Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

L-Istorja tas-Sigurtà Soċjali f’Malta

Ħarsien Soċjali f’Malta

L-iżvilupp tas-servizzi tas-sigurtà soċjali f’Malta jista’ jiġi ntraċċat lura għal taħt it-tmexxija tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fuq il-gżejjer Maltin. Għalkemm saż-żmien li l-Kavallieri ġew f’Malta fl-1530 evolvew f’Ordni Militari, bħala ospitaljeri xorta ddedikaw ruħhom għall-kura tal-morda u l-foqra. Minbarra fortifikazzjonijiet difensivi, bnew sptar imdaqqas fil-belt kapitali l-ġdida u kienu impenjati f’għadd ta’ entitajiet tal-karità. Kienu involuti attivament f’attivitajiet umanitarji biex jassistu l-foqra fi flus kontanti jew kawżi oħra li jkun jistħoqqilhom.

Iżda, ma kienx qabel is-seklu 19 li l-ewwel benefiċċju soċjali mogħti mill-Istat ġie introdott f’Malta. Dan il-benefiċċju kien f’forma ta’ skema ta’ pensjoni mnedi fl-1885 għall-membri tal-korp tal-pulizija, u li ftit snin wara, ġie estiż għall-impjegati taċ-ċivil.

Inizjattivi leġiżlattivi

L-ewwel żvilupp fil-qasam tal-politika soċjali seħħ fl-għoxrinijiet bl-għoti ta’ awtoregolazzjoni mill-Gvern Ingliż wara l-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1921 u t-tbatija soċjoekonomika li seħħet wara. Il-programm leġiżlattiv kien jinkludi l-għoti ta’ pensjonijiet lil romol u ltim ta’ uffiċjali pubbliċi mejta fl-1927.

Dan ġie segwit mill-ewwel skema ta’ assigurazzjoni soċjali sentejn wara, mfassla biex tikkumpensa lill-ħaddiema li sofrew ġrieħi fuq ix-xogħol. Il-benefiċċji ġew iffinanzjati permezz ta’ fond regolat mill-Att dwar il-Kumpens tal-Ħaddiema. Il-kontribuzzjonijiet lejn il-fond kienu obbligatorji u maqsuma ugwalment minn min iħaddem, l-impjegati u l-Istat.

It-taqlib politiku u l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija waqqfu l-programm leġiżlattiv, li, madankollu, reġa’ kompla bis-seħħ tal-awtogovernanza fl-1947.

L-ewwel miżura f’Awissu tal-1948 kien l-Att dwar il-Pensjonijiet għax-Xjuħ li pprovda għall-ħlas tal-pensjonijiet lil persuni anzjani li qatt ma kienu ħadmu. B’differenza mill-Att dwar il-Kumpens tal-Ħaddiema, l-iskema ma kinitx iffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet, iżda l-applikanti kellhom jgħaddu minn test tal-mezzi finanzjarju. Din kienet segwita ftit tas-snin wara bi skema ta’ għajnuna finanzjarja (magħrufa bħala Relief) għal familji fil-bżonn li l-kapijiet tagħhom kienu qiegħda bla mpjiieg.

Sena Kruċjali

L-1956 kienet sena kruċjali għas-sistema tas-sigurtà soċjali bis-saħħa ta’ żewġ liġijiet ewlenin – l-Att dwar l-Assistenza Nazzjonali u l-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali, u l-ħolqien konkorrenti tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. L-għajnuna soċjali u medika ngħatat lil kategoriji differenti ta’ persuni vulnerabbli mingħajr ma kellhom għalfejn iħallsu l-ebda kontribuzzjoni. Dawk il- kapijiet tal-familja  li kienu bla xogħol, jew qed ifittxu impjieg jew li ma setgħux jaħdmu minħabba mard, ingħataw l-għajnuna soċjali. Jekk il-benefiċjarji kienu qed joqogħdu f’dar mikrija, l-assistenza tagħhom kienet miżjuda b’Benefiċċju tal-Kera.

Persuni li jbatu minn mard kroniku saru intitolati għal assistenza medika, irrispettivament mir-riżorsi finanzjarji tal-familja tagħhom. Il-leġiżlazzjoni introduċiet ukoll kura istituzzjonali bla ħlas għall-anzjani, kura u t-trattament bla ħlas fl-istituzzjonijiet u l-isptarijiet kollha mmexxija mill-Istat.

L-Att dwar il-Kumpens tal-Ħaddiema ġie mħassar u sostitwit b’liġi li tipprovdi għal skema komprensiva ta’ assigurazzjoni soċjali ffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa b’mod obbligatorju mill-impjegati, minn min iħaddem u mill-Istat. L-iskema kopriet firxa wiesgħa ta’ benefiċċji, allowances u pensjonijiet, minbarra kontinġenzi li jkopru mard, korrimenti jew mard relatati max-xogħol, qgħad, romol, ltim u anzjanità.

Sena wara l-Gvern estenda d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal-Età għal persuni neqsin mid-dawl li kellhom erbgħin (40) sena jew aktar. Fl-1962, l-età sabiex tikkwalifika tnaqqset għal erbatax (14) il-sena biex tallinjaha mal-età tat-tluq mill-iskola ta’ dak iż-żmien.

L-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali ġie emendat fl-1965 biex jinkludi persuni li jaħdmu għal rashom u persuni mhux impjegati, u b’hekk ġab l-iskema applikabbli għal firxa wiesgħa tal-popolazzjoni Maltija. Fl-istess sena l-Pensjoni tal-Invalidità ġiet miżjuda mal-lista tal-miżuri soċjali.

Is-Sebgħinijiet

Matul is-sebgħinijiet ġew varati għadd ta’ miżuri soċjali innovattivi. Dawn kienu jinkludu:

  • L-eliminazzjoni tad-distinzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji. (1971)
  • L-introduzzjoni tal-ħlas ta’ Bonus annwali lill-pensjonanti kollha tas-Sigurtà Soċjali u r-benefiċjarji tal-Assistenza Soċjali. (1972)
  • It-twaqqif ta’ Allowances tat-Tfal li minnhom ibbenefikaw eluf ta’ familji u tfal. (1974)
  • Tnediet Pensjoni tad-Diżabilità mhux kontributorja fl-istess sena. Kopriet wkoll persuni li jbatu minn diżabilità mentali severa jew minn paraliżi ċerebrali. Fis-sena ta’ wara l-pensjoni ġiet estiża għal kategoriji oħra ta’ persuni b’diżabilità severa.
  • B’mod sinifikanti, il-Pensjoni ta’ Żewġ Terzi daħlet fis-seħħ fl-1979, flimkien ma’ skema ta’ pensjoni tar-romol ikkalkulata fuq il-qligħ tar-raġel deċedut tagħhom. L-iskemi l-ġodda ġew issupplimentati b’sistema ta’ kontribuzzjonijiet riformata applikabbli kemm għal persuni impjegati kif ukoll għal persuni li jaħdmu għal rashom.
  • Ġiet introdotta ukoll Pensjoni Minima Nazzjonali sabiex tiżgura li persuni li japplikaw għal pensjoni kontributorja ma jaqgħux taħt ċerta rata tal-pensjoni sakemm ikollhom rekord sħiħ tal-kontribuzzjoni għall-kreditu tagħhom.

It-Tmeninijiet

Id-deċennju ġie kkaratterizzat mill-approvazzjoni tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali mill-Kamra tad-Deputati biex jinkludi b’mod komprensiv id-dispożizzjonijiet ta’ tliet liġijiet separati li jirregolaw il-Pensjonijiet Kontributorji, l-Assistenza Nazzjonali u l-Assigurazzjoni Nazzjonali f’leġiżlazzjoni waħda.

Il-miżuri li saru fis-snin tmenin kienu jinkludu l-introduzzjoni tal-Benefiċċju tal-Maternità għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal nisa qiegħda fl-1981. Il-benefiċċju jkopri t-tmien (8) ġimgħat qabel il-ħlas u l-ewwel ħames (5) ġimgħat wara t-twelid. Il-Benefiċċju tal-Leave tal-Maternità jingħata lil nisa li jagħżlu leave tal–maternità permezz ta’ min iħaddimhom u jiddeċiedu li jestendu l-ġimgħa tal-maternità tagħhom b’erba’ (4) ġimgħat. Ir-rata pagabbli ta’ kull ġimgħa hija daqs il-paga minima nazzjonali.

L-Għajnuna Soċjali ġiet estiża fl-1986 għal nisa romol jew mhux miżżewġin li kienu qed jieħdu ħsieb b’mod regolari ta’ qarib anzjan jew b’diżabilità.

L-Allowance għat-Tfal b’Diżabilità ġiet maħluqa fl-1988. Din titħallas lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità.

Id-Disgħinijiet

F’dan id-deċennju ġew introdotti għadd ta’ miżuri soċjali ġodda jew imtejba:

  • L-introduzzjoni ta’ Pensjoni tar-Romol u Allowance Supplimentari ta’ Ltim. (1991)
  • Persuni mhux miżżewġin jew romol li jieħdu ħsieb ġenitur li juża siġġu tar-roti jew ikkonfinat f’sodda ngħataw Pensjoni tal-Carer. (1992)
  • Allowance Supplimentari bdiet titħallas lil ċittadini lid-dħul finazjarju totali tagħhom waqa’ taħt ċertu livell. (1996)
  • L-iskema tal-Allowance tat-Tfal ġiet riveduta u l-intitolament sar soġġett għal test tal-mezzi tad-dħul dikjarat mill-membri tal-familja. (1996)
  • It-tifsira tat-terminu ‘Pensjoni tas-Servizz’ ġie definit b’mod aktar preċiż. B’riżultat ta’ dan, il-pensjoni tas-servizz għall-valutazzjoni tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali bdiet tiġi ikkunsidrata biss sakemm ir-rata oriġinali tat-tali pensjoni kienet ‘il fuq minn €466 fis-sena u ma kinitx ġiet kommutata kollha. Jekk dan kien il-każ, il-pensjoni tas-servizz tittieħdet bir-rata oriġinali tagħha, jiġifieri, meta kienet l-ewwel irċevuta mill-pensjonant jew mill-konjuġi, fil-każ ta’ Pensjoni tar-R (1997)
  • Id-diskriminazzjoni li kienet teżisti s’issa bejn l-irġiel u n-nisa fl-għoti tal-Pensjoni tar-Romol ġiet eliminata. L-emendi stabbilixxew li l-benefiċċji kontributorji kollha applikabbli għal armla kellhom japplikaw għal armel mutatis mutandis. (1998)
  • L-emendi neħħew ukoll id-diskriminazzjoni fl-għoti tal-Benefiċċju tal-Mard. S’issa, mara miżżewġa ma kienitx tikkwalifika għar-rata tal-Benefiċċju għal Mard applikabbli għal raġel miżżewweġ. Bil-miżuri l-ġodda, kemm l-irġiel miżżewġa kif ukoll in-nisa, tqiegħdu fuq l-istess livell sakemm il-konjuġi tagħhom ma kienx impjegat bi qligħ.
  • Fl-istess sena, wara aktar minn erba’ deċennji, ir-responsabbiltà tal-ġbir u l-infurzar tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali għaddiet mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għad-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
  • Id-deċennju għalaq b’reviżjoni tar-rata tal-Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali għall-impjegati. Din żdiedet minn 8.33% għal 10%.

Bidu tas-Seklu 21

Sa mill-bidu tas-seklu, l-ħarsien soċjali ġie msaħħaħ bl-attivazzjoni ta’ riformi soċjali u titjib tal-benefiċċji mmirati biex iżommu s-sistema tas-sigurtà soċjali aġġornata mal-ħtiġijiet u l-isfidi soċjali li qed jinbidlu.

Barra minn hekk, bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea (UE) fl-2004, il-benefiċċji soċjali saru disponibbli għaċ-ċittadini kollha minn stati membri oħra tal-UE u reċiprokament Maltin, saru eliġibbli għal benefiċċji minn stati oħra tal-UE.

Pensjonijiet

Minħabba li l-popolazzjoni f’Malta qed tixjieħ, ingħatat prijorità lil miżuri mfassla biex isaħħu s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tal-pensjonijiet.

Ir-riforma bdiet fl-2006 biż-żieda tal-età tal-irtirar minn wieħed u sittin (61) sena għall-irġiel u sittin (60) sena għan-nisa għal ħamsa u sittin (65) sena għaż-żewġ sessi. Fl-istess ħin il-perjodu kontributorju żdied ukoll għal erbgħin (40) sena filwaqt li għaxar (10) snin wara żdied b’sena oħra għal persuni mwielda mill-1969 ‘l quddiem.

F’termini ta’ sostenibbiltà, mill-2016 il-miżuri adottati ġew imfassla primarjament biex jinċentivaw lill-pensjonanti biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol lil hinn mill-età statutorja tal-irtirar u biex jiżguraw li, maż-żmien, jinżamm bilanċ ġust bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji għal ġenerazzjonijiet lli jmiss. Impjegati fis-settur privat li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu, issa għandhom l-għażla li jiddifferixxu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom. Meta jagħmlu hekk, jiksbu żidiet perċentwali annwali fir-rata tal-pensjoni tagħhom, li jiddependi fuq kemm jibqgħu fl-impjieg (massimu ta’ 23% jekk il-pensjoni hija differita għal 4 snin). Fl-2019 l-inċentiv ġie estiż ukoll għall-impjegati fis-settur pubbliku.

F’termini ta’ adegwatezza, diversi miżuri twettqu biex jiżdiedu l-pensjonijiet u fl-istess waqt jitjib il-livell ta’ għajxien tal-anzjani u jitnaqqas ir-riskju ta’ faqar.

Miżuri biex jingħalaq id-divarju fil-pensjoniiet 

Ir-riforma tal-2006 ħolqot divarju bejn pensjonanti li twieldu qabel l-1962 u dawk li twieldu wara. Filwaqt li ż-żidiet annwali fir-rati tal-pensjoni ta’ dawk li twieldu qabel kienu limitati biss għaż-żieda għall-ogħli tal-ħajja, għal dawk li twieldu wara l-1962 kellhom il-garanżija li l-pensjoni tagħhom tiżdied b’rata perċentwali kkalkulata skont mekkaniżmu li jieħu nkonsiderazzjoni 70 fil-mija taż-żieda fil-pagi u 30 fil-mija fuq iż-żieda fl-inflazzjoni.

Din l-anomalija ġiet indirizzata fl-2024 billi l-istess żieda bdiet tingħata lill-pensjonanti kollha, twieldu meta twieldu,  skont iż-żieda perċentwali li toħrog mill-mekkanizmu.

L-istess riforma wkoll ħolqot divarju bejn iż-żewġ gruppi ta’ pensjonanti fid-Dħul Pensjonabbli Massimu, tant li sal-2023 id-differenza telgħet għal €6,407. Bil-għan li titnaqqas id-differenza fl-2024 beda proċess gradwali fuq medda ta’ snin sabiex dawk il-pensjonanti li twieldu qabel l-1962 u lis-salarju kurrenti tagħhom li kieku għadhom jaħdmu jaqbeż id-Dħul Pensjonabbli Massimu tagħhom jingħataw żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom li dvarja skont is-salarju.

Titjib fil-Pensjonijiet

  • Mill-2018 il-pensjonijiet żdiedu kull sena, kemm għall-pensjonanti kontributorji kif ukoll dawk mhux kontributorji, kif jidher f’din it-tabella.
Year Żieda fil-ġimgħa fil-Pensjoni Żieda fil-ġimgħa fl-Allowance għall-Għoli tal-Ħajja Żieda fil-ġimgħa
2018 2.00 1.75 3.75
2019 2.17 2.33 4.50
2020 3.51 3.49 7.00
2021 3.25 1.75 5.00
2022 3.25 1.75 5.00
2023 2.60 9.90 12.50
2024 2.19 12.81 15.00

Mill-2024 ħaddiema li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu meta jilħqu l-eta’ tal-irtirar bdew igawdu minn titjib fiż-żieda addizzjonali li jkollhom fil-pensjoni għal kull sena li  jibqgħu jaħdmu.  Iż-żidiet perċentwali huwa kif jidher f’din it-tabella:

Differiment b’  Rati ġodda
Sena żieda minn 1.5% għal 6.5%
Sentejn żieda minn 3% għal 13.5%
Tliet snin żieda minn 4.5% għal 21%
Erba’ snin żieda minn 6% għal 29%

     

    • L-eżenzjoni mit-taxxa fuq dħul mill-pensjoni għal persuni ta’ 61 sena u akbar fl-2024 tela’ għal 60 fil-mija. Din Ir-rata  ser tkompli tiżdid sakemm id-dħul kollu jibda jiġi eżentat mill-2026 ‘l quddiem.
    • Mill-2024 din l-eżenzjoni bdiet tapplika wkoll għal romol li jkunu għadhom ma għaqux il-61 sena.
    • L-eżenzjoni mit-taxxa fuq dħul mill-pensjoni għal persuni ta’ 61 sena u akbar fl-2024 tela’ għal 60 fil-mija. Din Ir-rata  ser tkompli tiżdid sakemm id-dħul kollu jibda jiġi eżentat mill-2026 ‘l quddiem.
    • Id-dħul mill-pensjoni tal-pensjonanti li jaħdmu huwa eżentat mit-taxxa sa massimu ta’ 40% fl-2023. Ir-rati ta’ eżenzjoni se jkomplu jiżdiedu gradwalment sakemm sal-2026 id-dħul kollu tal-pensjoni tagħhom ikun ħieles mit-taxxa.
    • Fl-2016 daħlet fis-seħħ il-Pensjoni Minima Garantita biex tipprovdi livell minimu ta’ dħul mill-pensjoni relatat mal-livell ta’ riskju ta’ faqar. Il-pensjoni titla’ kull sena bl-istess rata’ b’żidiet mogħtija għall-għoli tal-ħajja u fil-pensjonijiet.
    • Ġenituri huma intitolati għal Krediti tat-Tfal biex jikkumpensaw għal perjodi li jkollhom jieqfu mix-xogħol biex irabbu u jieħdu ħsieb lil uliedhom. Din il-miżura tgħin lil dawn il-ġenituri li jkollhom pensjoni aħjar meta jaslu biex jirtiraw.Fl-2016 daħal ukoll għall-ewwel darba l-kunċett tal-krediti tal-bolla għal perjodi ta’ bla mpjieg għal min ikun baqa’ jistudja u jispeċjaliżża u għal min ikompli bit-taħrig f’korsijiet fit-tul ta’ life long learning.  Il-krediti mogħtija jkunu relatati mal-livell miksub fl-istudju.
    • Romol li jikkwalifikaw għal pensjoni kontributorja huma intitolati għal pensjoni l-aktar ogħla bejn il-pensjoni tagħhom stess u l-pensjoni tal-konjuġi mejjet tagħhom.
    • Fid-dawl tat-tneħħija ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ ġeneru fl-2017 saret revizjoni fil-pensjonijiet tan-nisa. Bħala riżultat ta’ din ir-reviżjoni il-pensjonanti nisa ġawdew minn  żieda fil-pensjoni tagħhom.
    • Meta jilħqu l-età pensjonabbli persuni b’diżabilità huma intitolati għal pensjoni ekwivalenti għall-Pensjoni tal-Irtirar Mhux Kontributorja.
    • Persuni li twieldu bejn l-1950 u l-1956 f’impjieg u jkollhom xi Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali neqsin, ngħataw l-opportunità li jħallsu għal massimu ta’ ħames snin mill-kontribuzzjonijiet neqsin tagħhom biex jikkwalifikaw għal pensjoni.
    • Persuni mwielda qabel l-1962 u li kienu f’impjieg qabel ma laħqu dsatax-il (19) sena saru eliġibbli għal pensjoni minima tal-irtirar jekk irnexxielhom jilħqu l-medja tal-kontribuzzjoni minima permezz tal-approvazzjoni tal-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa waqt li kienu jaħdmu qabel dsatax-il (19) sena.
    • Pensjonanti tas-servizz jibbenefikaw kull sena minn dħul ogħla bħala riżultat tal-għoti ta’ eżenzjoni ta’ mitejn ewro (€200) fil-pensjoni tas-servizz tagħhom.
    • La darba jilħqu l-età ta’ tnejn u sebgħin (72) sena, il-pensjonanti tas-servizz mill-2022 saru eliġibbli għal tnaqqis sħiħ tal-parti ikkommutata tal-pensjoni tas-servizz tagħhom għall-fini tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom.
    • Fl-2024 sar titjib ieħor fil-qafas tal-pensjoni tas-servizz bl-introduzzjoni ta’ konċessjoni favur uffiċjali pubbliċi li jkunu ġew boarded-out u ħarġu bil-pensjoni tas-servizz kmieni minħabba mard. Fil-każ tagħhom l-aġġustament tal-parti tal-pensjoni kkomutata isir wara 12-il sena minn meta jkun bdew jieħdu l-pensjoni tas-servizz u mhux meta jagħlqu 72 sena.
    • Eks uffiċjali fil-forzi dixxiplinati li jkun għadhom ma laħqux l-eta’ tal-irtirar u li ma jaħdmx u lanqas ħadu pensjoni tas-sigurta’ soċjali mill-2024 saru intitolati għal pagament ta’ bonus addizzjonali ekwivalenti għaż-żieda sħiha tal-ogħli tal-ħajja. Dan il-bonus jibqa’ jakkumula kull sena biż-żieda tal-ogħli tal-ħajja sakemm il-persuna jew tibda taħdem inkella tibda tieħu xi pensjoni jew benefiċċju tas-sigurta’ soċjali. Fl-istess ħin il-persuna tibqa’ titħallas anke meta jiġri dan bir-rata kif tkun akkumulat sa dakinhar.
    • Membri tal-forzi dixxiplinati li jagħzlu li jibqgħu fis-servizz għal aktar minn 29 sena jistgħu jibbenefikaw minn żieda sa’ massimu ta’ 23 fil-mija fil-pensjoni tagħhom.
    • Fl-2020 daħlet miżura li tolqot persuni li kien fil-forzi dixxiplinati u meta rtiraw mis-servizz jsibu mpjieg ieħor. Bit-tibdil li sar meta dawn il-persuni jilħqu l-età tal-irtirar u ssir l-evalwazzjoni tal-pensjoni kontributorja għall-irtirar, jekk ikun jaqblilhom bdew jitqiesu wkoll is-snin meta kienu fis-servizz qabel irtiraw. B’hekk jistgħu jgawdu minn rata ogħla ta’ pensjoni kontributorja għall-irtirar.
    • B’seħħ mill-2022 beda jsir aġġustament gradwali fil-pensjoni tar-romol sabiex finalment din tkun l-istess bħal tal-konjuġi tagħhom meta jiġu nieqsa.
    • Inbeda proċess fl-2022 biex isir aġġustament gradwali tar-rati tal-bonus għall-għoli tal-ħajja lill-pensjonanti kollha li rtiraw wara l-2008. Fi tmiem dan il-proċess ir-rata tal-bonus tibda titħallas l-istess għal kulħadd.
    • Kontribuzzjonijiet imħallsa minn pensjonanti li komplew jaħdmu wara li laħqu l-età tal-pensjoni jitqiesu fil-kalkolu tal-pensjoni tagħhom mill-età ta’ 65 sena.
    • Fl-2019 l-applikabbiltà tal-valutazzjoni tal-pensjoni għall-impjegati li bbenefikaw minn skemi ta’ rtirar kmieni, ġiet estiża għal impjegati li għażlu skemi bħal dawn qabel Jannar 2008. Qabel l-intitolament kien ristrett għall-impjegati li ħadu l-irtirar kmieni wara Jannar 2008.
    • Ingħatat konċessjoni fl-2019 lil persuni li ħadmu fil-Libja wara Jannar 1990, u li ġew affettwati ħażin minn bidliet fil-ftehim bilaterali tas-sigurtà soċjali bejn Malta u l-Libja. Dawn il-persuni ingħataw l-għażla li jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom billi jipprovdu evidenza dokumentata ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fil-Libja jew billi jħallsu sa 10 snin ta’ kontribuzzjonijiet neqsin f’Malta.
    • Ħaddiema part-time b’aktar minn impjieg wieħed fl-2022 ingħataw l-opportunita’ li jħallsu l-bolla tas-sigurta’ fuq aktar minn xogħol part-time wieħed sa massimu ta’ 40 siegħa fil-ġimgha. Dan sar bil-għan li meta jaslu biex jirtiraw dawn it-tip ta’ ħaddiema jkollhom pensjoni aħjar.

    Pagament ta’ COLA addizzjonali

    Fl-isfond ta’ żieda fl-inflazzjoni l-Gvern fl-2023 vara mekkaniżmu sabiex titħallas COLA addizzjonali biex jgħin familji bi dħul taħt il-medja nazzjonali  jilqgħu aktar għall-ogħli fil-prezzijiet.

    L-ammont tal-pagament li jitħallas jiddependi minn żewġ fatturi:  li d-dħul tal-familja ma jaqbizx id-dħul medjan nazzjonali ekwavilizzat u l-għadd ta’ membri fil-familja.  Aktar ma d-dħul tal-familja jkun baxx aktar għoli jkun il-pagament.  Fl-2024 il-ħlas, li mhux taxxabli, jvarja bejn €100 u €1,500.

    Stima li saret wara l-introduzzjoni tal-allowance wera li kien hemm tnaqqis ta’ 0.4 fil-mija fl-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar.

      Miżuri biex Jinċentivaw ix-Xogħol

      Bil-għan li aktar benefiċċjarji soċjali u nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol fl-2014 u l-2015 ġew varati żewg skemi – dak tal-In-Work Benfit u dak tat-Tapering. .

      Iż-żewġ skemi għenu sew biex persuni, l-aktar ġenituri waħedhom li jirċievu l-Għajnuna Soċjali, mhux biss biex isibu impjieg, iżda wkoll biex jibqgħu jaħdmu.  Flimkien mas-servizz b’xejn għall-Ħarsien tat-Tfal, ikkontribwew biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u biex tonqos b’mod qawwi d-dipendenza fuq l-assistenza soċjali.

      L-iskema tal-In-Work Benefit taħseb biex ittejjeb id-dħul ta’ familji bi dħul baxx jew medju u tapplika għal koppji miżżewġa, fejn iż-żewġ ġenituri jew wieħed jew waħda minnhom jaħdmu, kif ukoll għal ġenituri waħedhom li jaħdmu u għandhom tfal taħt it-23 sena.

      Ir-rati tal-benefiċċju huma kkalkulati skont id-dħul nett mill-impjieg.   Kemm ir-rati kif ukoll il-limiti tad-dħul żdiedu diversi drabi minn meta daħlet fis-seħħ l-iskema fl-2015.

      L-aħħar ċaqlieq sar fl-2022:

      • Għall-koppji, fejn it-tnejn jaħdmu, it-threshold tela’ minn €35,000 għal €50,000
      • Għal genituri waħidhom li jaħdmu, it-threshold tela’ minn €23,000 għal €35,000.
      • Għall-koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem it-threshold tela’ minn €26,000 għal €35,000.

      Ir-rati fit-thresholds il-ġodda huma ta’ €200 fis-sena għal kull wild; filwaqt li r-rati kollha eżistenti żdidu b’€100. Fl-2024 ir-rati kollha komplew jiżdiedu b’€50 oħra.

      Bħala parti minn din l-iskema fl-2022 tnediet għotja ta’ €150 fis-sena għall-ħaddiema b’paga bażika li ma taqbiżx l-€20,000 u jaħdmu fil-għaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa u bix-xift fis-settur privat.

      L-iskema tat-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji tfasslet biex  benefiċjari soċjali jinfatmu mid-dipendenza fuq l-għajnuna soċjali u jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Minbarra li jtejbu l-għijxien tagħhom u tal-familji tagħhom huma jibdew jaħsbu għall-ġejjieni biex permezz tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurta’ soċjali jserrħu rashom li meta jirtiraw ikollhom pensjoni xierqa.

      L-iskema, taħseb biex persuna tibqa tirċievi parti mill-benefiċċji li tkun intitolata għalihom meta tibda taħdem.  Sal-2022, fl-ewwel sena f’impjieg kienet intitolata li żżomm 65% tal-benefiċċju, u 45% u 25% fis-sentejn ta’ wara. Matul l-istess perjodu, min iħaddem jitħallas 25% tal-benefiċċju.

      Fl-2023 dan l-inċentiv tjieb bil-benefiċjarji jirċievu 10% aktar fir-rati.  B’hekk fl-ewwel sena tax-xogħol dak li jkun jibqa’ jirċievi 75% tal-benefiċċju, fit-tieni sena 55% u fit-tielet sena 35%.

      Persuni b’diżabilità

      • Persuni b’diżabilità sabuha aktar faċli biex isibu impjieg. L-impjieg tagħhom kien iffaċilitat permezz ta’ inċentivi fiskali offruti lil min iħaddem u permezz tal-infurzar ta’ liġi li għadiet fl-1969 biex tirriserva 2% tal-ħaddiema ta’ kumpaniji b’aktar minn 20 impjegat għal persuni b’diżabilità.
      • Fl-istess ħin, persuni b’diżabilità fl-impjieg u li jaqilgħu aktar mill-paga minima ngħataw id-dritt li jżommu l-Pensjoni tad-Diżabilità tagħhom.
      • Għal dawk il-persuni li minħabba d-diżabilita’ severa tagħhom bl-ebda mod ma jistgħu jaħdmu saru eliġibbli għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilita’ Severa. Dan sar bis-saħħa ta’ riforma varata fl-2017 fl-assistenza għad-diżabilita’. Dawn il-persuni jirċievu l-ogħla rata ta’ assistenza għal diżabilita’ li gradwalment fuq medda ta’ tlett snin telgħet sakemm fl-2020 laħqet l-istess livell ta’  Paga Minima Nazzjonali netta.
      • L-istess riforma tat id-dritt għal Assistenza għal Diżabilita’ lill-persuni neqsin minn driegħ jew riġel.
      • Minbarra l-Indiċi Barthel, li japplika għal persuni bi problemi ta’ mobilità, fl-2019 ġiet introdotta Evalwazzjoni tal-Klassifikazzjoni tal-Indeboliment biex jitwessgħu l-parametri tal-eliġibilità għal forom oħra ta’ diżabilità severa.
      • Il-kriterji ta’ eliġibilità biex tikkwalifika għall-Għajnuna għad-Diżabilità twessgħu fl-2020 biex iħaddnu persuni li huma  neqsin mis-smiegħ jew li ma jitkellmux. Applikant  medicament ċċertifikat  li jkun nieqes mis-smiegħ jew ma jitkellemx sa grad ta ‘mhux inqas minn 70 decibel, u li jikkwalifika għall-Allowance tat-Tfal b’Diżabilità, jsir eliġibbli  għall-Għajnuna għad-Diżabilità meta jilħaq 16-il sena.
      • Fis-sena ta’ wara l-persuni ċċertifikati li qed isofru minn diżabbiltà severa u indeboliment intellettwali saru eliġibbli għall-Allowance Żieda għal Diżabbiltà Severa jekk ma setgħux jiġu impjegati bi qliegħ.
      • Il-kriterji tat-test tal-mezzi biex tikkwalifika għall-assistenza kollha tad-diżabilità tneħħew fl-2022.
      • L-Għotja għal Carer, ġiet introdotta fl-2021 għall-ġenituri li jkollhom jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb wild b’diżabilità severa ta’ fl-eta’ ta’ aktar minn sitttax-il (16) sena. L-għotja kienet oriġinarjament stabbilita għal €300 fis-sena u żdiedet għal €500 fl-2022. Mill-2023 l-għotja hija marbuta man-nofs tal-Paga Minima Nazzjonali netta annwali.  Biż-żieda fir-rata fl-2024 l-għotja kważi laħqet €5,000.

      Anzjani

      • Fl-2012 bdiet tingħata għotja annwali lil persuni anzjani li jibqgħu jgħixu f’darhom jew mal-qraba tagħhom. Għall-ewwel l-għotja kienet titħallas lil persuni fl-eta’ ta’ 80 sena u aktar. Fis-snin ta’ wara, l-età biex persuna tikkwalifika tnaqqset għal 75 Fl-2020 l-għotja żdidt b’ €50 għal €350 għal persuni fl-eta’ 80 sena u aktar.  u bdiet tingħata wkoll lil persuni anzjani li minn buthom iħallsu biex jgħixu fi djar residenżjali.  Fl-2022 l-għotja żdidt mill-ġdid għal €400 u bdiet tingħata woll lil persuni anzjani li minn buthom iħallsu biex jgħixu fi djar residenzjali. Fl-2024 l-għotja ta’ persuni fl-eta’ ta’ 80 sena u akbar żdidt għal €450.
      • Għal persuni anzjani, speċjalment nisa rtirati, li fl-imgħoddi għamlu xi snin jaħdmu iżda ma kellhomx bolol biżżejjed biex jikkwalifikaw għall-pensjoni kontributorja kull sena jirċievu bonus skont l-għadd ta’ bolol tas-sigurta’ soċjali li laħqu ħallsu. Meta ġie introdott fl-2015 il-bonus kien ta’ €200 għal min ħallas aktar minn ħames snin bolol u €100 għal dawk b’ kontribuzzjonijiet ta’ aktar minn sena iżda anqas minn hames snin.  Tul is-snin l-ammont tal-bonus tjieb u matul l-2024 il-benefiċjarji qed jirċievu ħlas ta’ €500 jew €600.
      • Tniedet riforma li sabiex il-Pensjoni tal-Wens u l-Għajnuna Soċjali għal Carers jingħaqdu f’qafas wieħed bil-għan li tgħin aktar nies li jieħdu ħsieb anzjani u fl-istess ħin aktar anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fi djarhom u fil-komunita’. Il-Pensjoni saret magħrufa bħala Allowance Miżjuda għal Carer u titħallas lil dawk  il-carers, inklużi l-konjuġi, li jieħdu ħsieb persuni b’livell għoli ta’ dipendenza.  Benefiċċju ieħor, bl-isem ta’ Allowance għal Carer, tfassal  għal dawk li jieħdu ħsieb persuni b’livell medju ta’ dipendenza. Fiż-żewġ każi, ir-rati pagabbli tjiebu sew u tneħħa l-ħtieġa tat-test tal-mezzi. Jekk benefiċjarju miżżewweġ ta’ din l-allowance jitlef id-dritt għal xi benefiċċju soċjali ieħor membri oħra tal-familja jitħallsu allowance addizzjonali fil-ġimgħa. (2017-2018)
      • Fl-2019 tjiebu l-kriterji sabiex applikanti għaż-żewġ allowances jkunu eżentati mit-test tal-meżżi. Persuni miżżewwġa li jgħixu fl-istess dar ma’ persuna anzjana ngħataw id-dritt li huma wkoll jirċievu l-Allowance għal Carer sakemm jilħqu l-eta’ tal-irtirar.
      • Il-kriterji ta’ eliġibbilita għaż-żewg allowances twessgħu fl-2021 biex tingħata opportunita lill-persuni rtirati jikkwalifikaw għal dawn il-benefiċċji, sakemm perjodikament jiġu eżaminati biex ikun aċċertat li jkunu jifilħu fiżikament u mentalment biex jagħtu din il-kura. Il-konjuġi, iżda, xorta waħda baqgħu esklużi.
      • Il-liġi dwar is-Sigurta’ Soċjali qed tiġi emendata fl-2023 biex tirrikonoxxi koppji f’unjoni ċivili jew koabitazzjoni u b’hekk jkunu jistgħu jikkwalifikaw għall-Allowance għal Carer jew l-Allowance Miżjuda għal.
      • Mill-2023 persuni li għal xi żmien waqfu mix-xogħol biex jikkuraw ġenituri f’darhom jistgħu jgawdu minn krediti sa erba’ (4) snin kontribuzzjonijiet tas-sigurta’ soċjali. Barra minn hekk, lil min ikun qed jieħu xi waħda mill-allowances għal carers ingħataw l-opportunità li jekk ikollhom bżonn, iħallsu sa ħames (5) snin kontribuzzjonijiet neqsin meta jagħlqu d-disgħa u ħamsin (59) sena sabiex itejbu d-dritt tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom meta jilħqu l-eta’ tal-irtirar.
      • Anzjani li jagħżlu li jibqgħu jgħixu f’darhom u jimpjegaw persuna, full-time jew part-time, biex tieħu ħsiebhom jingħataw sussidju, magħruf bħala Carer at Home, biex jgħinhom ilaħħqu mal-ispejjeż. Ir-rata massima ta’ dan is-sussidju, li tnieda fl-2017, fl-2024 laħaq ir-rata ta’ €8,000 fis-sena.
      • Anzjani wkoll għandhom l-opportunita’ li jqabbdu persuna tal-għażla tagħhom għal numru ta’ sigħat fil-ġimgħa biex tgħinhom fix-xogħol tad-dar u tagħmilhom xi qadi meħtieġ. Ir-rata ssussidjata stabbilita’ fl-2022 ħija ta’ €7 fis-siegħa.
      • Koppji miżżewġin u persuni waħedhom, inklużi pensjonanti bi dħul baxx, huma ntitolati għall-Assistenza Supplimentari li permezz ta’ diversi aġġustamenti fl-iskema mill-2017 tjiebu r-rati mħallsa kif ukoll twessgħa il-limitu tad-dħul biex persuni miżżewġin jikkwalifikaw għall-benefiċċju. Fl-2021 u għal darb’ohra fl-2022 żdiedu r-rati skont id-dħul u l-istat konjugali tal-benefiċċjarji.  Barra minn hekk is-suppliment addizzjonali beda jitħallas bla distinzjoni lil kull persuna ta’ 65 sena u aktar li tikkwalifa għal din l-għajnuna
      • Persuni fl-eta’ ta’ tmenin (80) sena u aktar li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari mill-2022 saru awtomatikament eliġibbli, mingħajr il-ħtieġa ta’ test tal-mezzi, għall-għajnuna medika (Karta Roża) bla ħlas.

      Romol

      • Ir-Romol li jaħdmu u li jirċievu pensjoni kontributorja fl-2018, ingħataw id-dritt li jibbenefikaw mill-Benefiċċji għal Mard.
      • Pensjonanti romol bi tfal taħt it-18-il sena fl-2020 saru eliġibbli għal rata miżjuda ta’ allowance għal kull wild, irrispettivament minn jekk humiex f’impjieg jew le. L-allowance fil-ġimgħa żdiedet b’€5.46 għal €10.
      • L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali emendat fl-2021 biex jaġġorna l-interpretazzjoni ta’ armla biex jivvalida d-dritt tal-konjuġi ħajjin f’unjoni ċivili jew koabitazzjoni li jiġi rikonoxxut bħala armla/armla, jekk ikun ippruvat li l-unjoni ċivili jew il-koabitazzjoni ma setatx tkun kuntrattata u reġistrata minħabba li wieħed mill-partijiet miet bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2020.

      Familji bit-tfal

      • Ir-rata tal-Benefiċċju tal-Maternità żdiedet għal l-istess livell tal-Paga Minima Nazzjonali għan-nisa li jaħdmu għal Id-dritt għall-Leave tal-Maternità ġie estiż b’ġimgħatejn oħra għal 18-il ġimgħa. (2013)
      • Ġenituri adottivi huma eliġibbli għall-Benefiċċju tal-Leave fuq l-istess linji tal-Leave għall-Maternità. (2015)
      • Għotja ta’ €10,000 daħlet fis-seħħ fl-2018 sabiex tgħin ġenituri li jadottaw jkunu jistgħu jlaħħqu mal-ispejjeż tal-adozzjoni ta’ tfal minn barra l-pajjiż. Koppji li jaddottaw tfal lokalment saru eliġibbli wkoll fl-2021 għal din l-għotja, iżda l-massimu li jitħallas fis-sena huwa ta’ €1,000.
      • Fl-2020 beda jingħata għall-ewwel darba bonus ta’ €300 għal kull twelid jew adozzjoni biex tgħin familji fiż-żieda fl-ispejjeż li jkollhom. Fl-2022 laħaq €400 u fl-2024 kompla jiżdied għal €500, filwaqt li l-bonus li jitħallas għat-tieni wild ġdid jew aktar fil-familja tela’ għal €1,000.
      • Ir-rata minima annwali tal-Allowance għat-Tfal żdiedet minn €350 għal €450 għal kull wild. Fl-istess waqt, kapijiet tal-familja li għandhom paga minima saru eliġibbli għall-ogħla rata ta’ Allowance tat-Tfal. (2013)
      • Fl-2019 żdiedu r-rati tal-Allowance tat-Tfal li jitħallsu lil familji bi dħul baxx, bl-ogħla rata pagabbli titla’ b’€96 għal €1,252. Dan kien l-ewwel ċaqliq f’dawn ir-rati mill-2008.
      • Mal-ħlas tal-Allowances tat-Tfal fl-2021 daħal kunċett ġdid taħt is-sura ta’ suppliment addizzjonali għal kull wild biex familji jkunu megħjuna jlaħħqu aktar mal-ispejjeż tat-trobbija. Is-suppliment kien ta’ €50 jew €70 għal kull wild skont id-dħul tal-familja. Fl-2023 is-suppliment żdied b’€90 għal €140 u €160 għal kull wild u fl-2024 kompla jikber b’€250 għal €390 u €410 għal kull wild. Din kienet l-akbar żieda f’dan il-benefiċċju minn meta ġie introdott ħamsin sena ilu.
      • Mill-2024 daħal fis-seħħ benefiċċju ġdid għal ġenituri ta’ tfal ta’ bejn 16 u 18-il sena li jkunu f’edukazzjoni post-sekondarja u jgħixu mal-familja. Dan il-benefiċċju jlaħħaq €500 fis-sena għal tlett snin.
      • Fl-2020 beda jingħata għall-ewwel darba bonus ta’ €300 għal kull twelid jew adozzjoni biex tgħin familji fiż-żieda fl-ispejjeż li jkollhom. Fl-2022 l-allowance saret €400.
      • Ġenituri li minħabba mard rari li jolqot lill-uliedhom ikollhom jieqfu mix-xogħol biex iduru b’uliedhom mill-2020 bdew jikkwalifikaw għal kontribuzzjonijiet akkreditati tas-sigurtà soċjali biex il-perjodu ta’ waqfien mix-xogħol ma jaffettwax ħazin ir-rekord tal-kontribuzzjonijiet. B’hekk meta jilħqu l-età tal-pensjoni jkunu eliġibbli għal pensjoni li ma tkunx imnaqsa.
      • L-Allowance għal Tfal fil-Foster Care kompliet żdiedet fl-2010, fl-2018 u fl-2021.   Il-ġenituri li jiffosterjaw issa huma eliġibbli għal allowance annwali ta’ €5,720 għal kull wild fil-kura tagħhom.
      • Fl-2023 daħlet sistema li biha dawk il-ġenturi li jaddottaw il-wild li jkunu qegħdin jiffosterjaw lokalment jibqghu jirċievu parti mill-Allowance għal Tfal fil-Kura. Fejn qabel din l-allowance kienet tieqaf immedjatament mal-adozzjoni, din l-allowance tonqos gradwalment fuq perjodu ta’ 4 snin jew sakemm il-wild jagħlaq 21 sena skont liema tiġi l-ewwel.  Fl-ewwel sena tal-adozzjoni l-ħlas ikun ta’ 80% tal-allowance, fit-tieni sena 60%, fit-tielet sena 40% u fir-raba’ sena 20%.
      • L-Allowance ta’ Ltim fl-2018 ġiet estiża għal ltiema li jaħdmu.
      • L-Allowance għat-Tfal b’Diżabilità li titħallas lill-ġenituri ta’ tfal li jbatu minn xi forma ta’ diżabilità fiżika jew mentali żdiedet fl-2014 minn €16.31 sa €20 fil-ġimgħa. L-allowance fil-ġimgħa kompla żdied għal €25 fl-2019 u €30 fl-2022.
      • Ġenituri waħedhom jingħataw l-opportunità li fl-istess ħin jibbenefikaw mill-ħlas ta’ Assistenza Soċjali u stipendju meta jibdew studji sekondarji. L-ammont pagabbli ta’ għajnuna soċjali u l-istipendju madankollu ma jistgħux jaqbżu l-paga minima nazzjonali. Fl-2019 din il-konċessjoni ġiet estiża għal benefiċjarji tal-assistenza soċjali ta’ aktar minn 23 sena li jiddeċiedu li jibdew studji fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) jew l-Università ta’ Malta.

      Miżuri Oħra

      • B’effett mill-2024 bdew jitħallsu rati ogħla fil-Benefiċċju tal-Qgħad li jitħallas lil persuni li jitilfu l-impjieg tagħhom sakemm isibu impjieg ieħor. Ir-rati l-ġodda huma aktar relatati mas-salarji jew il-qliegħ li persuna jkollha qabel tilfet l-impjieg tagħha. L-inqas rata tal-benefiċċju tinħadem fuq il-Paga Minima Nazzjonali filwaqt li l-ogħla rata tinħadem fuq 175% tal-Paga Minima Nazzjonali.
      • L-Allowance għad-Dipendenti mid-Droga żdiedet fl-2016, 2018 u l-2024 biex tgħin lil persuni affettwati li jsegwu programm ta’ riabilitazzjoni għall-abbuż mid-droga jew mill-alkoħol. Ir-rata preżenti hija ta’ €50 fil-ġimgħa.
      • Fl-2019 persuni li jaħdmu għal rashom ingħataw id-dritt storiku li jirċievu Benefiċċji tal-Qgħad jekk jieqfu mill-attività tagħhom u jibdew jirreġistraw għax-xogħol, b’hekk tqigħdhom fuq l-istess livell bħal persuni impjegati.
      • Il-mekkaniżmu tat-test tal-mezzi rriformat biex jinħoloq limitu wieħed għall-Għajnuna mhux Kontributorja kollha, inkluż l-Karta Roża. (2017)
      • Id-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fir-rati tal-benefiċċji mħallsa skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali tneħħiet fl-2016.
      • L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jipprovdi għall-ħlas ta’ Assistenza Medika sakemm il-kap tal-familjja jkun suġġett għal test tal-mezzi. Emenda fil-leġiżlazzjoni fl-2019 tat rikonoxximent bħala kap tal-familja lil ulied li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom u li qed jirċevu l-Allowance Miżjuda għal Carer jew l-Allowance għal Carer jekk applikaw għal Assistenza Medika.
      • Fl-istess sena, koppji miżżewġin li jbatu minn mard kroniku u li jirċievu l-Assistenza Medika mhux kontributorja saru eliġibbli għal żieda ta’ €5.14 fil-ġimgħa.
      • Fl-2019 ukoll, il-persuni kollha b’diżordni bipolari, depressjoni bil-psikożi u mard terminali ingħataw id-dritt għall-Assistenza Medika jekk jissodisfaw il-kriterji tat-test tal-mezzi.
      • Fl-2020 il-kundizzjonijiet tal-Fibromyalgia u ME bdew jiffurmaw parti mill-lista ta’ kundizzjonijiet tal-Għajnuna għal Mard mhux kontributorja. B’hekk dawk li minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jistgħhux jaħdmu, jekk jissodisfaw it-test tal-mezzi u l-kriterji mediċi ta’ eligibiltà jsiru ntitolati għall-għajnuna medika
      • Sar tibdil ieħor fl-2020 fil-ħlas tal-Benefiċċju Kontributorju għall-Mard biex jiġu mgħejjuna persuni li jkunu taħt kura medika f’intervalli regolari bħal fil-każ tat-trattament tal-kanċer. Dawn il-persuni saru ntitolati għal ħlas tal-benefiċċju mill-ewwel ġurnata, mit-tieni talba ‘l quddiem, u mhux mir-raba’ ġurnata kif iseħħ f’każijiet oħra ta’ mard
      • Pensjonanti bdiżabbiltà fl-2022 bdew jikkwalifikaw b’mod sħiħ għal benefiċċji ta’ korriment, mard jew qgħad mingħajr ma jkollhom tnaqqis fil-pensjoni tagħhom.
      • Persuni li jirċievu l-assistenzi soċjali mill-2022 bdew għall-ewwel darba jieħdu ż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja, minflok żewġ terż taż-żieda.

        Il-Logo tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali

        Il-logo għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ġie żvelat fis-30 ta’ Mejju 2016 biex jikkommemora is-60 anniversarju tas-sigurtà soċjali f’Malta.

        Site Logo

        Il-logo ddisinjat minn Andreas Azzopardi huwa ispirat mix-xewqa li t-tfal jiġu l-ewwel, u għall-ugwaljanza bejn l-adulti.

        Il-logo għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali preċedenti.