Għotja lil Persuni li ma jikkwalifikawx għall-Pensjoni Kontributorja

Ħarsa ġenerali

L-Għotja titħallas lil dik il-persuna reġistrata taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) iżda m’għandhiex Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali biżżejjed sabiex tikkwalifika għall-Pensjoni Kontributorja.

X’se tingħata

Il-ħlas ta’ din l-Għotja huwa bbażat fuq in-numru ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali imħallsa mill-persuna rreġistrata skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.).

  • €400 tingħata lil persuna li ħallset bejn 50 u 259 kontribuzzjoni
  • €500 tingħata lil persuna li ħallset 260 kontribuzzjoni jew aktar

L-Għotja titħallas darba fis-sena. Jekk il-persuna twieldet wara l-1 ta’ Jannar fis-sena li tikkwalifika, isir ħlas pro-rata għal dik is-sena.

L-Għotja tibqa’ titħallas anke lil persuni ta’ aktar minn 75 sena.

Eliġibbiltà

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

  • Jekk il-persuna twieldet:
    • Bejn l-1952 u l-1955, l-għotja titħallas ta’ 62 sena
    • Bejn l-1956 u l-1958, l-għotja titħallas ta’ 63 sena
    • Bejn l-1959 u l-1961, l-għotja titħallas ta’ 64 sena
    • Fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara, l-għotja titħallas ta’ 65 sena
  • Persuna li tkun ħallset aktar minn 50 Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, iżda m’għandhiex kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali biżżejjed sabiex tikkwalifika għall-Pensjoni Kontributorja
  • Persuna trid tkun residenti Malta jew f’pajjiż fl-Unjoni Ewropea

Dokumentazzjoni meħtieġa

Dokumentazzjoni ġenerali:

  • Żgura li d-dettalji bankarji tiegħek miżmuma mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huma aġġornati sabiex tirċievi ħlasijiet b’depożitu dirett f’bank. In-numru tal-IBAN għandu jkun kont lokali tat-tfaddil jew kurrenti u mhux kont ta’ self. Il-kont indikat għandu jkun f’isem l-benefiċjarju biss. Id-dettalji bankarji jistgħu jiġu aġġornati fuq mySocialSecurity

Kif tapplika

L-Għotja lil persuna li ma tikkwalifikax għall-Pensjoni Kontributorja tinħareġ awtomatikament. Dan isir jekk l-applikazzjoni għall-Pensjoni Kontributorja tiġi miċħuda mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fuq bażi, li min jagħmel it-talba ma jkollux l-ammont minimu ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali biex jikkwalifika għal Pensjoni Kontributorja. Madankollu, f’dawk il-każijiet fejn id-dipartiment ma jkollux dettalji dwar il-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali imħallsa minn persuna, allura trid tiġi sottomessa applikazzjoni.

Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.

Let us assist you
Help us improve our information
Report an obstacle
Your Europe
L-aħħar Aġġornament: 29/12/2021