Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Messaġġ mid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, fl-okkażżjoni tal-66 sena mit-twaqqif tad-Dipartiment Sigurtà Soċjali

04/05/2022 | Aħbar Riċenti

Din is-sena d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qiegħed ifakkar is-66 sena minn meta daħlu fis-seħħ żewġ liġijiet li kienu l-Att dwar l-Assistenza Nazzjonali u l-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali. Dawn kienu żewġ liġijiet li bihom bdew jintlaħqu dawk il-persuni kollha li kellhom bżonn l-għajnuna fejn il-persuna kienet tikkontribwixi fl-iskema tal-assigurazzjoni nazzjonali jew le.

Pass importanti kien fis-sena 1987 meta ż-żewġ liġijiet imsemmija kienu kkonsolidati f’waħda biex inħoloq l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li llum il-ġurnata huwa l-gwida tad-Dipartiment biex jitħallsu l-benefiċċji soċjali.

F’dawn is-66 sena, iddaħħlu diversi benefiċċji, pensjonijiet u assistenzi ġodda u nistgħu ngħidu li nħallsu benefiċċji għal qabel ma titwieled persuna sa meta tirtira u wara.

Hawnhekk, tajjeb li nsellmu lil dawk l-uffiċjali kollha li ħadmu f’dan id-Dipartiment qabilna biex illum, aħna wasalna fejn wasalna.

It-tibdil li sar matul is-snin fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma kienx biss fil-benefiċċji li żdiedu imma wkoll kif jaħdem. Filwaqt li qabel ix-xogħol kollu kien isir manwalment, illum qiegħed isir b’mod awtomatiku u b’inqas uffiċjali. Dan sar mingħajr ma tnaqqas il-livell ta’ servizz li jingħata. Dan kollu grazzi lill-uffiċjali kollha li jaħdmu b’mod sodisfaċenti u mill-qalb. Li kieku ma jkunx hekk, għandna sezzjoni tal-popolazzjoni li tkun qed tbati minħabba n-nuqqas tagħna.

Anki l-mod tal-ħlas inbidel radikalment. Fil-bidu nett, il-pagamenti kienu jsiru bi flus kontanti, imbagħad bdew isiru permezz ta’ ċekkijiet, illum wasalna fejn qegħdin inħallsu direttament fil-kont bankarju tal-benefiċjarju. Ilħaqna presentaġġ sodisfaċenti ħafna imma issa rridu naslu li kull benefiċjarju jitħallas dirett fil-kont bankarju u ma jinħarġux aktar ċekkijiet. Bħal dejjem, kull tibdil isir pass wara pass, mingħajr tbatija bla bżonn, speċjalment għall-benefiċjarji.

Bħala Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, għandna nibqgħu kommessi biex noffru dawk is-servizzi soċjali l-aktar adekwati. B’hekk inkunu qegħdin nagħmlu bħalma dejjem għamilna, li nkunu ta’ wens għal min huwa vulnerabbli u l-aktar li għandu bżonn f’mumenti partikolari.

Mill-ġdid grazzi kbira lill-ħaddiema kollha tax-xogħol siwi li jsir.