Informazzjoni dwar Riformi fil-Pensjonijiet Kontributorji
Pensjonijiet Kontributorji għall-Irtirar
Il-pensjonijiet kontributorji għall-irtirar jinqasmu f’żewġ skemi, il-pensjonijiet b’rata fissa u l-pensjonijiet taż-żewġ terzi.
Il-pensjonijiet b’rata fissa jingħataw lill-pensjonanti li jirċievu wkoll pensjoni tas-servizz u lill-pensjonanti li għandhom dħul pensjonabbli baxx. Il-pensjonijiet taż-żewġ terzi jingħataw lill-pensjonanti ‘l oħra kollha.
Pensjoni sħiħa għall-irtirar teħtieġ medja annwali ta’ mill-inqas ħamsin (50) kontribuzzjoni mill-1956 jew mill-età ta’ dsatax-il (19) sena (skont liema minnhom isseħħ aktar tard) u/jew mill-età ta’ tmintax-il (18) sena, jekk wieħed ikun twieled wara l-1958 sal-aħħar sena sħiħa qabel is-sena tal-irtirar.
Skont ir-Rapport tar-Riforma fil-Pensjonjiet tal-2010, b’effett minn Jannar 2014, l-età tal-pensjoni żdiedet għal wieħed u sittin (61) sena, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, u l-akkumulazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet meħtieġa għal pensjoni sħiħa taz-żewġ terzi żdiedet għal ħamsa u tletin (35) sena.
Għal dawk il-pensjonanti li kienu jirċievu l-pensjoni qabel 2006, u kienu intitolati għal għotja ta’ darba li ingħatat mar-rata tal-pensjoni, din iż-żieda għadha tingħatalhom fir-rata ta’ kull sena.
L-età statutorja tal-Pensjoni hija kif ġej:
| Persuna li twieldet bejn: | Età tal-Pensjoni |
|---|---|
| 1952 u 1955 | 62 |
| 1956 u 1958 | 63 |
| 1959 u 1961 | 64 |
| Persuna li twieldet minn: | Età tal-Pensjoni |
|---|---|
| 1/1/1962 il-quddiem | 65 |
Persuna tista’ tagħżel li tirtira qabel l-età tal-pensjoni iżda mhux qabel il-wieħed u sittin (61) sena sakemm ma tkunx f’impjieg bi qligħ u tkun ħallset il-kontribuzzjonijiet stipulati bejn l-età ta’ tmintax-il (18) sena u d-data tal-irtirar kif ġej:
| Persuna li twieldet bejn: | Numru ta’ Kontribuzzjonijiet Imħallsa |
|---|---|
| 1952 u 1961 | 1820 (35 sena) |
| 1962 u 1968 | 2080 (40 sena) |
| Persuna li twieldet bejn: | Numru ta’ Kontribuzzjonijiet Imħallsa |
|---|---|
| 1969 u 1975 | 2132 (41 sena) |
| 1976 ‘l quddiem | 2184 (42 sena) |
Żidiet fil-Pensjonijiet u Titjib Finanzjarju
Għall‑2026 il-pensjonijiet kollha żdiedu b’€10 fil‑ġimgħa, ekwivalenti għal €520 fis‑sena, li jikkonsistu minn:
- €4.66 Aġġustament għall-Għoli tal‑Ħajja (COLA).
- €5.34 żieda addizzjonali.
Riforma tad‑Dħul Massimu Pensjonabbli (MPI)
Minn 2024 ’l hawn, beda proċess gradwali biex ikun hemm Dħul Massimu Pensjonabbli wieħed (MPI), li japplika għall‑pensionanti kollha, irrispettivament mis‑sena twieldu. Taħt dan il-qafas, pensionanti mwielda qabel l‑1962 li s‑salarju ikkalkulat tagħhom jilħaq jew jaqbeż il‑MPI attwali, issa għandhom il-pensjoni tagħhom riveduta sabiex tkun fil-linja mar‑rata l‑ġdida. Il-limiti tal‑MPI għall‑pensionanti mwielda qabel l‑1962 qed jogħlew b’rata aktar mgħaġġla, biex maż‑żmien jiġu fil-linja mal‑MPI tal‑pensionanti mwielda fl‑1962 jew wara. L‑MPI għal pensionanti mwielda qabel l‑1962 żdied kif ġej:
| DĦUL MASSIMU PENSJONABBLI | PENSJONANTI MWIELDA QABEL 1962 | PENSJONANTI MWIELDA WARA 1962 |
| 2026 | 25,500.00 | 29,083.36 |
| 2025 | 23,500.00 | 28,303.36 |
| 2024 | 22,000.00 | 27,679.35 |
Ħlas b’lura ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali
Individwi ta’ bejn 59 u 64 sena, li huma residenti f’Malta, irreġistrati taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali u li huma f’impjieg bi qligħ, jistgħu jħallsu kontribuzzjonijiet nieqsa b’lura biex itejbu l-medja tal-kontribuzzjonijiet tagħhom għal rata ta’ pensjoni prospettiva.
Mill‑2026 ’il quddiem, ma tibqax meħtieġa l-impjieg meta jsiru kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali b’lura, imma esklużivament biex jintlaħaq il-minimu ta’ 10 snin ta’ kontribuzzjoni meħtieġa għall-eliġibbiltà għall-pensjoni tal-irtirar.
Krediti għat-Trobbija ta’ Tfal
Il-krediti għat-trobbija ta’ tfal jirrikonoxxu l-perjodi meta l-ġenituri jnaqqsu jew jieqfu mix-xogħol tagħhom biex jieħdu ħsieb uliedhom.
Krediti skont is-Sena tat-Twelid tal-Ġenitur:
Imwielda 1952–1961
- Sentejn (2) għal kull tifel/tifla (sa tliet (3) tfal, sal-età ta’ sitt (6) snin).
- Mir-raba’ (4) tifel/tifla ‘l quddiem: sena (1) għal kull wieħed.
- Tifel/tifla b’diżabilità: erba’ (4) snin.
Imwielda 1962 ‘il quddiem
- Erba’ (4) snin għal kull tifel/tifla (sa tliet (3)).
- Mir-raba’ (4) tifel/tifla ‘l quddiem: sentejn (2) jew pro-rata.
- Tifel/tifla b’diżabilità: sa tmien (8) snin.
Titjib Riċenti
- Mill-2024: Krediti jingħataw irrispettivament mill-impjieg qabel it-twelid.
- Missirijiet huma eliġibbli bl-istess termini meta jkunu huma li jieqfu jaħdmu biex jieħdu ħsieb l-ulied.
Miżura tal-Baġit 2026
- Il-krediti jestendu sa meta t-tifel/tifla jagħlaq 10 snin (għall-ewwel tliet (3) ulied).
- Ir-raba’ (4) wild kopert sal-età ta’ 11‑il sena; il-ħames (5) wild sal-età ta’ 12‑il sena.
- Ma hemm ‘l ebda limitu ta’ età għal tfal b’diżabilità jew mard rari.
Inċentiv għal min attenda b’suċċess Programm ta’ Rijabilitazzjoni
Persuni li jlestu programmi approvati ta’ rijabilitazzjoni tad-droga u wara jidħlu f’impjieg permanenti jibbenefikaw minn:
- Erba’ (4) snin krediti ta’ kontribuzzjoni, u
- Sentejn (2) eżenzjoni għall-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali min-naħa tal-impjegatur.
Inċentivi għall-persuni li jagħżlu li ma jeħdux il-pensjoni tal-irtirar u jibqgħu fl-impjieg tagħhom jew jaħdmu għal rashom.
L-ewwel pass li ħa l-Gvern ta’ Malta kien billi nieda dan l-inċentiv għall-ħaddiema fis-settur privat u għal min jaħdem għal rasu kif ġej:
| Età tal-Pensjoni tal-Irtirar | Għażla ta’ età f’impjieg* | Żieda f% fir-rata tal-Pensjoni | Età ta’ Intitulament |
|---|---|---|---|
| 61 | 62 | 6.5 | 62 |
| 62 | 63 | 7 | 63 |
| 63 | 64 | 7.5 | 64 |
| 64 | 65 | 8 | 65 |
* mingħajr ma jitolbu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom fl-età tal-pensjoni tal-irtirar
Dawk li jagħżlu li jipposponu l-Pensjoni tal-Irtirar tagħhom għal aktar minn sena, se jkollhom iż-żieda perċentwali tal-pensjoni tagħhom akkumulata hekk kif ġej:
| Età tal-Pensjoni tal-Irtirar | Għażla ta’ età f’impjieg* | Żieda f’% fir-rata tal-Pensjoni | Età ta’ Intitulament |
| 61 | 63 | 13.5 | 63 |
| 61 | 64 | 21 | 64 |
| 61 | 65 | 29 | 65 |
| 62 | 64 | 14.5 | 64 |
| 62 | 65 | 22.5 | 65 |
| 63 | 65 | 15.5 | 65 |
* mingħajr ma jitolbu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom fl-età tal-pensjoni tal-irtirar.
Iż-żieda perċentwali fil-pensjoni hija kumulattiva u tibqa titħallas sal-mewt tal-pensjonant.
Il-perċentwal taż-żieda fil-pensjoni se jkun pagabbli lill-persuni eliġibbli kollha li jirċievu Pensjoni Kontributorja għall-Irtirar li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq inklużi dawk li jirċievu l-Pensjoni Massima taż-Żewġ Terzi.
Iż-żieda perċentwali hija pagabbli apparti minn żidiet oħra fil-pensjonijiet, inkluża ż-Żidiet tal-Għoli tal-Ħajja.
Iż-żieda perċentwali tiġi ttrasferita fil-każ ta’ Pensjoni Kontributorja tar-Romol.
Aktar Informazzjoni
L-inċentivi għall-persuni li jżommu l-impjieg tagħhom lil hinn mill-età ta’ wieħed u sittin (61) sena jew mill-eta’ tal-pensjoni tagħhom, daħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2016, u ġew estizi għall-impjegati tas-settur pubbliku mill-1 ta’ Jannar 2019. Għalhekk, persuna li kienet eliġibbli għal Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar tal-inqas fl-età ta’ wieħed u sittin (61) sena, iżda li tagħżel li titlob il-pensjoni tagħha tal-anqas b’differiment ta’ sena, se tibbenefika miż-żidiet fil-perċentwal tal-pensjoni msemmija. Din iż-żieda se takkumula kull sena hekk kif id-data tal-għoti tal-pensjoni tiġi posposta. Persuna imjegata li tagħżel li tirtira wara l-età tal-pensjoni statutorja tagħha tista tagħmel dan bi ftehim mal-imgħallem tagħha.
Hawn taħt hawn tliet eżempji li se jgħinu biex jispjegaw dan l-inċentiv ġdid (jekk wieħed jassumi li z-zieda għall-għoli tal-ħajja se tkun ta’ €1.75 fil-ġimgħa).
- Persuna intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €8,000 fis-sena (€153.84 kull ġimgħa) fl-età ta’ 61 sena.
| Talba għal Pensjoni ta’ età | Flok l-età | Pensjoni tiżdied għal | Pensjoni fil-Ġimgħa |
| 62 | 61 | €8,520 | €163.85 |
| 63 | 61 | €9,080 | €174.62 |
| 64 | 61 | €9,891.28 | €190.22 |
| 65 | 61 | €10,320 | €198.46 |
Għalhekk, jekk persuna li hija intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €153.84 fil-ġimgħa fl-età ta’ 61 sena, u tkompli taħdem sal-età ta’ 65 sena u għalhekk titlob il-pensjoni tagħha fl-età ta’ 65 sena, l-intitolament tal-pensjoni tagħha jiżdied għal €198.45 fil-ġimgħa, żieda netta ta’ kważi €44.61 fil-ġimgħa.
- Persuna intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €9,500 fis-sena (€182.69 fil-ġimgħa) fl-età ta’ 62.
| Talba għal Pensjoni ta’ età | Flok l-età | Pensjoni tiżdied għal | Pensjoni fil-Ġimgħa |
| 63 | 62 | €10,117.50 | €194.57 |
| 64 | 62 | €10,782.50 | €207.36 |
| 65 | 62 | €11,495 | €221.06 |
Għalhekk, jekk persuna li hija intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €182.69 fil-ġimgħa fl-età ta’ 62 sena, tkompli taħdem sal-età ta’ 65 sena u għalhekk titlob il-pensjoni tagħha fl-età ta’ 65 sena, l-intitolament tal-pensjoni tagħha jiżdied għal €221.05 fil-ġimgħa, żieda netta ta’ kważi €38.36 fil-ġimgħa.
- Persuna intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €11,500 fis-sena (€221.15 fil-ġimgħa) fl-età ta’ 63.
| Talba għal Pensjoni ta’ età | Flok l-età | Pensjoni tiżdied għal | Pensjoni fil-Ġimgħa |
| 64 | 63 | €12,247.50 | €235.53 |
|
65 |
63 | €13,052.50 | €251.01 |
Għalhekk, jekk persuna li hija intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €221.15 fil-ġimgħa fl-età ta’ 63 sena u tkompli taħdem sal-età ta’ 65 sena u b’hekk titlob il-pensjoni tagħha fl-età ta’ 65 sena, ikollha l-intitolament tal-pensjoni tagħha jiżdied għal €251.01 fil-ġimgħa, żieda netta ta’ kważi €29.86 fil-ġimgħa.
Pensjoni tal-Età Mhux Kontributorja
Persuni li huma residenti f’Malta, ta’ aktar minn sittin (60) sena u li ma jikkwalifikawx għal pensjoni kontributorja għall-irtirar minħabba li ma jkollhomx in-numru minimu ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa jewak akkreditati, jistgħu jkunu intitolati għal Pensjoni tal-Età mhux kontributorja jekk jissodisfaw it-test tal-mezzi tal-kapital u tad-dħul.
Pensjoni Kontributorja għall-Invalidità
Il-pensjonijiet kontributorji għal Invalidità jingħataw lil persuni li jkunu ħallsu mill-inqas mitejn u ħamsin (250) kontribuzzjoni u li jkunu qed ibatu minn kundizzjoni medika li skont il-bord mediku tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tagħmilhom inkapaċi b’mod permanenti għal kwalunkwe impjieg full-time u/jew part-time.
Dawn il-persuni għandhom ikunu inkapaċi għax-xogħol (li jsofru mill-kundizzjoni medika tagħhom) għal mill-inqas sitt (6) xhur qabel it-talba tagħhom u f’impjieg kontinwu u/jew jirreġistraw għax-xogħol fuq ir-reġistru tal-Parti 1 miżmum minn Jobsplus għal mill-inqas sena (1).
Hemm tmien rati tal-Pensjoni għal Invalidità skont il-medja annwali tal-kontribuzzjonijiet imħallsa u/jew ikkreditati u l-istat ċivili tar-rikorrent. Dawn ir-rati mhumiex relatati mas-salarju li kienet taqla’ l-persuna eliġibbli meta kien/kienet fl-impjieg jew xogħol għal rasha.
Mis-sena 2026, l-applikanti li għandhom l-ogħla livell ta’ diżabilità, li qabel kienu jirċievu benefiċċji ekwivalenti għall-Pensjoni Nazzjonali Minima, minflok se jibdew jirċievu ammont daqs żewġ terzi tal-pensjoni li kienu jkunu intitolati għaliha meta jaslu għall-età tal-irtirar.
F’ċerti każijiet speċifiċi, ikun ukoll possibbli li persuna tkun f’impjieg bi qligħ filwaqt li tirċievi Pensjoni tal-Invalidità, soġġetti għal superviżjoni stretta minn speċjalista mediku. Dawn il-każijiet jinkludu individwi li jbatu mill-kundizzjoni tal-bipolar jew dipressjoni, u li ilhom jirċievu trattament għal mill-inqas tliet (3) snin u li l-kundizzjoni tagħhom tkun ġiet ċċertifikata minn psikjatra li jkun impjegat mas-servizz pubbliku.
Kontributorja għar-Romol
Il-pensjonijiet kontributorji tar-romol jingħataw lil persuni romol li l-konjuġi tagħhom kien/kienet ħallset bizzejjed kontribuzzjonijiet li bis-saħħa tagħhom ikollha medja ta’ mhux inqas minn ħmistax-il (15) kontribuzzjoni fis-sena. Tali pensjoni tista’ titħallas ukoll fejn il-konjuġi jkun miet/et minħabba xi diżgrazzja waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, kemm jekk bħala impjegati jew jekk jaħdmu għalihom innfushom.
Pensjoni tar-romol titħallas sħiha mingħajr ebda tnaqqis jekk l-armla tkun qed twettaq xogħol bi qligħ full-time u, fejn armla tiżżewweġ mill-ġdid, tkun dovuta pensjoni b’rata fissa tar-romol.
Vantaġġi tat-Taxxa għall-Pensjonanti
- Rata ta’ Ġuvni/Xebba: Il-limitu mhux taxxabbli jiżdied għal €18,552.
- Rata għall-Miżżewġin: Il-limitu mhux taxxabbli jiżdied għal €22,152.
- Mill-2026: Il-pensjonanti se jirċievu rifużjoni ta’ 100% tat-taxxa fuq kwalunkwe dħul addizzjonali sa €18,552.
Dawn l-inċentivi jipproteġu ż-żidiet fil-pensjoni mit-tassazzjoni u jżidu d-dħul nett tal-pensjonanti.
Titjib fil-Pensjonijiet tas-Servizz
- L-abatement jiżdied għal €3,866 fl-2026.
- L-ammont sħiħ tal-kommutazzjoni jsir eżenti mit-taxxa fl-età ta’ 72 sena.
- Mill-2024, dawn l-eżenzjonijiet japplikaw awtomatikament meta jgħaddu 12-il sena mill-ewwel għoti tal-Pensjoni tal-Istat.
Żieda fil-Pensjoni b’Top‑Up għal Benefiċjarji ta’ kwalunkwe Pensjoni ta’ Diżabilità
- Mill‑2025, benefiċjarji li kienu jirċievu kwalunkwe għajnuna ta’ diżabilità, kemm jekk għadhom fl-impjieg kif ukoll jekk le, se tieqaf l-assistenza tad-diżabilità, iżda jistgħu jirċievu żieda fil-pensjoni meta jirtiraw.
- Din iż-żieda tiżgura li r-rata tal-pensjoni kontributorja tilħaq mill-inqas il-Paga Minima Nazzjonali (NMW), b’top‑up minimu ta’ 10% tad-dritt tad-diżabilità qabel l-irtirar.
- Il-pensjoni tiżdied sa livell tal‑NMW skont il-medja tal-kontribuzzjonijiet, jew ikun applikat 10% top‑up fejn id-dritt jaqbeż l‑NMW.
- It‑top‑up jiġi kkalkulat abbażi tal‑medja tal‑kontribuzzjonijiet tal-persuna kif muri fit-tabella hawn taħt.
|
Kontribuzzjoni Medja |
NMW (€) |
| 50–52 | 221.78 |
| 40–49 | 213.02 |
| 30–39 | 197.01 |
| 15–29 | 184.32 |
Ħajja Barranija Barra mill-Pajjiż
Ċittadini Maltin li jgħixu l-Awstralja, il-Kanada jew New Zealand
Sabiex ċittadini Maltin residenti fl-Awstralja, il-Kanada jew New Zealand jitolbu pensjoni Maltija, huma għandhom jagħmlu talba permezz tal-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż li jgħixu fih.
Ċittadini Maltin jgħixu f’Pajjiżi fl-Unjoni Ewropea
Sabiex ċittadini Maltin li jgħixu f’pajjiż tal-UE jitolbu pensjoni Maltija, huma jridu jagħmlu talba permezz tal-instituzzjoni tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Jekk il-persuni kkonċernati kienu assigurati fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, huma għandhom jagħmlu t-talba permezz tal-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-istess pajjiż. Jekk iċ-ċittadini Maltin ikkonċernati, jgħixu f’pajjiż tal-UE iżda qatt ma ħadmu hemm, l-applikazzjoni xorta waħda għandha tiġi ppreżentata permezz tal-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-istess pajjiż. It-talba mbagħad tintbagħat għall-ipproċessar lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ta’ Malta mill-istess pajjiż ta’ residenza.
Ċittadini Maltin li jgħixu f’Pajjiżi li mhumiex Stati membri tal-Unjoni Ewropea
Sabiex ċittadini Maltin li jgħixu f’pajjiż li mhux Stat membru tal-Unjoni Ewropea jitolbu pensjoni Maltija, huma għandhom jippreżentaw applikazzjoni direttament mad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali f’Malta. Dan jista’ jsir jew billi jitniżżlu l-formoli tal-applikazzjoni mill-website tas-Sigurtà Soċjali u jintbagħtu bil-posta jew billi tiġi ppreżentata talba fiżikament waqt btala f’Malta.
Il-formoli għal kull tip ta’ pensjoni jistgħu jitniżżlu minn dan il-website billi tagħżel is-sezzjoni ta’ Ftehimiet Bilaterali.




