Benefiċċji tal-Familja
Il-benefiċċji tal-familja huma pprovduti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kollha għalkemm ivarjaw minn Stat għal ieħor. Minkejja dawn id-differenzi, l-eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-familja normalment tiddependi fuq l-istatus ekonomiku u l-pajjiż tar-residenza, irrispettivament min-nazzjonalità tal-membri tal-familja.
Familja sħiħa li tgħix fi Stat Membru wieħed
Jekk il-familja kollha tgħix fl-istess Stat Membru, hija tikkwalifika għad-drittijiet stabbiliti taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-istat. Fi kliem ieħor, huma intitolati għall-istess ammont ta’ benefiċċji bħaċ-ċittadini nazzjonali.
Fil-każ ta’ ħaddiem stazzjonat li ntbagħat jaħdem f’pajjiż ieħor għal inqas minn sentejn, il-pajjiż tal- oriġini jibqa’ kompetenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali matul il-perjodu tal-istazzjonar. Konsegwentement, l-istess Stat Membru huwa responsabbli li jħallas il-benefiċċji tal-familja.
Membri tal-familja li jgħixu fi Stati Membri differenti:
Ir-regoli ta’ koordinazzjoni tal-UE jipprevedu regoli ta’ prijorità biex jiġi ddeterminat liema pajjiż jieħu kompetenza primarja u sekondarja biex iħallas il-benefiċċji. L-ordni ta’ prijorità hija din li ġejja:
- Il-pajjiż tal-impjieg/ta’ min jaħdem għal rasu
- Il-pajjiż li jħallas il-pensjoni
- Il-pajjiż ta’ residenza
Meta jkun qed jiddetermina l-kompetenza, kull Stat Membru huwa ggwidat minn dawn il-kriterji. L-istat li huwa ddeterminat b’kompetentza primarja, iħallas ir-rata sħiħa tal-benefiċċji kif applikabbli skont l-iskema nazzjonali, filwaqt li l-istat iddeterminat b’ kompetentza sekondarja, iħallas id-differenza bejn ir-rata pagabbli taħt l-iskema tiegħu u r-rata pagabbli mill-istat ta’ kompetenza primarja.
Fil-każ fejn iż-żewġ stati huma kompetenti biex iħallsu l-benefiċċji, l-istat fejn jgħixu t-tfal jieħu prijorità.
Benefiċċji tal-familja għal persuni qiegħda
Il-persuni qiegħda u l-membri tal-familja tagħhom huma intitolati għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-istat li jħallas il-benefiċċji tal-qgħad. Jekk il-membri tal-familja jirrisjedu fi Stat Membru differenti, għandhom japplikaw ir-regoli ta’ prijorità.
Benefiċċji tal-familja għall-pensjonanti
Normalment il-pensjonanti jirċievu benefiċċji tal-familja mill-istat li jħallas il-pensjoni. F’każ li persuna jkollha dritt għal aktar minn pensjoni waħda, japplikaw regoli speċjali.
F’termini tal-iskema Maltija, il-benefiċċji li ġejjin huma kkunsidrati bħala Benefiċċji tal-Familja:
- Allowance tat-Tfal ( Rata Fissa jew Ibbażat fuq id-dħul)
- Allowance għal Tfal b’Diżabilità
- Allowance dwar Tfal fil-Kura
- Benefiċċju waqt ix-Xogħol
- Allowance ta’ Ltim
- Allowance Supplimentari ta’ Ltim
Meta l-attività tax-xogħol ta’ persuna tkun ġiet limitata għall-iskema tas-sigurtà soċjali Maltija biss, jew meta l-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’Malta jkunu tali li l-kriterji ta’ eliġibbiltà jiġu ssodisfati, japplikaw il-proċeduri nazzjonali. Madankollu, jekk l-attività tax-xogħol ta’ persuna tinvolvi Stat Membru wieħed jew aktar tal-UE, ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiġu applikati kif deskritt fil-qosor fix-xenarji li ġejjin.
Mistoqsijiet Frekwenti
1. Qed ngħix u naħdem f’Malta mas-sieħeb u mat-tfal tiegħi u dalwaqt se mmoru ngħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE. Malta se tkompli tħallas il-Benefiċċji tal-Familja tiegħi?
Le. Ladarba l-familja kollha tiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor tal-UE, l-iskema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż l-ieħor issir applikabbli, u l-benefiċċji jitħallsu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik l-iskema.
Huwa importanti li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jiġi infurmat bid-data tat-tluq biex jitwaqqaf il-ħlas tal-benefiċċji tal-familja. Dan jevita li wieħed iġarrab ammonti mħallsa żejda li jkollhom jiġu rimborżati.
2. Jien qiegħed ngħix f’Malta mat-tfal tiegħi filwaqt li s-sieħeb tiegħi jaħdem fuq oilrig ibbażat fl-Olanda u jħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali hemmhekk. Liema pajjiż iħallas il-Benefiċċji tal-Familja tiegħi?
Skont ir-regoli ta’ prijorità, l-Istat Membru tal-impjieg huwa kompetenti primarjament biex iħallas il-Benefiċċji tal-Familja tiegħek, f’dan il-każ L-Olanda. Malta, peress li l-Istat Membru ta’ residenza għandu kompetenza sekondarja għall-ħlas tal-benefiċċji. Dan ifisser li l-Olanda tħallas ir-rata sħiħa tal-benefiċċji dovuti. Sussegwentement, Malta tqabbel ir-rata ta’ benefiċċju mħallsa mill-Olanda mal-ammont dovut taħt l-iskema tagħha u, jekk dan ikun inqas mill-ammont dovut mill-Olanda, Malta tħallas id-differenza bejn iż-żewġ ammonti. Jekk il-benefiċċji mħallsa mill-Olanda huma ogħla mill-benefiċċji Maltin, Malta ma tħallasx benefiċċji tal-familja.
3. Qed ngħix u naħdem f’Malta ma’ wliedi filwaqt li s-sieħba tiegħi taħdem fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Ċipru u tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali hemmhekk. Liema pajjiż iħallas il-Benefiċċji tal-Familja tiegħi?
Meta jkun hemm attività ta’ impjieg f’żewġ pajjiżi differenti, ir-regoli ta’ prijorità jistipulaw li l-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal jieħu l-kompetenza primarja għall-ħlas tal-benefiċċji tal-familja. F’dan il-każ, Malta tieħu l-kompetenza primarja filwaqt li Ċipru jieħu kompetenza sekondarja. Dan ifisser li Malta tħallas ir-rata sħiħa ta’ benefiċċji dovuti taħt l-iskema tagħha. Sussegwentement, Ċipru jqabbel ir-rata tal-benefiċċju mħallas minn Malta mal-ammont dovut taħt l-iskema tagħha u, jekk dan ikun inqas mill-ammont imħallas minn Malta, Ċipru ma jħallasx il-benefiċċji tal-familja. Jekk l-ammont dovut minn Ċipru jkun aktar mill-ammont imħallas minn Malta, Ċipru jħallas id-differenza bejn iż-żewġ ammonti.
4. Jien qiegħed ngħix fil-Bulgarija ma’ wliedi filwaqt li s-sieħba tiegħi qed tgħix u taħdem f’Malta u tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali hemmhekk. Liema pajjiż iħallas il-Benefiċċji tal-Familja tiegħi?
Skont ir-regoli ta’ prijorità, l-Istat Membru tal-impjieg huwa kompetenti primarjament biex iħallas il-Benefiċċji tal-Familja tiegħek, f’dan il-każ Malta. Il-Bulgarija, bħala l-Istat Membru ta’ residenza għandu kompetenza sekondarja għall-ħlas tal-benefiċċji. Dan ifisser li Malta tħallas ir-rata sħiħa tal-benefiċċji dovuti. Sussegwentement, il-Bulgarija tqabbel ir-rata tal-benefiċċju mħallas minn Malta mal-ammont dovut taħt l-iskema tagħha u, jekk dan ikun inqas mill-ammont imħallas minn Malta, il-Bulgarija tħallas id-differenza bejn iż-żewġ ammonti. Jekk il-benefiċċji mħallsa minn Malta huma ogħla mill-benefiċċji Bulgari, il-Bulgarija ma tħallasx benefiċċji tal-familja.
5. Qed ngħix u naħdem fi Franza ma’ uliedi filwaqt li s-sieħeb tiegħi jaħdem fuq bastiment li jtajjar bandiera Maltija u jħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali hemmhekk. Liema pajjiż iħallas il-Benefiċċji tal-Familja tiegħi?
Meta jkun hemm attività ta’ impjieg f’żewġ pajjiżi differenti, ir-regoli ta’ prijorità jistipulaw li l-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal jieħu l-kompetenza primarja għall-ħlas tal-benefiċċji tal-familja. F’dan il-każ, Franza tieħu l-kompetenza primarja filwaqt li Malta tieħu kompetenza sekondarja. Dan ifisser li Franza tħallas ir-rata sħiħa tal-benefiċċji dovuti skont l-iskema tagħha. Sussegwentement, Malta tqabbel ir-rata tal-benefiċċju mħallas minn Franza mal-ammont dovut taħt l-iskema tagħha u, jekk dan ikun inqas mill-ammont imħallas minn Franza, Malta ma tħallasx benefiċċji tal-familja. Jekk l-ammont dovut minn Malta huwa aktar mill-ammont imħallas minn Franza, Malta tħallas id-differenza bejn iż-żewġ ammonti.
6. Nirċievi pensjoni Maltija u ngħix il-Ġermanja mal-familja tiegħi filwaqt li s-sieħeb tiegħi jaħdem fil-Lussemburgu u jħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali hemmhekk. Liema pajjiż iħallas il-Benefiċċji tal-Familja tiegħi?
Ir-regoli ta’ prijorità jistipulaw li l-Istat Membru tal-impjieg jieħu l-kompetenza primarja għall-ħlas tal-benefiċċji tal-familja filwaqt li l-Istat Membru li jħallas il-pensjoni jieħu kompetenza sekondarja. F’dan il-każ, il-Lussemburgu jieħu l-kompetenza primarja filwaqt li Malta tieħu kompetenza sekondarja. Dan ifisser li l-Lussemburgu jħallas ir-rata sħiħa tal-benefiċċji dovuti taħt l-iskema tiegħu. Sussegwentement, Malta tqabbel ir-rata tal-benefiċċju mħallas mil-Lussemburgu mal-ammont dovut taħt l-iskema tagħha u, jekk dan ikun inqas mill-ammont imħallas mil-Lussemburgu, Malta ma tħallasx benefiċċji tal-familja. Jekk l-ammont dovut minn Malta huwa aktar mill-ammont imħallas mil-Lussemburgu, Malta tħallas id-differenza bejn iż-żewġ ammonti.
7. Qed ngħix f’Malta mas-sieħba tiegħi flimkien ma’ wliedna u t-tnejn li aħna ninsabu qiegħda. Liema pajjiż iħallas il-Benefiċċji tal-Familja tiegħi?
F’dan ix-xenarju, minħabba li s-sitwazzjoni tal-familja hija limitata għal Stat Membru wieħed, m’hemm l-ebda element transkonfinali u għalhekk ir-regoli tal-UE mhumiex applikabbli. Dan il-każ jiġi ttrattat skont id–dispożizzjonijiet nazzjonali.