Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg
Ħarsa ġenerali
Il-Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg jista’ jingħata lil persuna li ħallset Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tal-Klassi 1 jew tal-Klassi 2, tikkwalifika għall-Assistenza għal Diżimpjieg u hija persuna responsabbli tal-familja.
X’se tingħata
Il-Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg jitħallas fuq bażi ta’ sitt (6) ijiem fil-ġimgħa, u jkopri ħlas mit-Tnejn sas-Sibt.
Il-benefiċjarju huwa ntitolat li jitħallas sa massimu ta’ mija u sitta u ħamsin (156) ġurnata ta’ Benefiċċju għal Diżimpjieg. Ma’ dan kollu, il-ħlas huwa bbażat fuq in-numru l-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mħallsa mil-applikant qabel it-talba.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
- L-applikant huwa l-persuna responsabbli tal-familja.
- L-applikant irid ikun ħallas minn tal-inqas ħamsin (50) Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-Klassi 1 u/jew tal-Klassi 2 minn meta ġie reġistrat taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) sad-data tal-Talba tal-Benefiċċju; kif ukoll jkun ħallas jew ġie akkredidat għoxrin (20) Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali matul l-aħħar sentejn (2) sħaħ qabel is-sena li fiha ssir it-Talba għall-Benefiċċju tad-Diżimpjieg.
- L-applikant għandu jissodisfa t-Test tal-Mezzi Kapitali. Ir-riżorsi kapitali għal koppja m’għandhomx jaqbżu tlieta u għoxrin elf u tliet mitt ewro (€23,300) u erbat-il elf (€14,000) għal persuna waħda.
- Kull dħul li ġej minn Kirjiet; Interessi Bankarji minn Kapital, Stokks u Ishma; Manteniment; u kwalunkwe Dħul ieħor derivat; m’għandux jeċċedi r-rata massima ta’ Assistenza għal Diżimpjieg skont il-familja.
- Biex ikun intitolat għal mija u sitta u ħamsin (156) ġurnata sħiħa ta’ Benefiċċju għal Diżimpjieg, l-applikant għandu jissodisfa t-Testijiet tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali indikati hawn fuq u jkollu minimu ta’ mija u sitta u ħamsin (156) Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali mħallsa.
Dokumentazzjoni meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- Kont tad-Dawl u l-Ilma riċenti fejn juri n-numru ta’ membri li jgħixu fid-dar.
- Rendikonti riċenti tal-Bank tal-kontijiet kollha lokali u barranin.
- Dokumenti relattivi tal-valur ta’ kwalunkwè Stokks / Ishma / Bonds u d-dħul li dieħel
- Valur tas-suq ta’ kull proprjetà vakanti f’Malta u / jew barra (li mhix Dar ta’ Residenza u / jew Residenza tas-Sajf).
- Kopja tal-irċevuta riċenti jew kuntratt tal-kera jekk id-dar tar-residenza tkun mikrija. Din għandha turi dettalji ta’ min ikun qed jagħmel il-ħlas tal-pagamenti tal-kera. Jew inkella tiġi mimlija id-dokument Anness 2 – Dikjarazzjoni tal-Kera mill-propjetarju tal-post mikri. Ikklikkja hawn biex tniżżel dan id-dokument.
- Kopja tal-kuntratt tal-kera jekk tirċievi kera li tkun ġejja minn proprjetajiet oħra.
- Dokument ta’ Korroborazzjoni (Anness 3) jekk l-applikant/a j/tkun qed tgħix ma’ terzi persuni. Ikklikkja hawn biex tniżżel dan id-dokument.
- Kopja tal-liċenzji tas-sewqan tal-persuna responsabbli tal-familja u jekk applikabbli tal-konjuġi / sieħeb / sieħba.
- Kuntratt ta’ separazzjoni / divorzju ffirmat u datat, fejn juri l-manteniment riċevut, jekk ikun il-każ.
- Kopja tal-payslip riċenti tal-konjuġi / sieħeb / sieħba jekk j/taħdem.
Kif tapplika
Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.