Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji – Ġenitur Singlu
Ħarsa ġenerali
Ġenituri waħedhom bi tfal taħt it-tlieta u għoxrin (23) sena, jingħataw Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji sakemm jaħdmu mill-inqas għaxar (10) sigħat fil-ġimgħa bir-rata tal-Paga Minima Nazzjonali fis-siegħa. F’każijiet simili, ir-rekwiżit li tkun irċeviet Assistenza Soċjali għal sena fl-aħħar tliet (3) snin, ma japplikax.
X’se tingħata
Ir-rata tat-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji mogħtija hija persentaġġ ta’ l-aħħar rata ta’ Benefiċċju Soċjali mogħti bl-esklużjoni ta’ bonuses:
- 75% tar-rata tal-benefiċċju għall-ewwel sena.
- 55% tar-rata tal-benefiċċju għat-tieni sena.
- 35% tar-rata tal-benefiċċju għat-tielet sena.
- 25% tar-rata tal-benefiċċju mħallsa lil min iħaddem fiċ-ċirkostanza ta’ mpjieg full–time u 12.5% fil-każ ta’ mpjieg part-time għal perjodu ta’ tliet (3) snin.
Il-benefiċjarji jitħallsu kull erba’ (4) ġimgħat b’lura u min iħaddem jitħallas kull tnax-il (12) ġimgħa b’lura.
Jekk benefiċjarju li jkun qed jirċievi it-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji jispiċċa mingħajr xogħol, il-benefiċju jiġi mwaqqaf kemm għall-benefiċjarju kif ukoll għal min iħaddem. Jekk il-benefiċjarju jerġa jibda xogħol ieħor, it-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji titkompla tingħata minn meta twaqqaf il-benefiċju. Umbgħad l-Imgħallem il-ġdid jibda jirċievi hu l-25% jew 12.5% tar-rata tal-benefiċċju, skont jekk l-impjieg ikunx full-time jew part-time.
Ladarba jgħaddu t-tliet (3) snin tal-iskema tat-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji, il-benefiċjarju jista’ jkun eliġibbli għall-benefiċċju ta’ waqt l-impjieg, jekk jibqa’ f’impjieg.
Tista’ tagħmel użu minn Kalkulatur online sabiex tagħmel stima għall-intitolament tat-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
Ġenituri waħedhom li qed jirċievu Assistenza Soċjali, Assistenza għall-Qgħad jew Għajnuna għal Ġenitur Singlu u jidħlu f’xogħol bi qligħ li jaħdmu tal-inqas għaxar (10) sigħat fil-ġimgħa u jaqilgħu aktar minn €42.44 fil-ġimgħa.
Dokumenti meħtieġa
- Dikjarazzjoni tal-Applicant/a u tal-Prinċipal. Ikklikkja hawn biex tniżżel dan id-dokument.
Kif tapplika
Imla u ibgħat l-applikazzjoni online.