Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Aktar pagamenti b’rati mtejba għall-anzjani

03/02/2021 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

​Madwar 44,500 anzjan u anzjana se jkunu qed jirċievu l-pagamenti, b’rati ġodda u aħjar, marbuta mal-Għotja tal-Anzjani (Senior Citizen Grant) kif ukoll il-bonus għal dawk il-persuni li ma kinux ħallsu bolol biżżejjed biex jieħdu pensjoni. 

Dawn l-anzjani se jkunu qed jitħallsu dawn il-pagamenti nhar is-Sibt, 6 ta’ Frar, fejn il-gvern se jkun qed jinvesti aktar minn €15-il miljun f’dawn il-benefiċċji. Dawn il-pagamenti ġodda jikkumplimentaw it-tisħiħ fil-pensjonijiet lill-pensjonanti kollha kif ukoll l-għexieren ta’ miżuri li diġà tħabbru għal dan is-settur. 

Dettalji dwar dan tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Permanenti Mark Musu. Il-Ministru Michael Falzon qal li l-għotja lill-anzjani se tingħata lil persuni li għandhom iktar minn 75 sena u li għadhom qed jgħixu fil-komunità, u permezz ta’ bidla ġdida li daħlet fis-seħħ is-sena l-oħra, anke dawk l-anzjani li qed jgħixu f’dar tal-anzjani privati u li jħallsu minn buthom se jgawdu. 

Il-Ministru Michael Falzon qal li permezz ta’ din l-għotja, se jkunu qed jingħataw €300 lil dawk il-persuni li għandhom minn 75 sa 79 sena, filwaqt li €350 se jingħataw għal dawk il-persuni li għandhom minn 80 sena ‘il fuq. 

Il-ministru ħabbar ukoll li se jkun qed jogħla l-bonus mogħti lil min jilħaq l-età tal-irtirar u ma jkunx ħallas biżżejjed bolol biex jikkwalifika għall-pensjoni. Fil-fatt, minn nhar is-Sibt li ġej, dan il-bonus se jkun qed jogħla b’€50 għal €250 jekk dawn il-persuni ikunu ħallsu minn sena sa erba’ snin bolol, waqt li se jkun qed jitla’ għal €350 jekk dawn il-persuni jkunu ħallsu ħames snin jew aktar bolol.  

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musu, spjega li mill-Għotja lill-Anzjani ta’ ’l fuq minn 75 sena se jibbenefikaw 33,732 benefiċjarji u l-ispiża se tlaħħaq il-€11,004,103.

Min-naħa l-oħra, mill-bonus għal dawk li jkunu ħallsu l-bolol iżda ma kwalifikawx għall-pensjoni, se jkun hemm 14,097 persuna li se jibbenefikaw bi spiża li tlaħħaq l-€4,296,779. Fost dawn hemm 3,302 li għandhom 75 sena jew aktar u bis-saħħa ta’ miżura li kienet daħlet fl-2019 se jibqgħu jirċievu dan il-bonus waqt li jieħdu l-għotja l-oħra tal-anzjani wkoll. 

Fil-kuntest taż-żewġ benefiċċji, min ikun laħaq l-età eleġibbli wara l-1 ta’ Jannar jirċievi l-benefiċċju jew iż-żieda pro-rata waqt li jieħu l-benefiċċju sħiħ mis-sena ta’ wara. 

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan kollu juri biċ-ċar ir-rieda tal-gvern, illi jkompli jtejjeb il-qagħda finanzjarja tal-pensjonanti u l-anzjani kollha, dan anke meta wieħed iħares lejn l-għexieren ta’ miżuri soċjali li diġà daħlu fis-seħħ minn Jannar ta’ din is-sena u fis-snin li għaddew. Il-Ministru Michael Falzon qal li din hija biss parti mill-politika ħolisitika tal-gvern li qed tagħti ħajja aħjar lill-anzjani. 

Il-ministru fakkar fl-effetti pożittivi marbuta mar-roħs tal-kontijiet tal-enerġija, l-eradikazzjoni tal-mediċini mhux disponibbli (out of stock), is-sitt budget b’żieda għall-pensjonanti, l-ebda taxxa mħallsa fuq il-pensjoni tas-sigurtà soċjali u ebda taxxi addizzjonali fl-aħħar snin ta’ Gvern Laburista,  fost ħafna miżuri soċjali oħra. Dan filwaqt li qed inkomplu noffru aktar prosperità u dinjità lill-anzjani kollha.