Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Għotja għal Ċittadin Anzjan

Ħarsa ġenerali

L-Għotja għal Ċittadin Anzjan tingħata lil anzjani li għandhom ħamsa u sebgħin (75) sena jew aktar u

  • għadhom jgħixu fid-dar tagħhom jew mal-qraba tagħhom, jew
  • jgħixu fi djar residenzjali privati li huma barra mill-iskema tal-Public Private Partnership.

X’se tingħata

L-Għotja għal Ċittadin Anzjan hija pagament ta’ darba u titħallas kull sena. 

L-ammont ta’ tlett mija u ħamsin ewro (€350) jitħallas lil dawk l-anzjani li jkollhom bejn ħamsa u sebgħin (75) sena u disgħa u sebgħin (79) sena fl-1 ta’ Jannar tas-sena kurrenti, jew fuq bażi pro-rata mid-data tal-għeluq tal-ħamsa u sebgħin (75) sena sa l-aħħar tas-sena kurrenti. Mis-sena ta’ wara l-anzjan/a j/tingħata r-rata sħiħa tal-għotja. 

l-ammont ta’ erba’ mija u ħamsin ewro (€450) jingħata lil anzjani li jkollhom tmenin (80) sena jew aktar, fl-1 ta’ Jannar tas-sena kurrenti, jew fuq bażi pro-rata mid-data tal-għeluq tat-tmenin (80) sena sa l-aħħar tas-sena kurrenti. Mis-sena ta’ wara l-anzjan/a j/tingħata r-rata sħiħa tal-għotja.

Ikklikkja hawn għal skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.

Eliġibbiltà

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali: 

  • Persuni li huma ċittadini Maltin li jgħixu b’mod permanenti fir-residenza tagħhom stess f’Malta jew Għawdex.
  • Persuni li huma ċittadini Maltin li jgħixu mal-qraba tagħhom fir-residenza tagħhom f’Malta jew Għawdex.
  • Persuni li jgħixu fi djar residenzjali privati, li huma barra mill-iskema tal-Public Private Parternship.
  • Barranin li għandhom residenza permanenti f’Malta u huma ta’ nazzjonalità Awstraljana / Kanadiża jew membri tal-Unjoni Ewropea, Kunsill tal-Ewropa jew Żona Ekonomika Ewropea. Barranin li ma jkollhomx in-nazzjonalitajiet imsemmija mhumiex eliġibbli għall-Għotja għal Ċittadin Anzjan anke jekk ikollhom residenza permanenti f’Malta jew Għawdex.

Dokumentazzjoni meħtieġa

Dokumentazzjoni ġenerali: 

  • Persuni li n-numru tal-Karta tal-Identità Maltija tagħhom tispiċċa bl-ittra ‘A’ jew ‘P’ għandhom jipprovdu kopja tal-Karta tal-Identità Maltija.
  • Ikkonferma li d-dettalji bankarji miżmuma mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huma aġġornati sabiex il-benefiċċju jkun jista jiġi d-depozitat fil-kont bankarju tiegħek. In-numru tal-IBAN għandu jkun kont lokali tat-tfaddil jew kurrenti u mhux ta’ self. Il-kont irid ikun f’isem il-benefiċjarju/a biss. Tista tikkonferma u taġġorna id-dettalji bankarji tiegħek billi tidħol fuq is-sit mySocialSecurity

Kif tapplika

L-Għotja għal Ċittadin Anzjan tinħareġ b’mod awtomatiku, iżda l-applikazzjoni għandha timtela minn: 

  • Persuni li jkunu jirrisjedu fi djar tal-anzjani li huma barra mill-iskema tal-Public Private Parternship. u irritornaw fir-residenza tagħhom.
  • Persuni li mhumiex qed jirċievu xi benefiċċju, sakemm ma jkunux diġà rċevew l-Għotja għal Ċittadin Anzjan fis-snin preċedenti.
  • Persuni li n-numru tal-Karta tal-Identità Maltija tagħhom tispiċċa bl-ittra “A” jew “P” għandhom bżonn japplikaw kull sena għal din l-għotja.

Imla u ibgħat l-applikazzjoni online.

Let us assist you
Help us improve our information
Report an obstacle
Your Europe
L-aħħar Aġġornament: 10/02/2025