Allowance Supplimentari – Responsabbli tal-Familja
Ħarsa ġenerali
L-Allowance Supplimentari tista’ tingħata lil persuna li għandha dħul baxx u li ma tkunx qed tirċievi Allowance tat-Tfal. Din l-allowance hija maħsuba sabiex tgħin lill-persuna eliġibbli tlaħħaq mar-rekwiżiti tad-dħul tagħha.
X’se tingħata
Il-pagamenti għal din l-Allowance jitħallsu kull tlettax-il (13) ġimgħa bil-quddiem.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
- L-applikant/a għandu/ha j/tkun residenti ta’ Malta għal mill-inqas tliet (3) xhur qabel id-data tal-applikazzjoni.
- Persuna waħedha li hija Responsabbli tal-Familja u li bħalissa qed tirċievi Assistenza Soċjali jew Assistenza dwar Diżimpjieg jew kwalunkwe tip ta’ Pensjoni Kontributorja / Mhux Kontributorja jew Assistenza għal Diżabilità.
- Persuna waħedha li hija Responsabbli tal-Familja u li hija mpjegata jew hija pensjonanta impjegata.
- Persuna li għadha fl-istess dar mal-konjuġi / sieħeb jew sieħba tagħha.
- Id-dħul totali li għandu jiġi kkalkulat m’għandux jaqbeż ħmistax-il elf u seba’ mija u tmienja u erbgħin ewro (€15,748) fil-każ ta’ koppja, u ħdax il-elf u sitt-mija u wieħed u ħamsin ewro (€11,651) fil-każ ta’ persuna waħedha.
- Il-limitu tad-dħul huwa bbażat fuq id-dħul u l-emolumenti datati b’lura b’sentejn (2) mid-data tal-intitolament, id-dħul minn Pensjoni Barranija tas-sena preċedenti u d-dħul minn Pensjoni Lokali tas-sena kurrenti.
Dokumentazzjoni meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- Jekk se tapplika bħala koppja, dikjarazzjoni separata trid tiġi mimlija u ffirmata mill-koppja. Ikklikkja hawn biex tniżżel id-dokument.
- L-aħħar riċevuti tal-Kera (jekk tħallas il-kera ta’ fejn tirrisjedi).
- L-aħħar Kont tad-Dawl u Ilma (bħala prova li l-applikant huwa Responsabbli tal-Familja speċjalment jekk persuni oħra huma rreġistrati fl-istess indirizz). Dan ma japplikax għall-persuni li jgħixu fi djar ta’ kura residenzjali jew istituzzjonijiet.
- Dikjarazzjoni ta’ finanzi b’liema mezzi qed jgħix/tgħix l-applikant/a jekk l-ebda benefiċċju mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed jinħareġ.
- FS3 tas-sena relevanti iffirmata mill-prinċipal jekk l-applikant/a jaħdem bi qliegħ, u jinkludi ukoll impjiegi oħra (full-time u part-time) li l-applikant jista’ jkollu. Dan japplika ukoll għall-konjuġu/sieħeb/sieħba jekk applikabbli.
- Profit and Loss Account, li jinkludi kopji tal-irċevuti ta’ kontribuzzjonijiet tas-sena relevanti, jekk l-applikant/a t/jaħdem għal rasu/ha. Dan japplika ukoll għal konjuġi/sieħeb/sieħba jekk applikabbli.
- Final Audited Accounts, li jinkludu kopji ta’ rċevuti ta’ kontribuzzjonijiet, jekk l-applikant/a u/jew konjuġi/sieħeb/sieħba huma diretturi/shareholders ta’ kumpaniji. Dan japplika ukoll għal konjuġi/sieħeb/sieħba, jekk applikabbli.
- Dokument ta’ separazzjoni f’każ li l-applikant/a huwa/hija separat/a.
- F’każ li l-applikant/a kien jgħix barra għal perjodu ta’ aktar minn tliet (3) xhur, dokumentazzjoni fejn turi dawn iċ-ċirkustanzi.
- F’każ li l-applikant/a qiegħed/qiegħda fuq leave mingħajr ħlas għandu/ha j/tippreżenta dokumentazzjoni li turi dan.
- Slips tal-pensjoni barranija.
- Dikjarazzjoni tad-dħul mill-kera (fil-każ li l-applikant/a j/tirċievi l-kera).
Kif tapplika
Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.