Servizz Online biex tidentifika u tindirizza nuqqasijiet fil-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali
Dan is-servizz online għandu l-għan li jgħin liċ-ċittadini jiċċekkjaw u jindirizzaw kwalunkwe Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali mhux imħallsa. Għaldaqstant, in-nuqqasijiet potenzjali fil-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali jiġu elenkati la darba ċ-ċittadin jawtentika bil-kredenzjali tal-e-ID, u l-utent jiġi ppreżentat b’numru ta’ Punti ta’ Azzjoni dwar kif jirrimedja n-nuqqasijiet potenzjali fil-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali. Is-servizz online joffri disinn faċli għall-utent aħħari li jinkludi validazzjonijiet sabiex jgħin liċ-ċittadini jifhmu kull wieħed mill-Punti ta’ Azzjoni indikati. Meta jiġu sottomessi dokumenti u/jew dettalji, tintbagħat email lill-applikant għall-Punti ta’ Azzjoni magħżula. Biex tiċċekkja għal nuqqasijiet fil-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali, aċċessa s-sit mysocialsecurity.gov.mt u agħżel is-servizz ‘Iċċekkja l-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali Nieqsa‘ mill-menu tas-Servizzi Online.
Punt ta’ Azzjoni 1 – Ċittadin li għandu Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali neqsin, minkejja li huwa ċert li tħallsu kollha, għandu l-għażla li jissottometti dokumenti bħala prova li l-kontribuzzjonijiet tħallsu. Jekk dawn id-dokumenti ma jkunux disponibbli, iċ-ċittadin jista’ jagħti permess lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex jitlob informazzjoni mingħand il-Kummissarju tat-Taxxi.
Punt ta’ Azzjoni 2 – Kwalunkwe leave bla ħlas (inkluż leave għal studju, leave ta’ vaganza, xogħol volontarju barra l-pajjiż, jew leave possibbilment mhux iċċertifikat bħala mhux imħallas għal mard jew korriment) li mhuwiex elenkat fuq il-lista ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali jista’ jiġi indirizzat billi jintbagħtu Ittri ta’ Referenza rilevanti.
Punt ta’ Azzjoni 3 – Ċittadin jista’ jissottometti dokumentazzjoni rilevanti biex jindirizza perjodi meta rċieva Benefiċċji ta’ Mard, Qgħad, jew Korriment li mhumiex irreġistrati fuq il-Lista ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.
Punt ta’ Azzjoni 4 – Jipprovdi informazzjoni lil dawk li huma eliġibbli biex iħallsu b’lura rati ta’ Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali pro-rata (imnaqqsa), kif ukoll kif dan se jirriżulta f’ammont aktar baxx ta’ kontribuzzjonijiet irreġistrati matul il-perjodu speċifiku ta’ impjieg.
Punti ta’ Azzjoni 5, 6, 7 u 8 – Jidderieġi liċ-ċittadini dwar kif japplikaw biex iħallsu Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali retrospettivi.
Punt ta’ Azzjoni 9 – Jippermetti liċ-ċittadin jiċċekkja għal kwalunkwe Krediti tas-Sigurtà Soċjali tat-Tfal, Carers jew Pensjonijiet li għalih jista’ jkun intitolat, li jista’ jintalab biss ladarba ċ-ċittadin ikun laħaq l-età ta’ 58 sena.