Talba Perċentwali Preskritta tal-FSS

Ħarsa ġenerali

F’Malta, it-tassazzjoni personali topera fuq prinċipju ġenerali: jekk inti domiċiljat u residenti ordinarjament fil-pajjiż, trid tiddikjara d-dħul kollu, inkluż dak tal-konjuġi tiegħek u tat-tfal dipendenti, minn kwalunkwe sors, inkluż dħul minn barra. Jekk m’intix domiċiljat jew residenti ordinarjament f’Malta, għandek tiddikjara d-dħul li taqla’ jew ġej minn Malta, kif ukoll kull dħul mibgħut lill-pajjiż. Is-sistema tat-tassazzjoni hija progressiva, jiġifieri dħul ogħla jwassal għal rati ta’ taxxa ogħla. It-taxxa personali hija tipikament imħallsa permezz tas-sistema tat-Taxxa Proviżorja, l-Final Settlement System (FSS), jew Self-Assessment. It-Taxxa proviżorja tapplika għal dawk li għandhom sorsi ta’ dħul bħall-kummerċ, in-negozju, il-professjoni jew il-vokazzjoni.

Min-naħa l-oħra, l-FSS hija mfassla għall-impjegati u l-pensjonanti, u tiżgura tnaqqis preċiż tat-taxxa mill-emolumenti hekk kif jiġu riċevuti biex jipprevjenu rifużjonijiet sinifikanti jew pretensjonijiet tat-taxxa. Kwalunkwe taxxa pendenti li ma tinġabarx minn dawn is-sistemi trid tiġi saldata permezz ta’ Self-Assessment sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.

X’se tingħata

Bit-Talba Perċentwali Preskritta tal-FSS, tista’ tissottometti talba biex tħallas it-taxxi fuq pensjoni kontributorji tas-Sigurtà Soċjali li jinkludu biss l-Pensjoni tal-Irtirar u l-Pensjoni tal-Invalidità, matul is-sena kollha minflok ma tħallas kont tat-taxxa fiż-żmien dovut. Bħala benefiċjarju tal-pensjoni kontributorja tas-Sigurtà Soċjali, għandek l-għażla li titlob li jitnaqqas persentaġġ speċifiku mill-intitolament tal-pensjoni tiegħek bħala taxxa. Dan il-perċentwal preskritt, magħżul minnek, jiddaħħal fis-sistema tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, u t-tnaqqis tat-taxxa jsir mill-intitolament tal-benefiċċju tiegħek skont dan. Importanti li r-rata ta’ taxxa perċentwali magħżula tiġi diskussa ma’ uffiċjali mid-dipartiment tal-Kummissarju tad-Dħul Finanzjarju biex jaslu għal rata perċentwali korretta peress li fondi żejda akkumulati mit-taxxa mnaqqsa ma jistgħux jiġu rimborsati.

Mill-1 ta’ Jannar 2024 kull tnaqqis tal-persentaġġ preskritt tal-FSS mill-Pensjoni tar-Romol mhux se jibqa’ awtomatikament jiġi mnaqqas mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Dan ifisser li hija r-responsabbiltà tal-armla jew l-armel li j/tirċievi l-Pensjoni tar-Romol li tara li titnaqqas it-taxxa minn kwalunkwe sors ieħor ta’ dħul.

Il-benefiċjaru għandu l-aċċess biex jara l-ammont tat-tnaqqis tat-taxxa tal-FSS  online permezz ta’ mySocialSecurity billi jintuża s-servizz ta’ Dikjarazzjoni ta’ Pagamenti Maħruġa. Intant mis-servizz ta’ Dikjarazzjoni ta’ Qligħ – FS3 il-benefiċjarju jista’ l-benefiċji u pensjonijiet li rċieva mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li huma taxxabbli. Intant, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali mbagħad jaqbad id-data tal-FSS u jgħaddiha lill-Kummissarju għad-Dħul bit-tnaqqis magħmul mill-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tal-benefiċjarji.

Għandek ukoll il-flessibbiltà li tiddeċiedi jekk iżżidx jew tnaqqasx il-perċentwal preskritt tal-FSS li għandu jitnaqqas mill-intitolament tal-pensjoni tiegħek. Għal tali talbiet, il-benefiċjarju għandu jkun konxju li t-tnaqqis tat-taxxa mill-pensjoni huwa mifrux matul is-sena. Għalhekk bħala rakkomandazzjoni, kwalunkwe talba għal żieda fit-taxxa preskritta preferibbilment ma tkunx mitluba fl-aħħar xhur tas-sena sabiex jiġi evitat ammont għoli ta’ tnaqqis f’daqqa tat-taxxa f’numru limitat ta’ xhur.

Eliġibbiltà

Biex tissottometti Talba Perċentwali Preskritta tal-FSS, trid tkun benefiċjarju tal-pensjoni kontributorja tas-Sigurtà Soċjali li tirċievi l-Pensjoni tal-Irtirar jew il-Pensjoni tal-Invalidità.

Kif tapplika

Imla u ssottometti t-talba tiegħek online.