Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jikseb unur internazzjonali għat-tħaddim ta’ pakkett ta’ miżuri soċjali matul il-pandemija

04/05/2022 | Aħbar Riċenti

L-Assoċjazzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurta’ Soċjali (ISSA) irrikonoxxiet il-ħidma li saret mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal biex jiġu mgħejjuna ġenituri ħaddiema, u ħaddiema b’diżabilita’ jew medikament vulnerabbli li ntlaqtu mill-effetti tal-pandemija fl-2020 u 2021, kif ukoll dawk li temporanjament kienu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-Covid.

Il-ħidma Maltija kisbet għarfien flimkien ma’ dawk ta’ istituzzjonijiet għas-sigurta’ soċjali mill-Israel, il-Germanja u Franza.  L-unuri ġew ippreżentati waqt forum Ewropew li qwed jiġi organizzat mill-ISSA fl-Estonja bejn it-2 u t-3 ta’ Mejju 2022.

F’isem il-Ministeru, u f’isem id-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, irċevew iċ-ċertifikat ta’ mertu id-Direttur Ġenerali tas-Sigurta’ Soċjali Grazio Barbara u d-Direttur għar-Relazzjonijiet Internazzjonali Alexia Vella.

Is-sur Barbara wkoll intalab jagħmel presentazzjoni dwar il-pakkett ta’ benefiċċji soċjali speċjali li tniedew f’qasir żmien u l-ħidma ta’ simplifikazzjoni li saret biex jiġu mgħejjuna aktar qrib 9,000 persuna li ntlaqtu mill-pandemija u kellhom jieqfu mix-xogħol jew jibqgħu d-dar minħabba raġuni jew oħra.

L-assocjazzjoni stqarret li fil-ħidma tiegħu il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal għaraf mhux biss jilqa’ għall-isfidi, iżda wkoll li jdawwarhom f’opportunita’ biex itejjeb aktar il-kwalita’ tas-servizzi soċjali u jsaħħah il-komunikazzjoni mal-klijienti tiegħu.

Dan kien it-tieni unur li l-Ministeru rċieva mill-istess asssoċjazzjoni, wara li fl-2019 kien  ingħata ċertifikat ta’ mertu ieħor għall-pakkett ta’ miżuri biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali u aktar nies jidhlu fid-dinja tax-xogħol.

https://ww1.issa.int/gp/217451