Benefiċċju għal Mard
Ħarsa ġenerali
Il-Benefiċċju għal Mard jista’ jingħata lil persuna li għadha ma laħqitx l-età tal-irtirar u għandu jimtela ċ-ċertifikat mediku l-blu minn tabib. Iċ-ċertifikat mediku l-blue għandu jiġi sottomess lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi żmien 10 ijiem mill-ewwel jum tal-mard. L-uniċi eċċezzjonijiet aċċettati huma dovuti għad-dħul fl-isptar jew trattament barra mill-pajjiż. Min-naħa l-oħra, il-kopja taċ-ċertifikat mediku l-blu għandha tingħata lil min iħaddem. Jekk il-mard ikun itwal minn 14 il-ġurnata iċ-ċertifikat mediku l-blu għandu jiġi mġedded kull 2 ġimgħat, sakemm l-persuna tkun tajba biex terġa’ tmur lura għax-xogħol.
Għal informazzjoni dwar sitwazzjonijiet transkonfinali ikklikkja hawn.
- Persuna m’għandiex għalfejn tissottometti iċ-ċertifikat mediku il-blu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’każijiet fejn il-perjodu ta’ inkapaċità mix-xogħol huwa ta’ 3 ijiem jew anqas.
- Ċertifikazzjoni ta’ mard ta’ 3 ijiem jew anqas ma jikkostitwix talba għall-benefiċċju għal mard izda l-kopja taċ-ċertifikat mediku l-blu trid tingħata lil min iħaddem, jekk dan jesiġi li jkun irid il-Kopja għall-Prinċipal.
- Ċertifikat ta’ Bidu u Tmiem jew Ċertifikat Magħluq jiċċertifika li l-persuna assigurata mhijiex tajba għax-xogħol għal perjodu speċifiku ta’ jiem li ma jaqbiżx l-14-il ġurnata.
- Ċertifikat ta’ Bidu jew Bidu Miftuħ jiċċertifika li l-persuna assigurata ġiet eżaminata medikament għall-ewwel darba u mhux se tkun tajba għax-xogħol għal aktar minn 14-il ġurnata.
- Ċertifikat ta’ Kontinwazzjoni jiċċertifika li l-persuna assigurata għadha mhix kapaċi tattendi x-xogħol għall-perjodu li ma jeċċedix l-14-il ġurnata mid-data tal-eżami fuq iċ-ċertifikat mediku l-blu.
- Ċertifikat ta’ Tmiem jew Finali jiċċertifika li l-persuna assigurata tista’ tidħol għax-xogħol fid-data speċifikata fuq iċ-ċertifikat mediku l-blu għal perjodu li ma jeċċedix l-14-il ġurnata mid-data tal-eżami fuq l-istess ċertifikat.
- Persuna li ssofri mill-marda tal-Fibromyalgia jew Myalgic Encephalomyelitis (ME) titħallas il-benefiċċju tal-Mard mill-ewwel ġurnata ta’ mard hekk kif tagħmel it-tieni talba ta’ mard fl-istess sena.
- Persuna li għaddejja minn kors ta’ terapija minħabba l-kanċer titħallas l-benefiċċju tal-Mard mill-ewwel ġurnata ta’ mard hekk kif tagħmel it-tieni talba ta’ mard fl-istess sena.
- Ġenituri li minħabba li jinsabu neqsin mid-dinja tax-xogħol għaliex uliedhom qed jieħdu kura għal mard rari, jistgħu jkunu eliġibbli għal kreditu tal-kontribuzzjoni għal perjodu massimu ta’ 8 snin.
X’se tingħata
Impjegat jitħallas il-Benefiċċju għal Mard mir-4 jum tal-marda (l-għada tad-data tal-eżami), peress li l-ewwel 3 ijiem jitħallsu minn min iħaddem. Min iħaddem għandu 2 għażliet:
- Iħallas il-paga sħiħa tal-impjegat għall-ewwel 3 ijiem ta’ mard u mbagħad iħallas id-differenza bejn ir-rata tal-benefiċċju għal mard u l-paga għal kumplament tal-mard ċertifikat;
- Iħallas il-paga sħiħa tal-impjegat għat-tul tal-mard ċertifikat kollu u l-impjegat jirrifondi lil min iħaddem il-ħlas tal-Benefiċċju għal Mard ladarba dan jinħareġ mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Jekk persuna tkun diġà qed tirċievi ħlas f’kont bankarju, il-ħlas tal-Benefiċċju għal Mard isir fl-istess kont bankarju.
Persuna li taħdem għal rasha li tissottometti ċertifikat mediku blu tingħata Benefiċċju għal Mard mir-4 jum tal-mard, u hi intitolata għar-rata ta’ Benefiċċju fiss.
Il-Benefiċċju għal Mard jingħata skont in-numru ta’ ġranet tax-xogħol f’ġimgħa tax-xogħol normali (jiġifieri ġimgħa ta’ 5 jew 6 ijiem). L-ebda ħlas ma jsir għal btajjel pubbliċi u l-Ħdud.
Persuna li waqfet taħdem minħabba raġunijiet ta’ mard u qed tistenna li tingħata Pensjoni tal-Invalidità Kontributorja jew ma tkunx f’qagħda li taħdem u qed tissottometti ċertifikati mediċi l-blu kull 2 ġimgħat, tista’ tingħata wkoll Benefiċċju għal Mard. F’dan il-każ il-ħlas isir mit-Tnejn sas-Sibt kif ukoll għall-btajjel pubbliċi, ħlief il-Ħdud.
L-impjegati tal-Gvern huma esklużi milli jingħataw Benefiċċju għal Mard waqt li jkunu fuq leave għal mard bi ħlas.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Tista’ tagħmel użu minn Kalkulatur online sabiex tagħmel stima tal-intitolament għall-Benefiċċju għal Mard.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
- Biex persuna tkun eliġibbli għar-rata ta’ koppja ta’ Benefiċċju għal Mard, trid tkun:
- Miżżewġa jew f’unjoni ċivili mal-konjuġi li ma taħdimx full-time;
- Separata legalment imma tagħti manteniment lill-ex-konjuġi;
- Ġenitur waħdu li jkollu l-kura u l-kustodja tat-tfal. Fil-każ ta’ kustodja maqsuma, l-applikant irid jagħti manteniment lil konjuġi jew qed jirċievi Allowance tat-Tfal.
- Biex persuna tkun eliġibbli għar-rata ta’ persuna waħedha ta’ Benefiċċju għal Mard, trid tkun:
- Persuna waħedha;
- Miżżewġa jew f’unjoni ċivili mal-konjuġi li taħdem full-time;
- Separata legalment iżda ma tagħtix manteniment lill-ex-konjuġi;
- Ġenitur waħdu li ma jkollux il-kura u l-kustodja tat-tfal.
- L-applikant irid ikun ħallas minn tal-inqas 50 Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-Klassi 1 u / jew tal-Klassi 2 minn meta ġie reġistrat taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) sad-data tat-talba għall-benefiċċju; kif ukoll ikun ħallas jew ġie akkredidat 20 Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali matul l-aħħar sentejn sħaħ qabel is-sena li fiha ssir it-Talba għall-Benefiċċju għal Mard.
Il-Benefiċċju għal Mard għandu jitħallas sa 156 jum u jista’ jiġi estiż sa 468 ġurnata ta’ benefiċċju f’sentejn skond id-Deċiżjoni tal-Bord Mediku. Il-ħlas massimu jiddependi wkoll min-numru ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mħallsa waqt l-impjieg ta’ min jagħmel it-talba.
Dokumentazzjoni meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- Iċ-ċertifikat mediku il-blu mimli minn Tabib Mediku.
- Żgura li d-dettalji bankarji tiegħek miżmuma mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huma aġġornati sabiex tirċievi ħlasijiet b’depożitu dirett f’bank. In-numru tal-IBAN għandu jkun kont lokali tat-Tfaddil jew Kurrenti u mhux kont ta’ Self. Il-kont indikat għandu jkun f’isem l-benefiċjarju biss. Id-dettalji bankarji jistgħu jiġu aġġornati fuq mySocialSecurity.
Kif tapplika
Wieħed jista’ jissottometti kopja taċ-ċertifikat mediku l-blu online. Il-ħin approssimattiv li jittieħed biex timtela l-applikazzjoni huwa ta’ 5 minuti.
Jew wieħed jista’ jieħu ċ-Ċertifikat Mediku oriġinali fl-eqreb ċentru ta’ servizz.gov.
Normalment tirċievi l-pagament madwar 20 jum tax-xogħol wara li tiġi sottomessa l-applikazzjoni tiegħek. Tista’ tgħin biex tiżgura li t-talba tiegħek tiġi pproċessata malajr kemm jista’ jkun billi timla l-applikazzjoni bir-reqqa u tipprovdi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri mitluba fil-pront.