Ħarsa ġenerali
Pensjoni tas-Servizz tingħata lil:
- Persuna li tkun bdiet taħdem mas-Servizz Pubbliku ta’ Malta qabel il-15 ta’ Jannar 1979 f’kariga pensjonabbli taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap. 93.).
- Membri tal-Korp tal-Pulizija taħt l-Att dwar il-Pulizija ( Kap. 164.)
- Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta ( Kap. 220.)
- Membri tal-Protezzjoni Ċivili taħt l-Att dwar il-Protezzjoni Ċivili ( Kap. 411.).
- Membri tas-Servizz Korrettivi taħt l-Att dwar il-Ħabs ( Kap. 260.).
- Nisa romol ta’ uffiċjali pubbliċi li kienu f’kariga pensjonabbli u li kienu jikkontribwixxu għal din l-iskema tar-Romol u Orfni taħt l-Att dwar il-Pensjonjiet lil Nisa Romol u Tfal Iltiema (Kap. 58.).
- Membri Parlamentari taħt l-Att dwar il-Pensjoni tal-Membri tal-Parlamnt (Kap. 280.).
- Membri tal-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali taħt l-Att dwar il-Pensjonijiet tal-Membri tal-Ġudikatura (Kap. 564.).
- Segretarju tal-Kabinett taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap. 93.).
- Segretarji Permanenti taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap. 93.).
X’ser tingħata
Il-pensjoni tas-servizz titħallas kull xahar u ma tkunx aktar minn żewġ terzi (⅔) tas-salarju li kien jirċievi li huwa ntitolat għall-Pensjoni tas-Servizz.
Għal aktar informazzjoni, ikklikkja hawn biex taċċessa l-Manwal tal-Pensjonijiet tas-Servizz.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
Uffiċjali li jikkwalifikaw għal Pensjoni tas-Servizz huma:
- Uffiċjali tal-Gvern li ġew impjegati mal-Gvern qabel il-15 ta’ Jannar 1979 u kienu appuntati f’kariga pensjonabbli u li jkunu ħadmu għal aktar minn għaxar (10) snin.
- Membri tal-Korp tal-Pulizija, tal-Forzi Armati ta’ Malta, tas-Servizzi Korrettivi u tal-Protezzjoni Ċivili wara li jkunu ħadmu għal aktar minn għaxar (10) snin.
- Romol ta’ uffiċjali pubbliċi li kellhom kariga pensjonabbli u li kkontribwixxew għall-iskema tal-pensjoni tar-Romol u Orfni.
- Membri Parlamentari wara li jservu aktar minn żewġ (2) leġiżlaturi li mhux neċessarjament ikunu konsekuttivi.
- Membri tal-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali wara tkomplija ta’ għaxar (10) snin servizz.
- Segretarju tal-Kabinett li jrid ikollu mill-anqas għaxar (10) snin servizz fis-Servizz Ċivili, li minnhom mill-anqas term wieħed f’din il-pożizzjoni.
- Segretarji Permanenti li jrid ikollhom mill-anqas għaxar (10) snin servizz fis-Servizz Ċivili, li minnhom mill-anqas għamlu term wieħed f’din il-pożizzjoni.
Dokumentazzjoni meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- Il-formola li għandha tintuża għall-għotja ta’ pensjoni u gratifikazzjoni hija GP 61.
- Dikjarazzjoni li l-individwu m’għandu l-ebda każijiet pendenti ta’ dixxiplina.
Kif tapplika
Id-dokumenti tal-pensjoni u ta’ gratifikazzjoni ta’ uffiċjal li se jirtira meta jilħaq il-limitu tal-età, għandhom jintbagħtu lis-Central Registry tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, mid-Dipartiment rispettiv, tal-uffiċjal pubbliku, mhux aktar tard minn tliet (3) xhur qabel id-data tal-irtirar.
Ta’ min jinnota li l-kontenut ta’ din l-informazzjoni u l-Manwal tal-Pensjonijiet tas-Servizz huma għal skopijiet ta’ informazzjoni biss u ma għandhom l-ebda saħħa legali.
Politika li tirregola ż-Żamma tar-Rekords Maħluqa u Immaniġġjati mit-Taqsima tal-Pensjonijiet tas-Servizz
Din Politika taż-Żamma ġiet approvata fis-22 ta’ Novembru 2023 mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta (NAM), (Politika ta’ Żamma nru REP2023-14) u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Din il-politika għandha tiġi riveduta mill-inqas kull ħames (5) snin mid-data tal-ħruġ biex jiġi żgurat li l-proċessi u l-kategoriji tad-dokumentazzjoni kollha jkunu għadhom validi u rilevanti fid-dawl ta’ kwalunkwe tibdil fil-proċeduri jew fil-liġi. Tissostitwixxi wkoll kwalunkwe politika ta’ żamma li setgħet ġiet implimentata fil-passat għall-istess rekords.