Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Messaġġ mid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, fl-okkażżjoni tal-65 sena mit-twaqqif tad-Dipartiment Sigurtà Soċjali

06/05/2021 | Aħbar Riċenti

65 sena ta’ Sigurtà Soċjali f’Malta

Kien fl-1956, meta aħna l-ħaddiema tal-lum fid-Dipartiment ma konniex għadna twelidna, li nħoloq id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex jamministra żewġ liġijiet li kienu l-Att dwar l-Assistenza Nazzjonali u l-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali. Dawn kienu żewġ liġijiet fejn l-ewwel waħda ma kienx hemm bżonn li l-persuna tikkontribwixxi filwaqt li t-tieni waħda kienet imsejsa fuq kontribuzzjonijiet li l-ħaddiema kienu jħallsu. Għall-bidu, dawk li kienu f’impjieg kienu jikkontribwixxu, biex imbagħad fl-1965, din il-liġi ġiet estiża anki għal dawk li kienu jaħdmu għal rashom u persuni li ma kellhomx impjieg. B’hekk, aktar nies setgħu jkunu mgħejjuna fid-diffikultajiet li setgħu jsibu ruħhom fihom.

Kull min ilu naqra snin mhux ħażin f’dan id-Dipartiment, jaf li dawn l-istess liġijiet kienu emendati kemm-il darba biex jiddaħħlu benefiċċji ġodda. Pass importanti kien fis-sena 1987 meta ż-żewġ liġijiet imsemmija kienu kkonsolidati f’waħda biex inħoloq l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li llum il-ġurnata, kull uffiċjal iħaddem biex jinħarġu kull benefiċċju, pensjoni jew assistenza.

Għalkemm id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għandu l-Uffiċċju Prinċipali f’bini storiku, dak magħruf bħala Palazzo Ferreria u fl-aktar triq prominenti fil-Belt Valletta, Triq ir-Repubblika, mhux dejjem kien hekk. Id-diversi sezzjonijiet li jagħmlu parti minn dan id-Dipartiment kienu f’uffiċċji differenti mferrxin mal-belt kapitali. Kien fis-snin sebgħin li kull sezzjoni nġabret f’dan il-bini.

Kif semmejt, matul dawn il-65 sena, iddaħħlu diversi benefiċċji, pensjonijiet u assistenzi ġodda biex jilħqu l-popolazzjoni ta’ dawn il-gżejjer. Faċilment, nistgħu ngħidu li nħallsu benefiċċji għal qabel ma titwieled persuna, kif ukoll sakemm persuna tibqa’ tieħu l-aħħar nifs.

Il-benefiċċji jolqtu lil kulħadd, minn dik l-omm li qiegħda ġġorr tarbija, għal tfal, għal persuni b’diżabilità, għal dik il-persuna li tkun tilfet lil parti l-oħra fiż-żwieġ, lil min ikun marid, korra fuq ix-xogħel jew inkella ma jaħdimx, lil min ikun qiegħed jieħu ħsieb xi ħadd marid jew b’diżabilità, lil min ma jistax jaħdem minħabba mard, u lil min ikun ilu ħajtu kollha jaħdem u jispiċċa bil-pensjoni. Dan kollu grazzi għal kull uffiċjal fid-Dipartiment, mill-kbir saż-żgħir għax kull impenn minn kulħadd huwa meħtieġ biex min l-aktar li għandu bżonn, ikun jista’ jitħallas mingħajr dewmien.

Hawnhekk, tajjeb li nsellmu lil dawk l-uffiċjali kollha li ħadmu f’dan id-Dipartiment qabilna fejn ħallewlna struttura b’saħħitha biex aħna llum inkunu nistgħu naqdu doveri tagħna kif suppost.

It-tibdil li sar matul is-snin fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma kienx biss fil-benefiċċji li żdiedu minn żmien għal żmien imma wkoll fl-operat tiegħu. Filwaqt li qabel ma bdiet l-era teknoloġika, kull benefiċċju, pensjoni u assistenza kienu jinħadmu manwalment, illum kważi dak ix-xogħol kollu li kien isir minn diversi ħaddiema, qiegħed isir b’mod awtomatiku u b’inqas uffiċjali. Minbarra dan, anki l-preżenza tal-uffiċjali fil-bini hija wkoll drastikament imnaqqas meta tikkonsidra li bil-mezzi teknoloġiċi li għandna llum, kif ukoll bl-introduzzjoni tal-miżuri favur il-familja, ħafna uffiċjali, speċjalment nisa, jaħdmu mid-dar tagħhom. Dan kollu qiegħed isir mingħajr ma tnaqqas il-livell ta’ servizz li jingħata lill-pubbliku. Dan kollu grazzi lill-uffiċjali kollha li jaħdmu b’mod sodisfaċenti u mill-qalb. Li kieku ma jkunx hekk, għandna sezzjoni tal-popolazzjoni li tkun qed tbati minħabba n-nuqqas tagħna.

Minbarra l-assessjar tal-applikazzjonijiet, anki l-metodu tal-ħlas inbidel radikalment. Fejn fil-bidu nett, il-pagamenti kienu jsiru bi flus kontanti, imbagħad bdew isiru permezz ta’ ċekkijiet, illum wasalna fejn qegħdin inħallsu direttament fil-kont bankarju tal-benefiċjarju. Dan huwa mod aktar sigur ta’ kif jitħallas benefiċjarju fejn iċ-ċans li jintilef jew jinsteraq ċekk m’għadux jeżisti. Issa rridu naslu fi żmien li kull benefiċjarju jitħallas dirett fil-kont bankarju u bħalma nqatgħu l-pagamenti permezz tal-flus kontanti, hekk ukoll ma jinħarġux aktar ċekkijiet.

Bħala Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, għandna nibqgħu kommess biex noffru dawk is-servizzi soċjali l-aktar bżonnjużi, skont il-ħtiġiet ta’ kull individwu. B’hekk ikunu qegħdin nagħmlu bħalma dejjem għamilna, li nkunu ta’ wens għal min huwa vulnerabbli u l-aktar li għandu bżonn f’mumenti partikolari.

 

Grazio Barbara
Direttur Generali (Sigurtà Soċjali)