Benefiċċju għal Korriment (DSS)
Overview
Il-Benefiċċju għal Korriment jista’ jingħata lil persuna reġistrata taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) u li ssofri dannu personali kkawżat minn inċident li jirriżulta minn jew waqt l-impjieg jew jekk taħdem għar-rasha. Il-Benefiċju għal Korriment jista’ jingħata wkoll lil persuna li żviluppat marda jew kundizzjoni medika relatata mal-post tax-xogħol. Dan il-benefiċċju jingħata biss fuq impjieg li fuqu tkun qed tiġi mħallsa l-Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali.
What you’ll get
Il-Benefiċċju għal Korriment jitħallas kull ġimgħa.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Benefiċju għal Korriment relatat ma’ korriment fuq ix-xogħol
Il-ħlas tal-Benefiċċju għal Korriment jibda wara t-tliet (3) ijiem ta’ xogħol konsekuttivi mid-data tal-jum tal-korriment. Il-ġurnata tal-korriment u t-tliet (3) ijiem ta’ xogħol konsekuttivi għandhom jitħallsu kollha minn min iħaddem.
L-ewwel ħlas ma jinħariġx sakemm l-applikant ikun ġie eżaminat mill-Bord Mediku maħtur skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318.), sakemm il-persuna ma tirritornax għax-xogħol qabel jgħaddu għaxart (10) ijiem kalendarji mill-korriment.
Jekk persuna tkun iċċertifikata mill-Bord Mediku maħtur skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.), li għadha mhix tajba għax-xogħol u tkun għaddiet sena mid-data tal-korriment, il-benefiċjarju/a mitlub/a li j/tissottometti ċertifikat mediku kull ġimgħa sabiex jingħata l-Benefiċċju tal-Mard.
Jekk persuna tkun sofriet diżabilità permanenti minħabba korriment li jkun sar u wara tnax-il (12) xahar li jkun beda jirċievi l-Benefiċċju għal Korriment, tista' tapplika għal Għotja għal Korriment (li hija għotja ta’ darba), Pensjoni għal Korriment jew Pensjoni għal Invalidità b’applikazzjoni li tkun tinkludi rapport mediku dettaljat maħruġ minn speċjalista medika. Fir-rapport, l-ispeċjalista għandu jelenka s-severità tad-diżabilità. Il-każ imbagħad jiġi rivedut minn Bord Mediku maħtur skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.), li jiddeċiedi dwar il-każ u l-perċentwali permanenti totali tad-diżabilità. Għal aktar informazzjoni dwar l-Għotja ta’ Korriment jew Pensjoni għal Korriment ikklikkja hawn.
Meta tkun qed tirċievi l-Benefiċju għal Korriment, persuna li taħdem għal rasha tingħata wkoll Krediti ta’ Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali. L-ebda Krediti ta’ Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali ma jingħataw lil persuni li jkunu impjegati, peress li jkunu qed jitħallsulhom Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali minn min iħaddimhom.
Jekk ikun hemm xi diżgwid bejn l-impjegat/a u min iħaddem, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jitlob li ssir investigazzjoni mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA). Tista’ ukoll issir talba għall-investigazzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, iżda din ma tkunx mibdija mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Benefiċju għal Korriment għal marda / kundizzjoni medika relatata mal-post tax-xogħol
F’każijiet bħal dawn, min iħaddem mhux mitlub li jimla d-dikjarazzjoni tal-Prinċipal. Irid jimtela biss ir-Rapport Mediku tal-Marda jew Kundizzjoni Medika minn tabib.
Kull informazzjoni oħra mitluba hawn fuq dwar Benefiċju għal Korriment relatata ma’ korriment fuq ix-xogħol japplika.
Jekk ikun hemm xi diżgwid bejn l-impjegat/a u min iħaddem, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali titlob li ssir investigazzjoni mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA). Tista’ ukoll issir talba għall-investigazzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, iżda din ma tkunx mibdija mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Eligibility
Persuna li tkorri f’inċident waqt il-qadi ta’ dmirijietha, li jkun xekkel il-kapaċità tal-persuna li taħdem għal aktar minn tliet (3) ijiem kalendarji.
Persuna li żviluppat marda / kundizzjoni medika marbuta mal-post tax-xogħol.
Dokumentazzjoni ġenerali:
Dikjarazzjoni ta’ min iħaddem, f’każ li kien korriment fuq ix-xogħol. Jekk tkun taħdem għal rasek, irid jimtela ukoll minn uffiċċjal tal-pulizija. Ikklikkja hawn biex tniżżel dan id-dokument.
Rapport Mediku tal-Korriment, f’każ li kien korriment fuq ix-xogħol u li jrid ikun mimli minn tabib. Ikklikkja hawn biex tniżżel dan id-dokument.
Rapport Mediku tal-marda jew kundizzjoni medika, f’każ ta’ marda marbuta max-xogħol, u li jrid ikun mimli minn tabib. Ikklikkja hawn biex tniżżel dan id-dokument.