Pensjoni tal-Irtirar
Ħarsa ġenerali
Il-Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar hija benefiċċju fit-tul tas-Sigurtà Soċjali li tingħata lil individwi li jkunu laħqu l-età statutorja tal-pensjoni u jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali. Din tipprovdi sors affidabbli ta’ dħul matul il-perjodu tal-irtirar, li jirrifletti kemm ix-xogħol tal-individwu, kif ukoll ir-rekord tal-kontribuzzjonijiet tiegħu.
Għal informazzjoni dwar sitwazzjonijiet transkonfinali ikklikkja hawn.
X’ser jingħata
Il-Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar titħallas kull erba’ (4) ġimgħat bil-quddiem.
Hemm tliet (3) kategoriji ta’ pensjonijiet distinti li persuna tista’ tirċievi, li kull waħda minnhom tindirizza l-istorja differenti ta’ kontribuzzjonijiet u ċirkostanzi fl-impjieg:
- Pensjoni taż-Żewġ Terzi (TTP) – Pensjoni relatata mad-dħul li tiġi kkalkolata skont il-medja tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tal-individwu. Din tirrifletti d-dħul assigurat tal-ħaddiem matul il-perjodu ta’ valutazzjoni rilevanti.
- Pensjoni tal-Irtirar – Rata Fissa (RP) – li hija bbażata fuq rati fissi u li titħallas lir-rikorrenti li jirċievu l-Pensjoni tas-Servizz.
- Pensjoni Minima Nazzjonali (NMP) – li titħallas lil dawk il-persuni li jħallsu rata baxxa ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
L-età tal-pensjoni tiddependi mis-sena tat-twelid tal-persuna u jekk kienet impjegata jew taħdem għaliha nnifisha:
- 62 sena jekk twieldet bejn l-1952 u l-1955.
- 63 sena jekk twieldet bejn l-1956 u l-1958.
- 64 sena twieldet bejn l-1959 u l-1961.
- 65 sena jekk twieldet minn 1962 ‘l quddiem.
Irtirar Bikri fl‑età ta’ 61 Sena
Persuna tista’ tagħżel li tirtira qabel l-età statutorja tal-pensjoni, iżda ma tistax tibda tirċievi l-pensjoni tal-irtirar qabel ma tagħlaq 61 sena, bil-kundizzjoni li ma tkunx u ma tkomplix tkun impjegata f’xogħol bi qligħ, waqt li tissodisfa n-numru meħtieġ ta’ kontribuzzjonijiet:
- Twelid bejn 1952–1961: 35 sena (1820 kontribuzzjoni).
- Twelid bejn 1962–1968: 40 sena (2080 kontribuzzjoni).
- Twelid bejn 1969–1975: 41 sena (2132 kontribuzzjoni; fejn 35 minnhom iridu jkunu mħallsa).
- Twelid minn 1976 ‘il quddiem: 42 sena (2184 kontribuzzjoni; fejn 35 minnhom iridu jkunu mħallsa).
Inċentivi għal minn jittardja l-Pensjoni – Ħidma lil hinn mill‑Età tal‑Pensjoni
Għal inċentivi oħra għal persuni li jibqgħu jaħdmu lil hinn mill‑età tal‑pensjoni tagħhom, ikklikkja hawn.
Miżuri miżjuda dwar l‑Eliġibbiltà għall‑Pensjoni
Il-minimu ta’ 10 snin kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali issa se jkun qed japplika għall-pensjonanti kollha, irrispettivament minn jekk humiex imwielda qabel jew wara l‑1962. Kontribuzzjonijiet imħallsa qabel ma jintlaħaq l-età minima tax-xogħol (iġifieri dawk taħt il‑18 jew 19-il sena), inkluż dawk taħt il‑miżura ta’ 520 kontribuzzjonijiet, jiġu kkunsidrati għall‑pensjonanti kollha.
Dokumentazzjoni meħtieġa
- FS3 għas-sena ta’ qabel tiġi sottomessa l-applikazzjoni tal-irtirar, f’każ jekk tkun impjegat/a.
- Rendikont tad-Dħul u l-Ħruġ li jrid ikun datat u ffirmat minn Accountant, flimkien mal-Irċevuti tal-Kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tas-sena qabel l-irtirar, f’każ jekk tkun taħdem għal rasek.
- Jekk int Direttur jew għandek il-maġġoranza jew l-akbar numru ta’ ishma fil-kumpanija jew int relatat mal-familja ta’ Diretturi u/jew Shareholders oħra fil-kumpanija, trid tehmeż Memorandum tal-Assoċjazzjoni bid-dettalji, li tapplika biss jekk l-applikant/a twieled/twieldet qabel 1962.
- Dokument maħruġ minn Jobsplus bħala prova fejn juri terminazzjoni ta’ kull impjieg jekk l-applikanti jagħżlu li jirtiraw kmieni.
- Jekk tirċievi pensjoni oħra, inkluża xi pensjoni minn barra, trid tiġi pprovduta kopja tad-dokument uffiċċjali fejn juri d-dħul oriġinali.
- Document maħruġ mill-Malta Enterprise għas-snin fejn l-applikant/a kien/et j/tirċievi Suppliment tal-Paga tal-COVID.
- Applikanti li jagħżlu li jirtiraw kmieni, iġifieri ta’ l-età bejn il-wieħed u sittin (61) sena u erbgħa u sittin sena, iridu jaraw li l-impjiegi kollha tagħhom mal-Jobsplus huma tterminati.
- Dikjarazzjoni tal-Bank li tindika d-detentur tal-kont, fejn juri li l-kont irid ikun f’isem il-benefiċjarju biss. Id-dettalji tal-Bank jistgħu ukoll jiġu aġġornati online minn fuq mySocialSecurity.
Kif tapplika
Tliet (3) xhur qabel l-età uffiċjali tal-irtirar, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jibgħat ittra ta’ notifka lill-pensjonant prospettiv fejn jintalbu jikkonfermaw dettalji neċessarji, bħal IBAN. L-applikanti għandhom jimlew u jirritornaw il-formola għall-ipproċessar fi żmien sitt xhur mid-data tal-età tal-pensjoni sabiex il-pensjoni tkun tista’ titkompla bil-proċessar. Sottomessjonijiet li jaslu tard jitħallsu mid-data tas-sottomessjoni.
F’każ li l-persuna tagħżel li tirtira kmieni għall-pensjoni, trid tapplika hija nnifisha, iġifieri bejn l-età ta’ 61 u 64 sena, l-applikant irid japplika minn rajh peress li ma tinħariħx ittra ta’ notifikazzjoni biex japplika.
Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.
Għal aktar informazzjoni dwar pagamenti retrospettivi u inċentivi għall-persuni b’diżabilità li jaslu għall-età tal-pensjoni, ikklikkja hawn.




