Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Pensjoni tal-Irtirar

Ħarsa ġenerali

Għal informazzjoni dwar sitwazzjonijiet transkonfinali ikklikkja hawn.

X’ser jingħata

  • TTP – Pensjoni taż-Żewġ Terzi li hija bbażata fuq il-qligħ relatat skont il-medja tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali.
  • RP – Pensjoni ta’ l-Irtirar li hija bbażata fuq rati fissi u li titħallas lir-rikorrenti li jirċievu l-Pensjoni tas-Servizz.
  • NMP – Pensjoni Minima Nazzjonali li titħallas lil dawk il-persuni li jħallsu rata baxxa ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

Ir-rata massima ta’ pensjoni fil-ġimgħa għal-pensjonanti li bdew jirċievu l-pensjoni massima qabel l-2006, hija ogħla mir-rata massima ta’ pensjoni fil-ġimgħa għal-pensjonanti li bdew jirċievu l-pensjoni massima wara l-2006. Ir-raġuni hija li dawn il-pensjonanti li kienu jirċievu l-pensjoni qabel l-2006, u kienu ntitolati għal għotja ta’ darba, li dak iż-żmien ingħatat mar-rata tal-pensjoni, din iż-żieda issa qed tingħata fir-rata ta’ kull sena.

F’każ li tgħażel li tkompli bl-impieg tiegħek sa l-aħħar tas-sena, jista’ jirriżulta f’rata ta’ Pensjoni għall-Irtirar għola. Dan jista jseħħ fil-kaz li d-dħul pensjonabbli tiegħek  ma jilħaqx il-massimu u/jew f’kaz li l-medja ta’ kontribuzzjonijiet mhux sħiħa. Meta tintbagħat lilek in-notifika sabiex titlob il-Pensjoni għall-Irtirar, id-Dipartiment tas-Sigurta Socjali jinfurmak jekk ikunx ta’ beneficcju għalik jekk taħdem sal-aħħar tas-sena.

Tista’ tagħmel użu minn Kalkulatur online sabiex tagħmel stima tal-intitolament għall-Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar tiegħek.

Eliġibbiltà

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

Persuna tista’ tkun eliġibbli għal Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar, jekk il-kriterji li ġejjin ikunu sodisfatti.

  1. Jekk persuna mwielda:
    • Bejn l-1952 u l-1955, l-età tal-pensjoni hija ta’ tnejn u sittin (62) sena – għal persuni impjegati, il-pensjoni tkun ikkalkulata fuq l-aqwa tliet (3) snin konsekuttivi fl-aħħar ħdax-il (11) sena. Filwaqt li għal persuni li jaħdmu għalihom infushom (self-employed)/persuni li jimpjegaw lilhom infushom (self-occupied), il-pensjoni għandha tiġi kkalkulata fuq l-aqwa għaxar (10) snin kalendarji konsekuttivi fl-aħħar ħdax-il (11) sena.
    • Bejn l-1956 u l-1958, l-età tal-irtirar hija ta’ tlieta u sittin (63) sena – għal persuni impjegati, il-pensjoni tkun ikkalkulata fuq l-aqwa tliet (3) snin konsekuttivi fl-aħħar tnax-il (12) sena. Filwaqt li għal persuni li jaħdmu għalihom infushom (self-employed)/persuni li jimpjegaw lilhom infushom (self-occupied), il-pensjoni għandha tiġi kkalkulata fuq l-aqwa għaxar (10) snin kalendarji konsekuttivi fl-aħħar tnax-il (12) sena.
    • Bejn l-1959 u l-1961, l-età tal-irtirar hija ta’ erba’ u sittin (64) sena – għal persuni impjegati, il-pensjoni tkun ikkalkulata fuq l-aqwa tliet (3) snin konsekuttivi fl-aħħar tlettax-il (13) sena. Filwaqt li għal persuni li jaħdmu għalihom infushom (self-employed)/persuni li jimpjegaw lilhom infushom (self-occupied), il-pensjoni għandha tiġi kkalkulata fuq l-aqwa 10 snin kalendarji konsekuttivi fl-aħħar tlettax-il (13) sena.
    • Bejn l-1962 u l-1968, l-età tal-pensjoni hija ta’ ħamsa u sittin (65) sena – għal persuni impjegati, persuni li jaħdmu għalihom infushom (self-employed)/persuni li jimpjegaw lilhom infushom (self-occupied), il-pensjoni għandha tiġi kkalkulata fuq l-aqwa għaxar (10) snin kalendarji mill-erbgħin (40) sena sħaħ.
    • Bejn 1969 u 1975, l-età tal-pensjoni hija ta’ ħamsa u sittin (65) sena – għal persuni impjegati, persuni li jaħdmu għalihom infushom jew persuni li jimpjegaw lilhom infushom, il-pensjoni għandha tiġi kkalkulata fuq l-aqwa għaxar (10) snin kalendarji mill-wieħed u erbgħin (41) sena sħaħ.
    • Fl-1 ta’ Jannar 1976 jew wara, l-età tal-pensjoni hija ta’ ħamsa u sittin (65) sena – għal persuni impjegati, persuni li jaħdmu għalihom infushom jew li jimpjegaw lilhom infushom, il-pensjoni għandha tiġi kkalkulata fuq l-aqwa għaxar (10) snin kalendarji mit-tnejn u erbgħin (42) sena sħaħ.

Madankollu, persuna li tagħlaq bejn il-wieħed u sittin (61) u erbgħa u sittin (64) sena tista’ tagħżel li tirtira kmieni, sakemm ma jkollhiex xogħol bi qligħ u ħallset il-kontribuzzjonijiet stipulati bejn l-età ta’ tmintax-il (18) sena u d-data tal-irtirar kif ġej:

  • Ħamsa u tletin (35) sena, kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali imħallsa jew akkreditati għal persuna li twieldet fis-snin kalendarji 1952 sa 1961. In-numru totali ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali meħtieġa għal dan il-perjodu huwa ta’ elf u tmien mija u għoxrin (1820).
  • Erbgħin (40) sena, kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali imħallsa jew akkreditati għal persuna li twieldet fis-snin kalendarji 1962 sa 1968. In-numru totali ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali meħtieġa għal dan il-perjodu huwa ta’ elfejn u tmenin (2080).
  • Wieħed u erbgħin (41) sena, kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mħallsa jew akkreditati għal persuna li twieldet fis-snin kalendarji 1969 sa 1975, fejn ħamsa u tletin (35) sena mill-kontribuzzjonijiet totali jridu jkunu kuntribuzzjonijiet imħallsa. In-numru totali ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali meħtieġa għal dan il-perjodu huwa ta’ elfejn u mija u tnejn u tletin (2132).
  • Tnejn u erbgħin (42) sena, kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mħallsa jew akkreditati għal persuna li twieldet fis-sena kalendarja fl-1 ta’ Jannar 1976 jew wara, fejn ħamsa u tletin (35) sena mill-kontribuzzjonijiet totali jridu jkunu kuntribuzzjonijiet imħallsa. In-numru totali ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali meħtieġa għal dan il-perjodu huwa ta’ elfejn u mija u tnejn u tletin (2184).

Persuna li tagħżel li tirtira kmieni, iġifieri ta’ bejn wieħed u sittin (61) u erbgħa u sittin (64) sena, ma tistax tkun f’impjieg bi qligħ. Intant jista’ jerġa’ jkollha xogħol bi qligħ wara li tilħaq l-età tal-pensjoni tagħha kif indikat hawn fuq.

2. Il-persuna kienet impjegata jew taħdem għaliha nnifisha (self-employed) qabel l-irtirar jew l-età tal-pensjoni.

3. Fid-data tal-irtirar/l-età tal-pensjoni, il-persuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.

4. Il-Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar tingħata mill-ġurnata ta’ wara d-data tal-irtirar/l-età tal-pensjoni.

Dokumentazzjoni meħtieġa

 

Dokumentazzjoni ġenerali: 

  • FS3 għas-sena ta’ qabel l-irtirar iffirmata minn Min Iħaddem – eżempju: sena tal-irtirar 2024 – FS3 2023, f’każ jekk tkun impjegat/a.
  • Rendikont tal-Profit and Loss Account iffirmat minn Accountant u l-Irċevuti tal-Kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tas-sena qabel l-irtirar, f’każ jekk tkun taħdem għal rasek.
  • Jekk int Direttur jew għandek il-maġġoranza jew l-akbar numru ta’ ishma fil-kumpanija jew int relatat mal-familja ta’ Diretturi u/jew Shareholders oħra fil-kumpanija, trid tehmeż Memorandum tal-Assoċjazzjoni bid-dettalji.
  • Applikanti li jagħżlu li jirtiraw kmieni, iġifieri ta’ l-età bejn il-wieħed u sittin (61) sena u erbgħa u sittin sena, iridu jaraw li l-impjiegi kollha tagħhom mal-JobsPlus huma tterminati.
  • Jekk tirċievi pensjoni oħra, inkluża xi pensjoni minn barra, trid tiġi pprovduta kopja tad-dokument uffiċċjali fejn juri d-dħul oriġinali.
  • Dikjarazzjoni Bankarja li tindika d-detentur tal-kont, fejn juri li l-kont irid ikun f’isem il-benefiċjarju biss. Id-dettalji tal-Bank jistgħu ukoll jiġu aġġornati minn fuq mySocialSecurity.

Kif tapplika

Tliet (3) xhur qabel l-età uffiċjali tal-irtirar, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jibgħat ittra ta’ notifka lill-pensjonant prospettiv fejn jintalbu kwalunkwe dettalji għall-għoti tal-Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar.  Din l-ittra ta’ notifika trid tiġi ffirmata u mibgħuta lura lid-dipartment biex ikun jista’ jitkompla l-proċess biex jinħareġ il-pagament.  F’każ li l-persuna tagħżel li tirtira kmieni għall-pensjoni, trid tapplika hija nnifisha, għax l-ittra ta’ notifika ma tinħariġtx fil-każ li persuna tiddeċiedi li tirtira qabel l-età propja tal-irtirar tagħha. 

It-talba għall-Pensjoni Kontributorja tal-irtirar trid ssir fi żmien 6 xhur mid-data tal-irtirar jew l-età uffiċjali tal-pensjoni. Meta t-talba ma ssirx f’dan il-perjodu, il-pensjoni titħallas b’effett mid-data li fiha tkun saret it-talba.