Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Nifhmu l-Benefiċċji Mediċi Mogħtija Taħt is-Sistema tas-Sigurtà Soċjali ta’ Malta

01/07/2025 | Aħbar Riċenti

Is-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Malta toffri firxa ta’ benefiċċji mediċi mfassla biex jappoġġjaw individwi bi bżonnijiet differenti relatati mas-saħħa. Il-fehim ta’ dawn il-benefiċċji u kif taċċessahom jista’ jgħinek tieħu l-aħjar mill-appoġġ disponibbli. Hawn ħarsa ġenerali:

1. Għajnuna Medika mingħajr Ħlas (Karta r-Roża)

L-Għajnuna Medika mingħajr Ħlas, magħrufa l-aktar bħala l-Karta r-Roża, tipprovdi lill-individwi eliġibbli aċċess għal ċerti servizzi mediċi, kif ukoll għall-mediċini bla ħlas. Dan il-benefiċċju huwa mmirat lejn dawk li ma jaffordjawx kura medika minħabba restrizzjonijiet finanzjarji.

2. Benefiċċju għal Mard

Il-Benefiċċju għal Mard huwa disponibbli għal individwi impjegati jew li jaħdmu għal rashom li ma jistgħux imorru x-xogħol minħabba mard għal żmien qasir. Biex tikkwalifika, trid tissottometti Ċertifikat Mediku Blu mimli minn tabib fi żmien għaxart ijiem mill-ewwel jum li tkun marid. Il-benefiċċju jitħallas għat-tul tal-mard li jibda mir-raba’ jum tal-mard, sakemm ikun iċċertifikat minn professjonist mediku.

3. Benefiċċju għal Mard fit-Tul

Għal individwi b’mard fit-tul, il-Benefiċċju għal Mard fit-Tul joffri appoġġ finanzjarju estiż. Wara 156 jum ta’ benefiċċju għal mard kontinwu, it-talba tiġi konvertita awtomatikament għall-Benefiċċju għal Mard Miżjud, li jkompli sakemm l-individwu jkun f’saħħtu biex jirritorna għax-xogħol jew jeżawrixxi l-perjodu tal-benefiċċju.

4. Benefiċċju għal Korriment

Jekk tbati minn xi korriment fuq il-post tax-xogħol tiegħek, tista’ tkun eliġibbli għall-Benefiċċju għal Korriment. Dan il-benefiċċju jipprovdi appoġġ finanzjarju matul il-perjodu ta’ rkupru tiegħek. Biex tapplika, trid tissottometti ċertifikat mediku li jiddettalja n-natura u l-firxa tal-korriment.

5. Għajnuna Medika għal Kundizzjonijiet Speċifiċi

Is-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Malta tipprovdi wkoll għajnuna mmirata għal kundizzjonijiet mediċi speċifiċi, inkluż:

  • Għajnuna Soċjali Medika: Appoġġ finanzjarju lil dawk il-persuni li ma jistgħux jimpenjaw ruħhom għal xi tip ta’ impjieg minħabba l-kundizzjoni medika tagħhom.
  • Għajnuna għal Mard Tista’ tingħata lil persuna li turi provi li l-persuna responsabbli tal-familja jew kwalunkwe membru tal-familja li jgħix fid-dar qed ibati minn marda kif elenkata fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) u li titfejjaq jew tittaffa biss b’dieta jew b’regoli dwar dieta speċjali li jġibu magħhom spiża addizzjonali.
  • Għajnuna dwar il-Lebbra: Appoġġ għal individwi dijanjostikati bil-lebbra.
  • Għajnuna dwar it-Tuberkulożi: Għajnuna finanzjarja għal dawk li qed jirċievu kura għat-tuberkulożi.
  • Għotja għal Ħalib: Għajnuna għall-omm bi bżonnijiet tad-dieta speċifiċi li jeħtieġu supplimenti tal-ħalib wara t-twelid.

6. Pensjoni tal-Invalidità

Il-Pensjoni tal-Invalidità tista’ tingħata lil individwi li huma ċċertifikati bħala inkapaċi li jinvolvu ruħhom f’impjieg full-time jew part-time xieraq jew xogħol indipendenti minħabba marda serja, indeboliment fiżiku, jew diżabilità mentali. L-eliġibilità hija soġġetta għat-twettiq tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali meħtieġa kif stipulat fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318).

Din il-pensjoni tista’ tingħata wkoll lil persuna li kellha talba għal Benefiċċju għal Korriment aċċettata u ġiet iċċertifikata li sofriet aktar minn 90 % diżabilità li tirriżulta mill-istess korriment jew marda li bdiet minn, jew matul l-impjieg tagħha jew okkupazzjoni.

7. Allowance għall-Tfal b’Diżabilità

Jista’ jingħata Allowance għall-Tfal b’Diżabilità lil tfal li jkunu ċċertifikati li jsofru minn diżabilità fiżika u/jew mentali. Dan il-benefiċċju jitħallas flimkien mal-Allowance tat-Tfal u jkun validu sakemm it-tfal jagħlqu sittax-il sena (16), jew erbatax-il sena (14) f’każ ta’ problemi fil-vista.

8. Għajnuna għal Diżabilità għal adulti

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’Malta jipprovdi għajnuna għal persuni b’diżabilità lil individwi eliġibbli:

  • Għajnuna għal Persuni b’Vista Batuta li tista’ tkun disponibbli għal individwi li għandhom bejn erbatax-il sena (14) u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena, li huma jew kompletament jew parzjalment nieqsa mid-dawl.
  • Għajnuna għal Diżabilità li tista’ tingħata lil individwi li għandhom bejn sittax-il sena (16) u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena, li jsofru minn paraliżi totali, malfunzjoni permanenti severa u totali, jew diżabilità totali permanenti minħabba amputazzjoni ta’ id jew sieq. L-Għajnuna għal Diżabilità tingħata wkoll lil individwi b’impediment fis-smigħ jew fid-diskors.
  • Għajnuna għal Diżabilità Severa (fiżika) li tista’ tkun disponibbli għal individwi li għandhom bejn sittax-il sena (16) u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena, b’diżabilitajiet fiżiċi.
  • Għajnuna għal Diżabilità Severa (intelletwali) li tista’ tingħata lil individwi li għandhom bejn sittax-il sena (16) u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena, b’diżabilitajiet intellettwali u ġenerali fit-tagħlim.

9. Benefiċċju tal-Enerġija Każijiet Umanitarji

Dan il-benefiċċju għandu l-għan li jtaffi l-effett taż-żieda fin-nefqa fuq il-kontijiet tal-ilma u tad-dawl ta’ familji b’paga baxxa minħabba raġunijiet umanitarji relatati ma’ kwistjonijiet mediċi. L-applikazzjoni tiġi riveduta minn Bord Konsultattiv Mediku, maħtur skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) sabiex tittieħed deċiżjoni.

Kif tapplika għal Benefiċċji Mediċi

Biex tapplika għal benefiċċji mediċi, segwi dawn il-passi:

  • Iddetermina l-Eliġibilità: Iċċekkja r-rekwiżiti speċifiċi għal kull benefiċċju biex tiżgura li tikkwalifika.
  • Iġbor id-Dokumentazzjoni: Iġbor id-dokumenti kollha meħtieġa, inklużi ċertifikati mediċi u identifikazzjoni.
  • Issottometti l-Applikazzjoni: L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi online permezz tal-portal mySocialSecurity jew personalment fil-hub lokali tiegħek ta’ Servizizz.gov.
  • Segwitu: Żomm rendikont tal-istatus tal-applikazzjoni tiegħek u jekk tintalab, agħti kwalunkwe informazzjoni addizzjonali.

Żomm l-Informazzjoni Tiegħek Aġġornata

Huwa kruċjali li żżomm id-dettalji personali tiegħek miżmuma mid-dipartiment tas-sigurtà soċjali aġġornati biex tiżgura li tirċievi l-benefiċċji tiegħek mingħajr ebda problema. Dan jinkludi l-aġġornament tad-dettalji ta’ kuntatt u l-informazzjoni tal-kont bankarju tiegħek.

Billi tifhem il-benefiċċji mediċi pprovduti taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Malta, tista’ taċċessa l-appoġġ li għandek bżonn.

Jekk tixtieq aktar dettalji dwar benefiċċju mediku speċifiku jew għajnuna bil-proċess tal-applikazzjoni, jekk jogħġbok żur il-paġna tagħna Ikkuntattjana. Imbagħad agħżel il-benefiċċju jew l-għajnuna xierqa mil-lista drop-down u agħti d-dettalji tal-mistoqsija tiegħek. Tista’ wkoll tikkuntattjana billi ċċempel fuq Servizizz.gov Freephone 153 (ext.11).

 

Rispons