Logo
Logo
  • MT
  • EN

Q

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Jibda jitħallas is-suppliment ta’ €250 lil kull familja intitolata għall-In-Work Benefit

03/07/2020 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

Familji intitolati għall-In-Work Benefit minn tmiem il-ġimgħa bdew jirċievu għall-ewwel darba suppliment ta’ €250.

L-introduzzjoni ta’ dan is-suppliment sar bħala parti mit-titjib li ddaħħal għat-tliet kategoriji ta’ ġenituri li jaħdmu u li jikkwalifikaw għall-In-Work Benefit li tħabbar fil-pakkett ta’ miżuri għar-riġenerazzjoni ekonomika mniedi f’Ġunju.

Dawk il-familji li jsiru eliġibbli għal dan il-benefiċċju minn issa sal-aħħar tas-sena ser ikunu wkoll intitolati għall-pagament sħiħ tas-suppliment ta’ €250. Barra minn hekk dawk il-ġenituri li kienu qegħdin jirċievu l-benefiċċju u tilfu l-impjieg waqt il-pandemija se jibqgħu jirċievu l-In Work Benefit sakemm ma jinbidlulhomx iċ-ċirkostanzi. F’każ li jsibu impjieg, ir-rata tiġi aġġustata skont id-dħul il-ġdid.

Intant, it-tibdil li sar fl-In Work Benefit jinkludi wkoll titjib fir-rati li jitħallsu l-familji benefiċjarji għal kull wild taħt it-23 sena kif ukoll twessigħ tat-thresholds biex aktar familji jikkwalifikaw.

Ir-rati mħallsa lill-familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u għandhom dħul mix-xogħol ta’ bejn €10,000 u €26,000 żdiedu bejn €30 u €100 kull wild, bl-ogħla rata titla’ għal €1,400 għal kull wild eliġibbli.

F’każ ta’ familji b’ġenitur wieħed li jaħdem jew taħdem bi dħul ta’ bejn €6,600 u €18,200, iż-żieda hija ta’ €50 għal kull wild. L-ogħla rata issa tlaħħaq €1,400 ukoll għal kull wild.

Ir-rati mħallsa lill-familji fejn wieħed mill-ġenituri huwa fid-dinja tax-xogħol u d-dħul mix-xogħol ivarja bejn €6,600 u €22,000 żdiedu bi €80 kull wild, biex issa l-ogħla rata mħallsa hija ta’ €630 għal kull wild.

Tajjeb li jingħad li fil-każ tal-miżżewġin, kemm it-threshold u kemm ir-rati mħallsa lill-koppji li jaħdmu t-tnejn huma ogħla minn ta’ dawk fejn xi ħadd mill-ġenituri ma jaħdimx. Dan sabiex fil-każ ta’ dawn tal-aħħar it-tieni ġenitur ikollu l-inċentiv li jidħol fid-dinja tax-xogħol, anke part-time.

Ir-rati ġodda daħlu fis-seħħ b’effett mis-6 ta’ Ġunju u ser jitħallsu b’lura fil-pagament li jkun imiss f’Ottubru, liema pagament normalment ikun ikopri l-perjodu minn Lulju sa Settembru iżda din id-darba se jkun jinkludi wkoll l-arretrati dovuti għal Ġunju.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-gvern qed ikompli jippremja l-bżulija u fisser li dan it-titjib sar bil-għan li flimkien ma’ miżuri oħra meħuda mill-gvern, ikompli jagħti spinta lill-familji bieżla Maltin li għandhom dħul relattivament baxx jew medju mill-impjieg u jgħinhom ilaħħqu aktar mal-effetti tal-pandemija u mal-ħajja b’mod ġenerali.

Il-Ministru Falzon qal ukoll li l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi hija prijorità assoluta tal-gvern, kif jixhdu l-mijiet ta’ miżuri soċjali li ddaħħlu fl-aħħar 7 snin u li wasslu għal tnaqqis rekord fil-faqar u fin-numru ta’ dawk li jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali u żieda kbira fin-numru ta’ dawk li jaħdmu u fid-dħul tal-familji. ​