Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg
Ħarsa ġenerali
Il-Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg jista’ jingħata lil persuna li ħallset Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tal-Klassi 1 jew tal-Klassi 2, tikkwalifika għall-Assistenza għal Diżimpjieg u hija Kap ta’ Familja.
X’se tingħata
Il-Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg jitħallas fuq bażi ta’ 6 ijiem fil-ġimgħa, u jkopri ħlas mit-Tnejn sas-Sibt.
Il-benefiċjarju huwa ntitolat li jitħallas sa massimu ta’ 156 ġurnata ta’ Benefiċċju għal Diżimpjieg. Ma’ dan kollu, il-ħlas huwa bbażat fuq in-numru l-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mħallsa mil-applikant qabel it-talba.
Agħfas hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
- L-applikant huwa l-Kap tal-Familja
- L-applikant irid ikun ħallas minn tal-inqas 50 Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-Klassi 1 u/jew tal-Klassi 2 minn meta ġie reġistrat taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) sad-data tal-Talba tal-Benefiċċju; kif ukoll jkun ħallas jew ġie akkredidat 20 Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali matul l-aħħar sentejn sħaħ qabel is-sena li fiha ssir it-Talba għall-Benefiċċju tad-Diżimpjieg
- L-applikant għandu jissodisfa t-Test tal-Mezzi Kapitali. Ir-riżorsi kapitali għal koppja m’għandhomx jaqbżu € 23,300 u € 14,000 għal persuna waħda
- Kull dħul li ġej minn Kirjiet; Interessi Bankarji minn Kapital, Stokks u Ishma; Manteniment; u kwalunkwe Dħul ieħor derivat; m’għandux jeċċedi r-rata massima ta’ Assistenza għal Diżimpjieg skont il-familja
- Biex ikun intitolat għal 156 ġurnata sħiħa ta’ Benefiċċju għal Diżimpjieg, l-applikant għandu jissodisfa t-Testijiet tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali indikati hawn fuq u jkollu minimu ta’ 156 Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali mħallsa
Dokumentazzjoni meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- Kopja tal-Karta tal-Identità
- Kont tal-Ilma u l-Elettriku
- Rendikonti tal-Bank (kontijiet bankarji lokali u barranin)
- Dokumenti relattivi tal-valur ta’ kwalunkwe Ħażniet / Ishma / Bonds u d-dħul derivat minnhom
- Valur tas-suq ta’ kull proprjetà vakanti f’Malta u / jew barra (li mhix Dar ta’ Residenza u / jew Residenza tas-Sajf)
- Kopja tal-irċevuta / kuntratt tal-kera jekk id-dar tar-residenza tkun mikrija
- Kopja tal-kuntratt tal-kera jekk il-kera tkun ġejja minn proprjetajiet oħra
- Kopja tal-liċenzji tas-sewqan tal-kap tad-dar u tal-konjuġi / sieħeb / sieħba
- Dokumenti ta’ separazzjoni / divorzju jekk il-każ
- Kopja tal-payslip tal-konjuġi / sieħeb / sieħba jekk j/taħdem
Kif tapplika
Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.