Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Benefiċċju għall-Ogħli tal-Ħajja Addizzjonali

Ħarsa ġenerali​

Fl-1990 frott patt soċjali ddaħħal il-mekkaniżmu tal-COLA.

Dan jaħdem billi tingħata żieda kkalkulata fuq kemm tkun għoliet b’mod perċentwali l-ispiża fuq il-basket ta’ spiża tal-familja medja f’pajjiżna.

Iżda l-basket ta’ spiża ta’ familja medja huwa differenti minn dak ta’ familja bi dħul baxx jew minn dak tal-pensjonanti.

Per eżempju il-familji bi dħul baxx bħala medja jonfqu 30% tal-basket ta’ spiża tagħhom fuq ikel mentri familja medja tonfoq 20%.

Li jfisser li għal familja bi dħul baxx, bidla fil-prezz tal-ikel hija aktar importanti milli tkun għal familja medja.

L-istess għall-pensjonanti. Dawn jonfqu relattivament aktar fuq il-mediċini u l-ikel milli tonfoq familja medja.

Fid-dawl ta’ dan, filwaqt li jibqa’ fis-seħħ il-mekkaniżmu tal-COLA, il-Gvern daħħal mekkaniżmu addizzjonali bħala Benefiċċju għall-Ogħli tal-Ħajja.

X’se tingħata

Dan il-mekkaniżmu jaħdem billi tiġi kkalkulata kemm kienet tkun il-COLA kieku l-basket ta’ spiża użat kien dak tal-familji bi dħul baxx jew pensjonanti.

Din iż-żieda imbagħad tiġi mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-mekkaniżmu tal-COLA u jekk tkun akbar, id-differenza tidħol fil-Benefiċċju għall-Ogħli tal-Ħajja.

Fl-2023 u l-2024 jirriżulta li l-COLA addizzjonali tlaħħaq €2.91 fil-ġimgħa aktar mill-COLA normali.

Dan il-benefiċċju ser jibqa jitħallas kull sena u ma’ huwiex taxxabbli;

Il-pagamenti lil min hu eliġibbli ser jitħallsu fuq żewġ pagamenti (Diċembru 2023 u Mejju 2024).

Jekk id-differenza minn sena għal oħra tkun anqas, din tibqa’ l-istess bħal tas-sena ta’ qabel.

Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.

Eliġibbiltà

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

Dan il-benefiċċju se jingħata lil dawk il-familji kollha li jkollhom dħul aġġustat għan-numru ta’ persuni fil-familja li jkun taħt il-medjan nazzjonali ekwavilizzat kif definit mill-Eurostat.

Dan id-dħul bħalissa huwa €18,155 (skont l-aħħar SILC ippubblikat mill-NSO).

Dan ifisser li familja b’persuna waħda, per eżempju armla, jekk ikollha dħul sa €18,155 tikkwalifika.

L-istess familja b’2 persuni, per eżempju koppja pensjonanti, jekk ikollha dħul sa €27,232.

Familja bi 3 persuni, per eżempju single parent b’żewġt ulied (wieħed ta’ 14-il sena jew aktar) jew koppja b’wild wieħed taħt l-14-il sena, jekk ikollha dħul sa €32,679 tikkwalifika.

Familja b’4 persuni, per eżempju koppja b’żewġt ulied taħt l-14-il sena, tikkwalifika jekk ikollha dħul sa €38,126.

Familja b’5 persuni, per eżempju koppja b’wild fuq l-14 il-sena u żewġ ulied taħt l-14-il sena, tikkwalifika jekk ikollha dħul sa €47,203.

Dan juri li dan il-mekkaniżmu issa se jgħin firxa ferm uwża ta’ nies u mhux biss dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar jew vulnerabbli.

L-ammont tal-benefiċċju se jkun ibbażat fuq id-dħul tal-familji fl-2022.

Il-benefiċċju huwa bejn €100 u €1,500 fis-sena.

L-ammont jiddependi minn żewġ fatturi: kemm id-dħul tal-familja ekwivalizzat[1] jitqabbel mal-livell ta’ dħul li huwa 60% tal-medjan nazzjonali ekwavilizzat (il-livell tar-riskju tal-faqar li bħalissa huwa €10,893) u kemm hemm persuni fil-familja.

Anqas ma hu d-dħul, aktar ikun il-benefiċċju.

Per eżempju jekk persuna waħidha taqla’ sa 40%[2] tas-60% tal-medjan nazzjonali ekwivaliżżat (i.e. €4,357), il-benefiċċju ikun ta’ €2.91 fil-ġimgħa x 100/40 x 52 ġimgħa u jingħata €378.30 fis-sena.

B’kuntrast persuna waħidha bi dħul ta’ €18,155, li jiġi 167%** tas-60% tal-medjan nazzjonali ekwivaliżżat li huwa €10,893, il-benefiċċju ikun ta’ €2.91 x 100/167 x 52 ġimgħa u tingħata il-minimu ta’ €100 fis-sena (suppost €90.79).

Meta jkun hemm aktar minn persuna waħda, id-dħul tal-familja jiġi aġġustat għall-ammont ta’ persuni fil-familja billi jiġi immultiplikat bin-numru ta’ persuni eliġibbli (numru attwali mhux ekwavilizzat).

Barra minn hekk aktar ma jkun hemm membri fil-familji, aktar ikun il-benefiċċju.  Tfal jgħixu fil-familja bi dħul li jaqbeż €10,893 jiġu esklużi mill-familja sabiex id-dħul tagħhom ma jippenelizzax lil dik il-familja.

[1] Id-dħul tal-familja jiġi diviż b’numru li jiġi stabbilit fuq kemm hemm persuni fil-familja billi l-ewwel adult jingħata piż ta’ 1.0, kull adult addizzjonali inkluż tfal ta’ 14-il sena jew akbar, piż ta’ 0.5, u tfal taħt l-14-il sena piż ta’ 0.3.

[2] Il-perċentaġġ imsemmi jinkiseb billi tagħmel €10,893 / id-dħul tal-familja ekwivalizzat u jiġi rounded up sal-eqreb fattur diviż b’ 5%.  Eżempju 43.5% isir 45%; 49% isir 50%.eċċetera.

Eżempji ta’ kemm se jibbenefikaw familji differenti (dawn biex iservu bħala gwida)

Armla jew persuna waħidha bi dħul ta’:

€8,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €202 fis-sena.

€10,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €159 fis-sena

€14,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €121 fis-sena

€16,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €106 fis-sena

€18,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €100 fis-sena

Koppja, eżempju pensjonanti, bi dħul ta’:

€10,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €467 fis-sena.

€12,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €404 fis-sena.

€15,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €319 fis-sena

€21,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €242 fis-sena

€24,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €212 fis-sena

€27,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €191 fis-sena

Single parent b’żewġt ulied (wieħed ta’ 14-il sena jew aktar) jew koppja b’wild wieħed taħt l-14-il sena bi dħul ta’:

€10,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €825 fis-sena

€12,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €701 fis-sena.

€14,400 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €606 fis-sena.

€18,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €478 fis-sena

€21,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €431 fis-sena

€25,200 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €363 fis-sena

€28,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €318 fis-sena

€32,500 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €287 fis-sena

Familja b’4 persuni, per eżempju koppja b’żewġ ulied taħt l-14-il sena, bi dħul ta’:

€14,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €931 fis-sena

€16,800 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €807 fis-sena.

€19,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €712 fis-sena

€21,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €637 fis-sena

€24,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €576 fis-sena

€29,400 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €466 fis-sena

€34,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €404 fis-sena

€38,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €363 fis-sena

Familja b’5 persuni, per eżempju koppja b’wild fuq l-14 il-sena u żewġ ulied taħt l-14-il sena, bi dħul ta’:

€15,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,376 fis-sena

€18,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,164 fis-sena.

€22,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €946 fis-sena

€26,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €796 fis-sena

€30,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €688 fis-sena

€34,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €630 fis-sena

€38,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €560 fis-sena

€45,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €473 fis-sena

Dokumentazzjoni meħtieġa

Dokumentazzjoni ġenerali:

  • L-ebda dokumentazzjoni mhi meħtieġa għal dan il-benefiċċju, sakemm mhemmx il-bżonn li tapplika skont kif indikat hawn taħt.

Kif tapplika

Ma hemmx ħtieġa ta’ applikazzjoni għal dan il-benefiċċju għax kull informazzjoni meħtieġa tinġabar mid-Dipartiment tal-Kummissarju tad-Dħul u mid-Dipartment tas-Sigurtà Soċjali. 

Intant, għal dawk il-każijiet fejn il-persuna ma rċevietx benefiċċji mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali mis-sena 2022 ‘il quddiem, is-sistema mhux infurmata bid-dħul li huwa neċessarju biex tittieħed azzjoni, l-applikant/a j/trid j/tapplika sa 30 ta’ Settembru 2024, billi tikklikkja hawn.