Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Insaħħu lill-Ħaddiem – Aktar xogħol u benefiċċji, inqas dipendenza soċjali

29/04/2021 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

F’dawn l-aħħar tmien snin irnexxielna nibdlu l-kultura u l-mentalità marbuta mas-suq tax-xogħol u rnexxielna nikkonvinċu lin-nies li bix-xogħol jaqbillek. Huma bosta r-raġunijiet li wasslu għal dan ir-riżultat, ewlenija fosthom il-fatt li ħloqna aktar opportunitajiet ta’ xogħol, flimkien ma’ miżuri soċjali bħat-tapering of benefits, l-in-work benefit u child care b’xejn, fost oħrajn” – saħaq dan il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mill-kampanja ‘Insaħħu lill-Ħaddiem’.

Il-Ministru Michael Falzon spjega li fl-2013 kien hemm numru kbir ta’ nies fuq il-benefiċċji tal-qgħad u oħrajn dipendenti fuq l-assistenza soċjali, u għalhekk inħass il-bżonn li jkunu introdotti b’mod gradwali sensiela ta’ miżuri msejsa fuq il-prinċipju ta’ Making Work Pay.

It-tapering tal-benefiċċji kien introdott fl-2014 sabiex dawk li kienu jistrieħu fuq l-assistenza soċjali għal mill-anqas sentejn, jidħlu fid-dinja tax-xogħol u ma jitilfux il-benefiċċji f’daqqa, iżda b’mod gradwali fuq medda ta’ tliet snin.

Fl-ewwel sena, l-benefiċjarji jibqgħu intitolati għal 65% tal-assistenza, fit-tieni sena jieħdu 45%, u fit-tielet sena 25%. Fl-istess waqt, bħala inċentiv, min iħaddimhom jingħata 25% tal-benefiċċju kull sena għal tliet snin.

Fl-2018 sar titjib fl-iskema tat-tapering sabiex iż-żmien li wieħed ried ikun ilu fuq l-assistenza soċjali biex jibbenefika minn dan l-inċentiv niżel għal sena minn sentejn.

L-iskema nfetħet ukoll għal single parents li għandhom tfal taħt it-23 sena sakemm jaħdmu minimu ta’ 10 sigħat fil-ġimgħa jew, f’każ li tali single-parents jiżżewġu, jidħlu f’unjoni ċivili jew jikkoabitaw uffiċjalment ma’ xi ħadd li jaħdem.

Fl-ewwel sena li bdiet din l-iskema, fl-2014, kien hemm 588 persuna li bbenefikaw, filwaqt li l-ogħla numru kien fl-2017, bi 3,600 persuna. Aktar minn 80% tal-parteċipanti baqgħu fid-dinja tax-xogħol wara li ntemm il-perjodu ta’ tliet snin tal-iskema. Madwar 70% ta’ dawk li daħlu għaliha kienu nisa.

Miżura oħra importanti hija dik tal-in-work benefit li kienet introdotta fl-2015 għall-ġenituri li jaħdmu u li għandhom tfal taħt it-23 sena. Dan kien benefiċċju pjuttost imfittex tant li minn 1,359 persuna fl-2015, dawn telgħu għal 5,337 persuna fl-2020.

Aktar familji bdew jibbenefikaw minn rati ogħla tal-benefiċċju, wara li ogħla t-threshold fl-2020.

Kull familja ntitolata għall-in-work benefit tħallset suppliment ta’ €250 fl-2020. Mill-introduzzjoni tal-benefiċċju, aktar minn 7,400 familja ibbenefikaw minn dan il-beneficcju fi żmien jew ieħor li ħalla €16.5m fi bwiethom.

Baqa’ jingħata wkoll servizz ta’ ħarsien tat-tfal b’xejn għal ġenituri li jkunu jaħdmu jew li qed jistudjaw. Dan sabiex il-familji jkunu f’qagħda aħjar li jisfruttaw il-potenzjal ta’ kull membru tal-familja u jsibu bilanċ bejn id-dmirijiet tal-familja u dawk tax-xogħol. Is-servizz għal kull tifel u tifla jiswa madwar €4,000 kull sena liema flus issa qed jiġu ffrankati mill-familji.

L-għadd ta’ tfal f’dawn iċ-ċentri tela’ minn 3,856 persuna fl-2014 għal 6,702 persuna fl-2020.

Il-frott minn dawn il-miżuri ħareġ ċar f’perjodu qasir ta’ żmien u dan grazzi ukoll għall-kontribut ta’ dawn il-miżuri.

In-numru ta’ persuni fuq għajnuna soċjali fl-2020 niżel għal 4,598 – tnaqqis ta’ aktar minn 5,400 mill-2014. L-għadd ta’ dawk li jirċievu l-għajnuna għal min hu mingħajr impjieg waqa’ wkoll b’madwar 5,000 minn 6,119 għal 1,107 f’seba’ snin. Dawk fuq it-tapering tal-benefiċċji minn 588 fl-2014 kienu telgħu għal 3,600 fl-2017, waqt li fl-2020 kien hemm ftit aktar minn 2,000 persuna. Fuq l-in-work benefit minn 1,359 fl-2015, dawn telgħu għal 5,337 fl-2020.

Ma setax jonqos li din ir-riforma soċjali tħalli effett pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies u fuq iċ-ċifri tal-faqar.

                                               Ċaħda Materjali Severa      Ċaħda Materjali
2013                                               42,210 (10.2%)                            82,253 (19.9%)
2020                                              16,636 (3.3%)                              43,733 (8.7%)

Tnaqqis 2013-2020                25,574 (6.9pp)                             38,520 (11.2pp)

​Il-persuni mċaħħda materjalment severament niżel fl-2020, għal 3.3% tal-popolazzjoni f’Malta. B’kollox mill-2013 sas-sena 2020 dawn naqsu b’25,574 persuna meta dak iż-żmien ir-rata kienet ta’ 10.2%. Dan ifisser li n-numru ta’ persuni mċaħħda materjalment severament illum huwa terz ta’ dak li kien hawn fl-2013.

Nies imċaħħda materjalment mill-2013 sal-2020 naqsu bi 38,520 persuna. Kien hawn 19.9% tal-popolazzjoni imċaħħda materjalment filwaqt li fl-2020 dan niżel għal 8.7%. Dan ifisser li n-numru ta’ persuni mċaħħda materjalment illum huwa anqas minn nofs ta’ dak li kien fl-2013.

Fl-2020, dan il-ministeru kellu parti importanti fit-tmexxija ta’ benefiċċji għal dawk il-persuni li kellhom l-impjieg tagħhom affettwat u li ma kienux eliġibbli għall-Covid Wage Suppliment. Wieħed minn dawn il-benefiċċji kien estiż għal perjodu qasir, din is-sena meta għalqu l-iskejjel f’Marzu li għadda. Fis-sena 2020 kienet investita s-somma ta’ aktar minn €17.5-il miljun, meta wieħed jgħodd ukoll il-bolol.​

L-iktar benefiċċju li kien hemm applikazzjonijiet għalih is-sena l-oħra kien kien dak tal-ġenituri, għar-raġuni li numru ta’ ġenituri kellhom jibqgħu ma’ uliedhom id-dar, minħabba l-għeluq tal-iskejjel.

Madankollu, meta reġa’ ħareġ dan il-benefiċċju għall-ftit ġimgħat din is-sena, in-numru ta’ applikazzjonijiet kien ta’ 22% biss ta’ dawk li kienu applikaw sena ilu.

Il-Ministru Michael Falzon saħaq li kull ħaddiem fis-soċjetà huwa importanti, u għalhekk għandna nevitaw kull tip ta’ klassiżmu. Minflok, dan il-gvern jara li joħloq ġustizzja soċjali minn dejjem, anke jekk wieħed iħares storikament minn meta daħlet il-minimum wage f’Malta, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u r-rieda sabiex tingħata dinjità lil kulħadd, mill-ikbar sa l-iċken.