Appuntament mal-Bord Mediku – Skedar mill-Ġdid, Kanċellazzjoni jew Żjara fid-Dar
Ħarsa ġenerali
L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) jistabbilixxi fost l-oħrajn dispożizzjonijiet, li persuna tista’ tkun intitolata li tirċievi benefiċċju, pensjoni, assistenza jew allowance (minn hawn ‘il quddiem imsejħa benefiċċju) taħt dan l-Att, wara l-parir tal-bord mediku, Bord Inter-Professjonali u panel multi-dixxiplinarju tad-Dipartiment, fejn applikabbli, skont il-proviso tal-artikolu 106.
B’riżultat ta’ dan, hemm drabi meta persuna, li ġiet skedata biex tattendi għal bord mediku relatat ma’ benefiċċju, ikollha tipposponi jew tikkanċella l-appuntament jew titlob żjara fid-dar. Jekk il-persuna tonqos milli tattendi għall-bord mediku mingħajr raġuni ġustifikata, benefiċċju li jkun qed jistenna valutazzjoni mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jista’ jitwaqqaf. Dan jista’ jirriżulta wkoll fi ħlas żejjed ta’ benefiċċju li wara jkun irid jiġi mħallas lura mill-benefiċjarju.
Ċertifikat mediku huwa meħtieġ biex isostni talba biex tiskeda mill-ġdid Appuntament mal-Bord Mediku f’każ ta’ mard, sakemm ma jkunx każ ta’ Assistenza ta’ Diżabilità jew Allowance tat-Tfal b’Diżabilità.
Applikazzjonijiet għall-benefiċċji elenkati hawn taħt jiġu riferuti lill-bord mediku u panel multi-dixxiplinarju tad-Dipartiment għall-evalwazzjoni:
- Assistenzi għal Diżabilità.
- Allowance tat-Tfal b’Diżabilità.
- Għajnuna Soċjali.
- Assistenza għal Mard.
- Għotja għall-Ħalib.
- Benefiċċju ta’ Diżabilità relatat ma’ Ftehim Reċiproku għal dawk li jgħixu barra minn Malta.
- Benefiċċju għal Mard li hu relatat maċ-Ċertifikat Mediku Blu.
- Benefiċċju għal Korriment, kemm jekk relatat ma’ korriment fuq il-post tax-xogħol jew mard / kundizzjoni medika kkawżata mill-post tax-xogħol.
X’se tingħata
- Faċilità biex tiskeda mill-ġdid jew tikkanċella Appuntament mal-Bord Mediku.
- F’każijiet biss fejn il-persuna hija kostretta li toħroġ mid-dar, persuna tista’ titlob żjara fid-dar flok tattendi personalment għall-appuntament tal-bord mediku. Irid jiġi preżentat ċertifikat mediku fejn jindika r-raġuni ta’ saħħa għalfejn ma tistax tattend personalment. F’każijiet bħal dawn, il-Bord Mediku jwettaq żjara fid-dar. Il-persuna tkun infurmata minn qabel bid-data li tkun ser issir żjara fid-dar.
Eliġibbiltà
- Persuna li l‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali skedalha appuntament biex tattendi quddiem il‑Bord Mediku.
Kif tiskeda mill-ġdid, tikkanċella appuntament jew titlob għal żjara fid-dar mal-Bord Mediku
Persuna tista’ tuża wieħed mill-metodi indikati hawn taħt biex tiskeda mill-ġdid, tikkanċella appuntament jew titlob żjara fid-dar billi:
| Issir talba online | Ikklikklja hawn |
| Iċċempel | Servizz.gov Freephone 153 (Ext. 11) |
| Tmur b’mod personali | f’wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov |
|
Għal każijiet ta’ Assistenzi għal Diżabilità u Allowance tat-Tfal biss. |
Ibgħat email bid-dettalji fuq interprofboard.dss@gov.mt |
| Biex tiskeda mill-ġdid jew tikkanċella appuntament mal-Bord Mediku li jkun ser isir fl-istess jum biss. Dan ma japplikax għall-każijiet ta’ Assistenzi għal Diżabilità u Allowance tat-Tfal b’Diżabilità. | ċempel fuq in-numru tat-telefon 25903233. |




