b’suċċess.
  • Biex persuna tkun eliġibbli għar-rata ta’ koppja ta’ Benefiċċju għal Mard, trid tkun:
    • Miżżewġa jew f’unjoni ċivili mal-konjuġi li ma j/taħdimx full-time.
    • Separata legalment imma tagħti manteniment lill-konjuġi separata li ma tkunx taħdem.
    • Ġenitur waħdu li jkollu l-kura u l-kustodja tat-tfal minuri jew jiddependu mill-applikant. Fil-każ ta’ kustodja maqsuma, l-applikant irid jagħti manteniment lil konjuġi jew qed jirċievi Allowance tat-Tfal.
  • Biex persuna tkun eliġibbli għar-rata ta’ persuna waħedha ta’ Benefiċċju għal Mard, trid tkun:
    • Persuna waħedha.
    • Miżżewġa jew f’unjoni ċivili mal-konjuġi li taħdem full-time.
    • Separata legalment iżda ma tagħtix manteniment lill-konjuġi separati.
    • Ġenitur waħdu li ma jkollux il-kura u l-kustodja effettiva tat-tfal minuri.
  • L-applikant irid ukoll ikun ħallas minn tal-inqas ħamsin (50) Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-Klassi 1 u / jew tal-Klassi 2 minn meta ġie reġistrat taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) sad-data tat-talba għall-benefiċċju
  • L-applikant irid ukoll ikun ħallas jew ġie akkredidat għoxrin (20) Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali matul l-aħħar sentejn sħaħ qabel is-sena li fiha ssir it-Talba għall-Benefiċċju għal Mard.

Il-Benefiċċju għal Mard għandu jitħallas sa mija u sitta u ħamsin (156) jum u jista’ jiġi estiż sa erba’ mija u tmienja u sittin (468) ġurnata ta’ benefiċċju f’sentejn (2) skond id-deċiżjoni tal-Bord Mediku. Il-ħlas massimu jiddependi wkoll min-numru ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mħallsa waqt l-impjieg ta’ min jagħmel it-talba.

Dokumentazzjoni meħtieġa

Dokumentazzjoni ġenerali:

  • Iċ-ċertifikat mediku il-blu mimli kollu kif suppost minn tabib mediku reġistrat.
  • Kun żgur li d-dettalji bankarji tiegħek hekk kif miżmuma mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huma aġġornati sabiex tirċievi ħlasijiet b’depożitu dirett f’bank. In-numru tal-IBAN għandu jkun kont tat-Tfaddil jew Kurrenti u mhux kont ta’ Self. Il-kont indikat għandu jkun f’isem l-benefiċjarju biss. Jekk persuna diġà tirċievi xi benefiċċju ieħor dawn jiġi ddepożitati fl-istess kont tal-bank. Id-dettalji bankarji jistgħu jiġu aġġornati fuq mySocialSecurity.

Noti Addizzjonali u Xenarji

Hawn taħt hawn erba’ (4) xenarji ta’ talba ta’ Benefiċċju tal-Mard li jistgħu jiggwidaw lil min jagħmel it-talba biex jifhem aktar kif tiġi applikata r-regola ta’ talba ta’ inqas minn erbat (4) ijiem:

  1. Impjegat, li għandu impjieg regolari ta’ ġimgħa ta’ ħames (5) ijiem, jiġi ċċertifikat mit-tabib tiegħu/tagħha bħala medikament mhux tajjeb għax-xogħol mit-Tnejn sal-Erbgħa f’ġimgħa ta’ xogħol partikolari. Fuq iċ-ċertifikat it-tabib jindika li min jagħmel it-talba għandu jerġa’ jibda jaħdem nhar il-Ħamis. M’hemmx festi pubbliċi li jaqgħu bejn it-Tnejn u l-Erbgħa. In-numru ta’ ġranet ta’ mard f’dan il-każ huma tlieta (3).
    • Bħala riżultat, l-impjegat mhux meħtieġ li jissottometti ċ-Ċertifikat Mediku Blu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali (DSS) għal din it-Talba. Madankollu, min iħaddem lill-impjegat xorta jista’ jitlob iċ-ċertifikat mediku blu.
    • Jekk għal xi raġuni, l-impjegat għadu mhux tajjeb għax-xogħol nhar il-Ħamis, it-tabib jista’ jestendi t-talba billi jimla’ Ċertifikat Mediku Blu ieħor minn nhar il-Ħamis sad-data li l-impjegat jitqies bħala tajjeb biex jerġa’ jibda jaħdem. F’dan il-każ, iż-żewġ ċertifikati jridu jiġu sottomessi lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, jiġifieri dak li jibda mit-Tnejn sal-Erbgħa, u dak li jkompli mill-Ħamis ’il quddiem biex it-Talba tal-Benefiċċju tal-Mard tiġi sottomessa b’mod korrett.
  1. Impjegat ma jaħdimx nhar ta’ Sibt u Ħdud, jiġifieri ġimgħa ta’ ħames (5) ijiem, u jkun iċċertifikat mit-tabib tiegħu/tagħha bħala medikament mhux tajjeb għax-xogħol mill-Ġimgħa ta’ ġimgħa partikolari sat-Tlieta tal-ġimgħa tax-xogħol ta’ wara. Fuq iċ-Ċertifikat Mediku Blu t-tabib jindika li min jagħmel it-talba għandu jerġa’ jibda jaħdem nhar l-Erbgħa. M’hemm l-ebda festi pubbliċi li jaqgħu bejn il-Ġimgħa u t-Tlieta. In-numru ta’ ġranet ta’ mard f’dan il-każ huma wkoll tlieta (3).
    • Bħala riżultat, l-impjegat mhux meħtieġ li jissottometti ċ-Ċertifikat Mediku Blu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali (DSS) għal din it-Talba. Madankollu, min iħaddem lill-impjegat xorta jista’ jitlob iċ-Ċertifikat Mediku Blu.
    • Jekk għal xi raġuni, l-impjegat għadu mhux tajjeb għax-xogħol nhar l-Erbgħa, it-tabib jista’ jestendi t-talba billi jimla’ Ċertifikat Mediku Blu ieħor minn nhar l-Erbgħa sad-data li l-impjegat jitqies tajjeb biex jerġa’ jibda jaħdem. F’dan il-każ, iż-żewġ ċertifikati jridu jintbagħtu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, jiġifieri dak mill-Ġimgħa sat-Tlieta ta’ wara, u dak mill-Erbgħa ‘l quddiem biex it-Talba tal-Benefiċċju tal-Mard tiġi sottomessa b’mod korrett.
  1. Impjegat ma jaħdimx nhar ta’ Ħadd, jiġifieri ġimgħa ta’ sitt (6) ijiem u huwa ċċertifikat mit-tabib tiegħu/tagħha bħala medikament mhux tajjeb għax-xogħol mill-Ġimgħa ta’ ġimgħa partikolari sat-Tnejn tal-ġimgħa tax-xogħol ta’ wara. Fiċ-ċertifikat it-tabib jindika li min jagħmel it-talba għandu jerġa’ jibda jaħdem nhar it-Tlieta. M’hemm l-ebda festi pubbliċi li jaqgħu bejn il-Ġimgħa u t-Tnejn. In-numru ta’ ġranet ta’ mard f’dan il-każ huma wkoll tlieta (3).
    • Bħala riżultat, l-impjegat mhux meħtieġ li jissottometti ċ-Ċertifikat Mediku Blu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali (DSS) għal din it-talba. Madankollu, min iħaddem lill-impjegat xorta jista’ jitlob iċ-Ċertifikat Mediku Blu.
    • Jekk għal xi raġuni, l-impjegat għadu mhux tajjeb għax-xogħol nhar it-Tlieta, it-tabib jista’ jestendi t-talba billi jimla’ Ċertifikat Mediku Blu ieħor mit-Tlieta sad-data li l-impjegat jitqies bħala tajjeb biex jerġa’ jibda jaħdem. F’dan il-każ, iż-żewġ ċertifikati jridu jiġu sottomessi lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, jiġifieri dak mill-Ġimgħa sat-Tnejn ta’ wara, u dak mit-Tlieta ‘l quddiem biex it-Talba tal-Benefiċċju tal-Mard tiġi sottomessa b’mod korrett.
  1. Impjegat jiġi ċċertifikat mit-tabib tiegħu/tagħha bħala medikament mhux tajjeb għax-xogħol mit-Tnejn sal-Ħamis f’ġimgħa ta’ xogħol partikolari. Fiċ-ċertifikat it-tabib jindika li min jagħmel it-talba għandu jerġa’ jibda jaħdem nhar il-Ġimgħa. Madankollu, it-Tlieta tinzerta tkun Festa Pubblika. In-numru ta’ ġranet ta’ mard f’dan il-każ huma wkoll tlieta (3).
    • Bħala riżultat, l-impjegat mhux meħtieġ li jissottometti ċ-Ċertifikat Mediku Blu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali (DSS) għal din it-Talba.
    • Jekk għal xi raġuni, l-impjegat għadu mhux tajjeb għax-xogħol nhar il-Ġimgħa, it-tabib jista’ jestendi t-talba billi jimla’ Ċertifikat Mediku Blu ieħor mill-Ġimgħa sad-data li l-impjegat ikun meqjus bħala tajjeb biex jerġa’ jibda jaħdem. F’dan il-każ, iż-żewġ ċertifikati jridu jintbagħtu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, jiġifieri dak mit-Tnejn sal-Ħamis, u dak mill-Ġimgħa ‘l quddiem biex it-Talba tal-Benefiċċju tal-Mard tiġi sottomessa b’mod korrett.

Fil-qosor, l-ewwel tlett (3) ijiem tax-xogħol ta’ kwalunkwe Talba għall-Benefiċċju tal-Mard m’għandhomx jinkludu ġranet mhux tax-xogħol ta’ kull ġimgħa (bħal Sibtijiet u/jew Ħdud, jew xi ġranet mhux tax-xogħol li jirriżultaw minn xogħol bix-xift), kif ukoll kwalunkwe Festi Pubbliċi. li jaqgħu fi ħdan.

Kif tapplika

Wieħed jista’ jissottometti kopja taċ-ċertifikat mediku blu online. Il-ħin approssimattiv li jittieħed biex timtela l-applikazzjoni huwa ta’ ħames (5) minuti.

Wieħed jista’ ukoll jieħu ċ-ċertifikat mediku blu oriġinali fl-eqreb  ċentru ta’ servizz.gov. Hija r-responsabbiltà tal-impjegat li jissottometti ċ-ċertifikat mediku blu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Kun infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali  mhux qed taċċetta kwalunkwe ċertifikati mediċi blu sottomessi online minn min iħaddem f’isem l-applikant. Barra minn hekk ammonti kbar ta’ ċertifikati mediċi blu mibgħutin minn min iħaddem f’isem il-ħaddiema mhux se jkunu aċċettati.

Inti għandek tirċievi l-ħlas fi żmien għoxrin (20) ġurnata jekk id-dettalji meħtieġa jiġu sottomessi u li int tkun eliġibbli. Biex tara pagamenti relatati, l-utent irid jaċċessa s-servizz ta’ pagamentidss.gov.mt fejn applikabbli.

Fil-każ ta’ Benefiċċju għal Mard Miżjud, m’hemmx għalfejn tapplika għaliex ir-rata tal-benefiċċju tinbidel awtomatikament minn eżattament wara mija u sitta u ħamsin (156) jum ta’ Benefiċċju kurrenti u kontinwu għal Mard.