Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Premju għall-Prattika Tajba tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Sigurtà Soċjali (ISSA) għall-Ewropa 2024

01/05/2024 | Aħbar Riċenti

Il-proċess tal-awtomizzazzjoni u d-diġitilizzazzjoni tal-għoti tal-In-Work Benefit kien irrikonoxxut u ppremjat mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Sigurtà Soċjali (ISSA) fil-Forum Reġjonali Ewropew tagħha li ltaqa’ ġewwa Porto, il-Portugall bejn l-14 u s-16 ta’ April 2024.

Malta ngħatat Certificate of Merit with Special Mention bis-sottomissjoni tagħha bl-isem ‘Digitalization of the In-Work Benefit Scheme: A key labour market incentive  – The Maltese innovative approach in combatting non-take-up through process transformation and automation’.

Permezz ta’ din l-awtomizzazzjoni, li saret fost oħrajn grazzi għall-ħidma tal-MITA, mhux biss dawk eliġibbli għall-In-Work Benefit m’għandhomx bżonn aktar japplikaw, iżda n-numru ta’ dawk eliġibbli kiber bi kważi erba’ darbiet minn madwar 6,000 għal 23,000, li wassal biex dan il-benefiċċju qed jirċievuh prattikament il-familji kollha li huma intitolati għalih.

Is-sur Marcelo Abi-Ramia Caetano, Segretarju Ġenerali tal-ISSA, f’ittra lis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Mark Musu’ fost oħrajn kiteb ‘I would like to express my sincere congratulations to you and your colleagues on this important achievement for your institution.’

Is-sottomissjoni Maltija spikkat sew minn fost il-119-il sottomissjoni minn 40 istituzzjoni msieħba fl-ISSA minn 26 pajjiż Ewropew, tant illi s-Sur Mark Musu’ ġie mistieden sabiex jagħmel presentazzjoni ta’ din l-inizjattiva innovattiva waqt dan il-Forum Reġjonali Ewropew.

Barra minn hekk, is-sur Musu’ kien wkoll mistieden ewlieni, flimkien ma’ rappreżentanti mill-Isvizzera, Spanja, il-Moldova u l-Kyrgystan, biex jitkellem f’High-Level Social Security Policy Symposium for Europe li għalaq dan l-istess Forum ġewwa Porto.

Mitlub jikkummenta dwar dan, is-Segretarju Permanenti Mark Musu’ esprima s-sodisfazzjon kbir tiegħu li l-isforzi kbar li qed jagħmel il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, permezz tad-dipartimenti u l-entitajiet tiegħu sabiex jimmodernizza u jissimplifika dejjem aktar il-proċessi u s-servizzi tiegħu, qed ikunu innutati u rikonoxxuti minn din l-akbar organizzazzjoni għall-istituzzjonijiet, dipartimenti u aġenziji governattivi tas-sigurtà soċjali fid-dinja.

Flimkien mas-Sur Musu’ ġewwa Porto kien hemm ukoll id-Diretturi Ġenerali Alexia Vella u George Cremona u l-Konsulent Joseph Cachia.