Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Talba mill-Fond talLeave tal-Maternità / Adozzjoni

Ħarsa ġenerali

Il-Kontribut tal-Leave tal-Maternità li daħal fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2015 permezz tal-Avviż Legali 257 tal-2015 (Att dwar Trusts u Trustees Kap. 331.) għandu jitħallas minn min iħaddem għall-impjegati kollha tiegħu fis-settur privat.

Din l-iskema tapplika ukoll għal min jadotta tifel jew tifla.

Is-Servizz Pubbliku u l-Entitajiet tas-Settur Pubbliku; L-Awtoritajiet, l-Aġenziji u l-Korporazzjonijiet Pubbliċi huma eżentati minn din l-iskema.

Ir-rata tal-Kontribuzzjoni tal-Leave tal-Maternità hija 0.3% tal-paga bażika fil-ġimgħa kif ippubblikata fl-Avviż Legali 258 tal-2015 (Att dwar Trusts u Trustees Kap. 331.), li hija żieda mal-għaxar (10) Skeda tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.). Din il-kontribuzzjoni trid titħallas kompletament minn min iħaddem u mgħandiex tiġi mnaqqsa mill-paga tal-impjegati.

X’se tingħata

Taħt din l-iskema, min iħaddem iħallas il-leave tal-maternità/adozzjoni lill-impjegati tiegħu għall-ewwel erbatax (14) -il ġimgħa u mbagħad japplika għar-Rifużjoni mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali meta l-impjegata tirritorna għax-xogħol.

Eliġibbiltà

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

Il-kontribuzzjoni tal-Leave tal-Maternità għandha titħallas għall-impjegati kollha li għalihom jitħallsu l-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tal-ewwel Klassi u għall-impjegati kollha (inklużi part-timers) li mhumiex eliġibbli li jħallsu Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali iżda li huma eliġibbli għall-Leave tal-Maternità skont l-Att dwar l-Impjieg u r-Relazzjonijiet Industrijali (Kap. 452.).

L-impjegati li ġejjin huma eżentati milli titħallas il-kontribuzzjoni tal-Leave tal-Maternità fir-rigward tagħhom minn min iħaddimhom:

  • Impjegati ta’ ‘l fuq minn ħamsa u sittin (65) sena li huma eżentati mill-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali, iżda xorta meqjusa bħala f’relazzjoni ta’ impjieg.
  • Diretturi li huma responsabbli li jħallsu Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tat-tieni Klassi.
  • Impjegati fuq leave mhux imħallas li għalihom mhix qed titħallas l-ebda Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali.
  • Impjegati fis-Settur Pubbliku.
  • Impjegati li jaħdmu b’mod każwali li għalihom mhix qed titħallas l-ebda Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali.
  • Persuni espatrijati li għalihom mhix qed titħallas Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali f’Malta.
  • Il-persuni kollha li jaħdmu għal rashom li mhumiex intitolati għall-Leave tal-Maternità. Persuni li jaħdmu għal rashom mhumiex impjegati u għalhekk huma eżentati mill-Kontribuzzjonijiet tal-Fond tal-Maternità għalihom infushom. Iġifieri, persuni li jaħdmu għal rashom mhumiex intitulati biex jagħmlu talba mill-Fond tal-Leave tal- Maternità.

L-impjegati li ġejjin mhumiex eżenti milli titħallas il-Kontribuzzjoni tal-Leave tal-Maternità fir-rispett tagħhom minn min iħaddem:

  • Impjegati part-time li mhumiex dovuti li jħallsu Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali fuq dak l-impjieg avolja huma diġà jħallsu minn impjieg ieħor full-time u/jew part-time. Min iħaddem u jimpjega persuni fuq bażi part-time ukoll iridu jikkontribwixxu għall-Fond tal-Leave tal-Maternità fuq isem l-impjegati part-time, anke jekk dawn ma jkunux qed iħallsu kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali fuq ix-xogħol tal-part-time.
  • Persuni b’Diżabilità li huma rreġistrati bħala diżabili mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u li qegħdin f’impjieg.
  • Persuni (l-aktar interni) impenjati fuq kuntratti definittivi ta’ sitt (6) xhur.

Peress li persuni li jaħdmu għal rashom ma jikkontribwixxux għal Fond tal-Leave tal-Maternità/Paternità, mhumiex intitolati għal talbiet tal-Fond tal-Maternità/Paternità. Għalhekk, dawn l-iskemi huma applikabbli biss għall-persuni impjegati, u t-talbiet mill-Fond tal-Leave tal-Maternità isiru mill-Fond għal min iħaddem, skont ir-rati applikabbli hekk kif stabbiliti għal kull skema.

Xenarji Oħra:

  • Il-Kontribuzzjoni tal-Leave tal-Maternità għandha xorta titħallas skont il-paga bażika fil-ġimgħa għall-impjegati b’nofs paga.
  • Għandha titħallas ukoll għal part-timers li jaħdmu fuq sigħat irregolari, u dan għandu jiġi kkalkulat skont il-paga bażika fil-ġimgħa.

Aspetti Oħra

L-Impjegat huwa obbligat li jibqa’ fl-istess impjieg għal sitt (6) xhur:

  • Bħalissa l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (Kap. 452.) fih dispożizzjoni (Artikolu 36 (20), li teħtieġ li l-impjegati jerġgħu lura għax-xogħol għal perjodu ta’ sitt (6) xhur wara li jibbenefikaw mill-leave tal-maternità, u fin-nuqqas tiegħu min iħaddem għandu jitħallas lura mill-impjegat. Din id-dispożizzjoni tibqa’ valida u l-impjegat huwa obbligat li jimxi ma’ tali regolament.

Skejjel tal-Knisja

L-għalliema li jaħdmu fl-Iskejjel tal-Knisja mhumiex meqjusa bħala uffiċjali pubbliċi u għalhekk il-Kontribuzzjoni tal-Leave tal-Maternità għandha titħallas fir-rispett tagħhom.

Dokumentazzjoni meħtieġa

Dokumentazzjoni ġenerali:

  • Irċevuti tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali maħruġa mill-Kummissarju tat-Taxxi (CfR), kull waħda tkopri l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Trimestri tat-Tqala tal-impjegata.
  • Slips tal-Paga għall-paga/salarju mħallsa matul il-leave tal-Maternita’ tal-impjegata.
  • Kopja tal-FS3 tas-sena kalendarja ta’ qabel it-talba tal-impjegata.
  • Lista ta’ Impjegati tal-kumpanija ta’ JobsPlus.

Kif tapplika

Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.