Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Għotja ta’ Darba – Impjegati RSSL

Ħarsa ġenerali

Sabiex tiġi implimentata waħda mill-miżuri mħabbra fil-Baġit għas-sena 2024, il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Finanzi u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, fasslu skema biex tipprovdi għotja ta’ darba għal persuni li:

  • kienu fl-impjieg mal-Malta Drydocks Corporation u Malta Shipbuilding u fl-2003 ġew trasferiti u assimilati mal-Industrial Projects and Services Ltd (IPSL), illum magħrufa bħala Resource Support and Services Ltd (RSSL);
  • ma kkwalifikawx jew mhux se jikkwalifikaw għal pensjoni simili għal dik li tingħata lill-impjegati tal-Gvern.

X’se tingħata

Il-ħlas tal-għotja jsir biss għal dawk l-applikazzjonjijiet li jikkwalifikaw u li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-Iskema. L-ammont tal-għotja għandu jitħallas lill-applikant permezz ta’:

  • Depożitu dirett fil-kont tal-bank fejn tiġi ddepożitata l-pensjoni tal-istess applikant.

Ebda imgħax m’għandu jiżdied fuq l-ammont tal-għotja dovuta lill-applikant. Hija kundizzjoni ta’ din l-iskema li meta jaċċetta l-għotja l-applikant/a i/tkun qed j/tirrinunzja għal kull talba oħra u li j/tirtira kull kawża magħmula kontra l-Gvern, Awtorità jew xi entità pubblika.

L-Iskema tista’ tkun mifruxa fuq għadd ta’ snin b’sejħiet separati għall-applikazzjonijiet minn żmien għal żmien. Kull sejħa tkun kull darba suġġetta għall-proċess ta’ verifika.

Eliġibbiltà

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

  • Din l-iskema tapplika għal persuni msemmija hawn fuq li kienu fl-impjieg mal-Malta Drydocks Corporation u Malta Shipbuilding u fl-2003 ġew trasferiti u assimilati mal-Industrial Projects and Services Ltd (IPSL), illum magħrufa bħala Resource Support and Services Ltd (RSSL)
  • L-Iskema tapplika wkoll għall-eredi ta’ dawk l-individwi eliġibbli skont il-kundizzjonijiet tal-Iskema.
  • L-Iskema ma tapplikax għal dawk l-individwi li jirċievu, jew għandhom id-dritt li jirċievu, pensjoni skont l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Cap. 93.), l-Att dwar il-Pulizija (Kap. 164.) u l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta (Kap. 220.) jew xi pensjoni tas-servizz oħra.

Kif tapplika

Applikazzjonijiet ġodda taħt din l-Iskema għandhom isiru fuq il-formola tal-applikazzjoni murija fl-Iskeda ma’ din l-Iskema u għandu jkun fihom it-tagħrif u d-dettalji kollha kif meħtieġ fl-imsemmija formola u skont din l-Iskema.

F’każ ta’ persuna mejta li tkun eleġibbli taħt din l-iskema għandha ssir applikazzjoni mill-eredi.

F’każ li jkun hemm aktar minn eredi wieħed, trid issir applikazzjoni waħda konġunta mill-eredi. Flimkien mal-applikazzjoni għandha wkoll tiġi ppreżentata dikjarazzjoni magħmula mingħand nutar li fiha jiġi ddikjarat min huwa/huma l-eredi tal-persuna mejta, liema persuna mejta kienet eliġibbli sabiex tapplika għal din l-Iskema. F’din id-dikjarazzjoni għandu jkun indikat min huwa/hija l-eredi awtorizzat/a li j/tirċievi l-għotja f’isem l-eredi l-oħra. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jirriżerva d-dritt li jitlob għal aktar dokumenti minbarra d-dikjarazzjoni msemmija hawn fuq.

L-applikazzjonijiet għandu jkollhom mehmuża magħhom kull dokument u informazzjoni oħra li tista’ tintalab minn żmien għal żmien mill-Ministru responsabbli għall-Finanzi jew mill-Ministru responsabbli għal Politika Soċjali, u d-Drittijiet tat-Tfal.

Applikazzjonijiet taħt din l-Iskema, inklużi d-dokumenti li għandhom jiġu mehmuża mal-applikazzjoni, iridu jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2024. Tista’ tniżżel l-applikazzjoni billi tikklikkja hawn.

L-applikazzjoni kompluta għandha tintbagħat jew bil-posta lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, f’38, Triq l-Ordinanza, il-Belt Valletta, VLT 1021; jew billi tibgħatilna email fuq kuntattdss@gov.mt jew inkella billi żżur l-eqreb uffiċċju reġjonali ta’ servizz.gov.