Logo
Logo
  • MT
  • EN

Insaħħu lill-ħaddiem: Indirizzati l-inġustizzji tal-passat għall-ħames sena konsekuttiva

26/04/2021 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

“Din il-ġimgħa hija waħda ferm sinjifikattiva għal kull min jemmen fl-irwol tal-ħaddiema. Għalhekk huwa importanti li nfakkru Jum il-Ħaddiem, għaliex il-Gvern Laburista minn dejjem kellu għan wieħed, dak li jwettaq ġustizzja u solidarjetà soċjali, minn dejjem rajna kif nipproteġu lill-ħaddiema u kif immexxu ’l quddiem lill-pajjiż tagħna”, qal il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon nhar it-Tnejn filgħodu waqt li ħabbar kif il-gvern se jkun qed jerġa’ jindirizza l-inġustizzji tal-passat għall-ħames sena konsekuttiva.

Il-Ministru Michael Falzon qal li mhux biss nemmnu li nħarsu lill-ħaddiem, iżda iktar minn hekk nirrispettawh u naraw kif issir ġustizzja miegħu, anke jekk legalment ma kellna l-ebda obbligi li nagħmlu dan. Spjega li sena wara l-oħra matul l-aħħar ħames snin qed tinżamm il-wegħda elettorali li saret fl-2013 li jiġu indirizzati anomaliji u inġustizzji tal-imgħoddi. Il-proċess biex dan isir qed jitnieda b’sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet mingħand eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979, eks ħaddiema tax-xatt u gruppi oħra ta’ ħaddiema.

Huwa stmat li aktar minn 5,000 persuna se jkunu intitolati għal għotjiet li jitħallsu skont tliet skemi mfassla mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, bi qbil mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol. B’kollox ser jitħallsu bejniethom madwar €10 miljun.

Il-gvern qed iżomm kelmtu u ser joħroġ dawn il-pagamenti minkejja n-nefqa qawwija li tkattret bla mistenni fl-aħħar sena biex jingħelbu l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19 u jiġu megħjuna l-familji u n-negozji milquta.

Dawn l-iskemi se jkunu ppubblikati mit-Tlieta 27 ta’ April fil-Gazzetta tal-Gvern u jagħlqu fil-31 ta’ Lulju 2021.

L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu skont it-termini u l-kundizzjonijiet imfassla fi tliet skemi u li ser jixxandru fil-ħarġa li jmiss tal-Gazzetta tal-Gvern. Dawn jgħoddu għal:

1. Persuni li daħlu fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979 u li qabel din id-data għamlu xi żmien iservu f’dipartmenti tal-gvern iżda mhux bħala uffiċjali pubbliċi;

2. Persuni li kienu
(i) impjegati f’xi korporazzjoni jew entità fis-settur pubbliku wara li għamlu xi żmien iservu f’wieħed mill-korpi tax-xogħol imwaqqfa qabel l-1979; jew

(ii) impjegati mal-Gas Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta; jew

(iii) apprentisti mal-Malta Electricity Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta

3. Ħaddiema tax-Xatt li kienu liċenzjati bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007 u li ma kinux hekk liċenzjati wara dan il-perjodu
L-ewwel żewġ skemi qed jitħaddmu mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal. Minnhom jistgħu jibbenefikaw aktar minn 4,500 persuna.

Skema għal eks membri tal-korpi li sabu impjieg fis-servizz pubbliku

Din l-iskema hija marbuta maż-żmien li applikant għamel fis-servizz pubbliku minn wara li jkun ħa l-ħatra uffiċjalment sad-data tal-irtirar. Iż-żmien li persuna tkun għamlet isservi f’xi dipartment tal-gvern iżda mhux bħala uffiċjal pubbliku, ma jkunx ikkalkulat għall-fini tal-iskema.

Skema għal eks membri tal-korpi li sabu impjieg fis-settur pubbliku

Din l-iskema hija prinċipalment miftuħa għal dawk il-membri tal-korpi li twaqqfu qabel l-1979 li meta temmew l-ingaġġ tagħhom daħlu jaħdmu ma’ entitajiet u ma’ korporazzjonijiet fis-settur pubbliku.

L-iskema hija wkoll intiża għal eks impjegati tal-Gas Board li ġew trasferiti mal-korporazzjoni Enemalta u għal numru żgħir ta’ persuni li kienu impjegati bħala apprentisti mal-Malta Electricity Board u wara qalbu mal-Enemalta.

Punti importanti

L-iskemi ma japplikawx għal persuni li kienu f’wieħed mill-korpi mwaqqfa wara l-1979, u persuni li qed jirċievu, jew għandhom id-dritt li jirċievu, pensjoni tas-servizz.

Persuni li applikaw taħt iż-żewġ skemi fis-snin ta’ qabel u għadhom eliġibbli m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ser jipproċessa l-ħlas ta’ għotjiet skont it-tagħrif miġbur fis-snin ta’ qabel.

Iżda, f’każ ta’ mewt ta’ applikant eligibbli, trid issir applikazzjoni mill-ġdid mill-armla jew mill-eredi awtorizzat/a. Kif imfisser fl-iskemi, applikazzjonijiet minn eredi jridu jiġu ppreżentati flimkien ma’ dikjarazzjoni magħmula quddiem nutar li fiha jitniżżlu min huma l-eredi u min huwa jew hija l-eredi li qed jidher f’isimhom.

Dan japplika wkoll f’każ ta’ mewt ta’ eredi awtorizzat/a. L-eredi l-oħra jridu jawtorizzaw min fosthom ser ikun jirrappreżentahom billi jissottomettu applikazzjoni ġdida flimkien ma’ dikjarazzjoni magħmula quddiem nutar li fiha jniżżlu l-isem u d-dettalji tal-eredi awtorizzat/a.

L-applikanti jridu jimlew formola tal-applikazzjoni u jibagħtuha bil-posta flimkien mad-dokumenti meħtieġa lid-Dipartment tas-Sigurtà Soċjali jew bil-posta elettronika fuq social.security@gov.mt.

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb fuq il-freephone 153 jew minn fuq il-website tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Skema għal eks ħaddiema tax-xatt

L-iskema tal-eks ħaddiema tax-xatt qed titħaddem mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali skont ftehim milħuq mal-General Workers’ Union.

L-iskema hija miftuha għal dawk il-ħaddiema jew l-eredi taghhom li kienu msieħba fil-Port Pension and Contingency Fund bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007. Mill-iskema qed jibbenefikaw aktar minn 600 eks ħaddiema jew l-eredi tagħhom.

Anke taħt din l-iskema l-applikanti eliġibbli li tħallsu pagament fis-snin ta’ qabel m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw. Huma ser jirċievu notifika dwar dan mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.

F’każ ta’ mewt ta’ applikant eliġibbli jew tal-eredi awtorizzat trid issir applikazzjoni ġdida.

Tagħrif ieħor

F’dawn l-aħħar snin ma’ dawn l-iskemi kien hemm skema oħra miftuħa għall-uffiċjali tal-pulizija. Din għalqet is-sena l-oħra għax kif miftiehem mar-rappreżentanti tal-pulizija, l-iskema kienet mifruxa fuq 4 snin.

Madwar 2,500 pulizija fil-grad ta’ kuntistabbli, surġent jew surġent maġġur tħallsu għotjiet bi tpattija għal sahra mhux imħallsa bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009. B’kollox huma rċevew ftit aktar minn €8 miljun.

Minn meta bdew jinħadmu dawn l-iskemi fl-2017 globalment tħallsu madwar €46 miljun, medja ta’ €11.5 miljun kull sena.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan kollu juri l-fiduċja tal-gvern fil-ħaddiema u l-mod li bih huma qed ikomplu jikkontribwixxu fit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Il-Ministru Falzon ikkonkluda li l-għajnuna mogħtija lill-ħaddiema Maltin waqt il-pandemija kienet fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea u dan wassal biex Malta hija wieħed minn tliet pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn l-impjiegi żdiedu u mhux naqsu fis-sena 2020 u dan kollu jkompli jimla lil dan il-gvern b’kuraġġ għal aktar ħidma fix-xhur u fis-snin li ġejjin.

Font Resize
Contrast