Pensjoni tal-Età
Ħarsa ġenerali
Il-Pensjoni ta’ l-Età tista’ tingħata lil persuna li tilħaq is-60 (sittin) sena u ma jkollhiex biżżejjed Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mħallsa jew akkreditati biex tkun eliġibbli għal Pensjoni Kontributorja ta’ l-Irtirar, filwaqt li tissodisfa t-Test tal-Mezzi.
X’se tingħata
Il-Pensjoni ta’ l-Età titħallas kull erba’ (4) ġimgħat bil-quddiem.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
- Jekk persuna tirċievi l-Assistenza għal Diżimpjieg jew Assistenza Soċjali u tilħaq l-età ta’ sittin (60) sena.
- Jekk il-konjuġi jew sieħeb/sieħba tal-applikant tilħaq is-sittin (60) sena qabel il-kap responsabbli tal-familja, tista’ tapplika għal Pensjoni tal-Età bi dritt tagħha stess, sakemm il-kap responsabbli tal-familja jilħaq l-età tal-pensjoni umbgħad jingħataw rata ta’ koppja.
- Meta persuna tilħaq l-età pensjonabbli u u tkun intitulata għal xi Pensjoni Kontributorja li tkun ta’ rata inqas mill-Pensjoni tal-Età, l-applikant/a j/tista’ j/tapplika għad-differenza fir-rata tal-Pensjoni tal-Età.
- L-applikant għandu jissodisfa t-Test tal-Mezzi Kapitali. Ir-riżorsi kapitali għal koppja m’għandhomx jaqbżu sitta u għoxrin elf ewro (€26,000) u filwaqt għal persuna waħeda ma tridx taqbeż sittax-il elf ewro (€16,000).
- Dħul li ġej minn kirjiet, interessi bankarji minn kapital, stokks u ishma, manteniment u kwalunkwe dħul ieħor, għandu jiġi ddikjarat. Dan id-dħul jitnaqqas mir-rata tal-Pensjoni mhux Kontributorja tal-Pensjoni tal-Età. Jekk dan id-dħul ma jkunx iddikjarat jista’ jirriżulta f’ħlasijiet żejda li wara jridu jiġu rrifondati.
Dokumentazzjoni meħtieġa
- Rendikont riċenti tal-kontijiet kollha tal-Bank, kemm dawk lokali kif u dawk barranin.
- Kuntratt tal-kera u dikjarazzjoni mill-Awtorità tad-Djar, jekk tħallas il-kera ta’ fejn tirrisjedi.
- Logbook ta’ kull vettura li hemm fuq ismek.
- Dokumenti relatati ma’ kwalukwe propjetà u/jew sehem fi propjetà.
- Dokumenti uffiċċjali relatati f’każ li kien hemm xi donazzjonijiet riċenti.
- F’każ ta’ koppja miżżewġa, f’unjoni ċivili jew koabitazzjoni (kemm jekk koabitazzjoni reġistrata jew le) u l-konjuġi jew sieħeb/sieħba j/taħdem, trid tipprovdi kopja tal-payslip.
- F’każ ta’ separazzjoni jew divorzju, trid tipprovdi kopja tal-kuntratt ta’ separazzjoni jew tad-divorzju.
Kif tapplika
Imla u ibgħat l-applikazzjoni online.




