Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

290,000 persuna jgawdu minn numru ta’ miżuri soċjali

21/07/2021 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal diġà wettaq 95% tal-miżuri tal-Baġit 2021, bi 17 minn 18-il miżura soċjali jkunu diġà implimentati b’mod komplet.

Huwa stmat li b’kollox, mal-290,000 persuna gawdew minn xi waħda minn dawn il-miżuri, bil-maġġoranza ta’ dawk li bbenefikaw ikunu familji u pensjonanti. L-infiq fuq pensjonijiet biss ilaħħaq is-somma ta’ €900 miljun matul is-sena 2021. Iż-żieda fin-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali din is-sena se tkun ta’ kważi €60 miljun. In-nefqa totali fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali sal-aħħar tas-sena se tlaħħaq qrib €1.12 biljun.

Ħabbar dan il-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha esprima s-sodisfazzjon tiegħu mhux biss għar-rata ta’ tkomplija tal-miżuri, iżda għax dawn kollha qed jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja tan-nies.

Il-Ministru Michael Falzon qal li n-nefqa totali ta’ dan il-Ministeru fl-2021 se taqbeż il-€1.6 biljun u dan ifisser li minn nefqa totali mill-Gvern ta’ €6.5 biljuni,  il-Gvern se jkun qed jinvesti 54% ta’ dawn il-flus fil-qasam soċjali u allura fin-nies.

“Din hija l-akbar xhieda ta’ kemm aħna gvern b’ruħ soċjali kbira u kemm aħna gvern għan-nies. Se nkomplu ninvestu fin-nies għax nemmnu fil-potenzjal ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Aħna gvern tal-ġustizzja soċjali, gvern tal-mobilità soċjali u fuq kollox gvern b’ruħ soċjali. Se nibqgħu naraw li ngħinu aktar nies, li jinsabu fir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Fi preżentazzjoni dettaljata, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musù, qal li fl-ewwel sitt xhur tas-sena twettqu 17-il miżura, u jonqos biss miżura waħda li t-twettiq tagħha huwa ppjanat għal Novembru li ġej. Din tolqot dawk il-ħaddiema (jew il-werrieta tagħhom) li kienu f’wieħed mill-korpi ta’ qabel l-1979 jew kienu impjegati mal-Gas Board u wara daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku jew fis-settur pubbliku. Madwar 5,500 persuna għal nefqa stmata li se tiswa €9.5 miljuni.

Is-Sur Musù semma wkoll kif fl-ewwel sitt xhur tas-sena, minbarra l-ħlas taċ-children’s allowance li kien ilaħħaq madwar €19-il miljun, 42,600 familja diġà tħallsu bejniethom is-somma ta’ €1.75 miljun bħala suppliment addizzjonali. Sal-aħħar tas-sena n-nefqa totali fuq il-benefiċċju taċ-children’s allowance mistennija tlaħħaq it-€42 miljun, bi kważi €4 miljuni minnhom imorru fuq is-suppliment addizzjonali. Żidiet oħra kienu osservati fl-in-work benefit, fl-għajnuna supplimentari, u l-foster care allowance, fost oħrajn.

Feedback