Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Miżura ta’ simplifikazzjoni għal persuni b’diżabilità severa

15/03/2021 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

Madwar 90% ta’ persuni b’diżabilità severa, mhux se jkollhom għalfejn jerġgħu jidhru quddiem il-bord mediku, meta jagħlqu 16-il sena. Din hija miżura oħra ta’ simplifikazzjoni għal persuni li jbatu bid-Down Syndrome, jew diżabilità severa oħra. Permezz ta’ din ir-riforma, m’hemmx bżonn illi jsir l-ebda means testing għal persuni b’diżabilità severa għat-tieni darba.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, bħala parti minn ‘Gvern għan-Nies’, f’San Pawl il-Baħar. Indirizzaw din l-attività il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon kif ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li f’Novembru li għadda l-Ministeru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja nieda proċess ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders. Matulu tqajjem il-punt li persuni, fost l-oħrajn b’Down Syndrome, ta’ 16-il sena ikollhom jerġgħu jitilgħu quddiem bord mediku biex jikkonferma jekk il-persuna jkollhiex verament diżabilità severa. Dan meta nafu li bħal kundizzjonijiet mediċi oħra, tarbija li titwieled b’down syndrome tibqa’ tgħix b’din il-kundizzjoni tul ħajjitha.

“Nemmnu li dan il-proċess kien wieħed burokratiku imma wkoll li kien qed joħloq inkonvenjent doppju fejn ġenituri kienu qegħdin jesperjenzaw skariġġ żejjed u jużaw ukoll il-leave tagħhom biex jagħmluh. Fil-ġimgħa fejn se niċċelebraw lill-persuni b’Down Syndrome nemmnu li dan hu pass li verament juri kemm dan hu gvern għan-nies, li jisma’ l-veduti tagħhhom u jaħdem biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Ministru Michael Falzon spjega li bit-tibdil li hu ppjanat, il-ġenituri ta’ tfal li jkunu se jagħlqu is-16-il sena, u li jkunu qed jirċievu d-Disabled Child Allowance (DCA), se jibdew jiġu notifikati direttament sabiex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa dwar it-tifel/tifla tagħhom, minħabba li jsir means testing. Bl-informazzjoni mogħtija imbagħad tiġi pproċessata l-applikazzjoni awtomatika u min ikun intitolat jibda l-ħlas tal-benefiċċju mingħajr mat-tifel jew tifla terġa’ tidher quddiem bord.

​Il-Ministru Michael Falzon stqarr li jemmen f’politika li tibqa’ viċin in-nies u li tkompli tissimplifika u tagħmel il-ħajja aktar faċli, fi żmien diffiċli għal kulħadd, iżda speċjalment għall-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom. Il-ministru fakkar li issa dawk il-persuni b’diżabilità li ma jistgħux jaħdmu, minħabba d-diżabilità tagħhom, qed jirċievu l-ekwivalenti għall-paga minima nazzjonali, filwaqt li saru numru ta’ inċentivi biex jidħlu akter persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol.​