Pensjoni tal-Invalidità
Ħarsa ġenerali
Il-Pensjoni tal-Invalidità tiġi mogħtija lill-persuni li jkunu ċċertifikati bħala inkapaċi li jkomplu jaħdmu f’impjieg jew fl-attività tagħhom għal rashom minħabba mard serju, problemi fiżiki, jew diżabilità mentali. L-eliġibbiltà tiddependi wkoll fuq li wieħed jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali hekk kif imsemmija fl-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.).
Din il-pensjoni tista’ tingħata wkoll lill-persuni li ngħataw il-Benefiċċju għal Korriment u jkunu ġew iċċertifikati li qed isofru b’aktar minn disgħin fil-mija (90%) diżabilità kkawżata minn aċċident jew marda relatata max-xogħol.
Benefiċjarji tal-Pensjoni tal-Invalidità jirċievu Krediti tas-Sigurtà Soċjali li jgħoddu għall-Pensjoni tal-Irtirar meta jilħqu l-età pensjonabbli tagħhom.
Qabel japplikaw, l-individwi għandhom jissottomettu mill-inqas sitt (6) xhur ċertifikati mediċi blu, għajr għall-pazjenti bil-kanċer. Dawn il-każijiet jiġu evalwati immedjatament mit-tobba li jkunu fuq il-bord mediku.
L-evalwazzjoni medika trid issir mit-tabib tal-familja li jrid jimla l-formula tal-indeboliment skond il-kundizzjoni tal-pazjent. Jekk l-evidenza medika ma tkunx biżżejjed, tintalab dokumentazzjoni addizzjonali.
Impjegati fis-Servizz Pubbliku jkollhom l-applikazzjoni tagħhom eżaminata mid-Dipartiment għall-People and Standards qabel il-każ jgħaddi għand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għad-deċiżjoni finali.
Minn Jannar 2026, il-benefiċjarji kollha li qed jirċievu l-Pensjoni tal-Invalidità ser jibbenefikaw minn żieda ta’ ħames mija u għoxrin ewro (€520) fis-sena, bl-aġġustament għall-għoli tal-ħajja inkluż.
Persuni li jingħataw livell ta’ erbgħin (40) punt, li huwa l-ogħla livell ta’ diżabilità, bħalissa jirċievu l-Paga Nazzjonali Minima netta, Intant, mis-sena 2026 dawn se jirċievu r-rata tal-Pensjoni ta’ Żewġ Terzi li kienu jkunu intitolati għaliha fl-età tal-irtirar.
Pensjoni ta’ Invalidità Parzjali
Mill-2026, persuni b’kundizzjonijiet ta’ bipolar disorder, psychotic depression, jew acute depression jistgħu jaħdmu part-time filwaqt li jirċievu Pensjoni tal-Invalidità parzjali. Din hija marbuta ma’:
- Rakkomandazzjoni ta’ speċjalista,
- Mill-inqas tliet (3) snin ta’ trattament kontinwu, u
- Konferma minn konsulent psikjatra tal-gvern.
Tliet (3) xhur qabel ma tintlaħaq id-data tal-perjodu ta’ ċertifikazzjoni tal-Pensjoni tal-Invalidità, il-benefiċjarji jiġu infurmati biex jerġgħu jikkonsultaw lit-tabib tagħhom jew lis-specialista kuranti li qed isegwihom għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-każ.
Għal informazzjoni dwar sitwazzjonijiet transkonfinali ikklikkja hawn.
X’se tingħata
Il-Pensjoni tal-Invalidità titħallas kull erba’ (4) ġimgħat bil-quddiem.
Hemm żewġ (2) kategoriji ta’ Pensjoni tal-Invalidità li persuna tista’ tirċievi:
- IP – Pensjoni ta’ Invalidità għall-persuna li tirċievi l-Pensjoni ta’
- NMIP – Pensjoni Nazzjonali Minima ta’ Invalidità għall-peruna li ma tirċevix Pensjoni tas-Servizz.
Il-limitu li kien impost qabel ta’ għaxar (10) snin krediti, li taħtu n-numru ta’ krediti tal-Pensjoni ta’ Invalidità ma setax jaqbeż in-numru ta’ Kontribuzzjonijiet imħallsa, m’għadux japplika. Għalhekk, mill-2026 ’il quddiem, is-snin kollha li persuna tkun fuq il-Pensjoni ta’ Invalidità se jiġu kkreditati, iżda se jingħataw għall-iskopijiet tal-pensjoni biss.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
- L-applikant irid ikun taħt l-età tal-pensjoni.
- L-applikant ried ikun f’impjieg full-time jew part-time regolari, jew qed jirreġistra taħt Parti 1 għal-xogħol, għal minn tal-inqas tnax-il (12) xahar qabel l-applikazzjoni.
- L-applikant għandu jkun iċċertifikat mill-bord mediku bħala inkapaċi għal xogħol xieraq full-time jew part-time għal perjodu ta’ bejn sena (1) u tliet (3) snin.
- L-applikant għandu jkollu min tal-inqas mitejn u ħamsin (250) kontribuzzjoni mħallsa u medja ta’ għpxrin (20) kontribuzzjoni fis-sena mill-età ta’ tmintax-il (18) sena sad-data tat-talba.
- Applikanti b’kundizzjonijiet mentali severi jista’ jkollhom bżonn biss ħamsin (50) kontribuzzjoni tul ħajjithom.
- Applikanti b’mard terminali jistgħu jirċievu r-rata sħiħa anke jekk il-medja annwali tagħhom hija inqas minn ħamsin (50), però dawn irid ikollhom minn tal-inqas ħamsin (50) kontribuzzjoni mħallsa tul ħajjithom.
- Wara li jilħqu l-età ta’ wieħed u sittin (61) sena, il-benefiċjarji jistgħu japplikaw għall-Pensjoni tal-Irtirar jekk jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibiltà. Id-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali jibgħat avviż uffiċjali biss fl-età tal-irtirar, għalhekk kwalunkwe azzjoni bikrija taqa’ taħt r-responsabbiltà tal-applikant.
Dokumentazzjoni meħtieġa
-
- Ċertifikat mediku mimli minn Speċjalista Kuranti. Ikklikkja hawn biex tniżżel dan ir-rapport mediku.
Jekk ir-rapport mediku mhux disponibbli minħabba appuntament ’l bogħod, dan għandu jiġi sottomess aktar ’il quddiem permezz tal-paġna ta’ kuntatt’ kuntattdss.gov.mt u mil-lista li tinżel agħżel ‘Pensjoni tal-Invalidità mit-taqsima ta’ Pensjonijiet Kontributorji.
- Pazjenti tal-kanċer jistgħu japplikaw immedjatament mingħajr ma jistennew sitta u għoxrin (26) ġimgħa ta’ ċertifikati mediċi blu jiġu sottomessi.
- Dokumenti mediċi oħra, bħal rapporti wara ħruġ mill-isptar.
- FS3 għas-sentejn (2) preċedenti f’każ ta’ ħaddiem, jew rendikont tad-dħul u ħruġ u riċevuti tal-kontribuzzjonijiet imħallsa jekk l-applikant jaħdem għal rasu.
- Wara li tingħata approvazzjoni bil-miktub mid-Dipartiment, l-applikanti għandhom jagħlqu kull impjieg jew attività għal rashom. Dan mhux neċessarjalment meħtieġ fil-mument tal-applikazzjoni.
- Żgura li d-dettalji bankarji jkunu aġġornati mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex pagamenti riċevuti jidħlu direttament fil-kont tal-bank. L-IBAN irid ikun wieħed lokali jew kurrenti, imma mhux kont ta’ self. Id-dettalji tal-bank jistgħu jiġu aġġornati fuq bankarjidss.gov.mt
Kif tapplika
Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.




