Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Mistoqsijiet Frekwenti

Question: Meta mort għand it-tabib tal-familja tiegħi għax kont ma niflaħx, ingħatajt iċ-Ċertifikat Mediku Blu, li kien jinkludi oriġinal u kopja. Liema wieħed għandi nibgħat lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali?
Answer: Iċ-ċertifikat mediku blu l-oriġinali għandu jiġi sottomess lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Filwaqt li jekk tkun impjegat, il-kopja taċ-ċertifikat mediku blu, fejn id-dettalji tat-tabib huma mgħottijin bl-iswed, għandha tingħata lill-imgħallem tiegħek.

Jekk taħdem għal rasek, il-kopja taċ-Ċertifikat Mediku Blu għandha tingħata lill-accountant tiegħek. Inti tkun eżentat milli tħallas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal kull ġimgħa li tkun koperta miċ-ċertifikat mediku meta dan ikun jibda mit-Tnejn jew li jinkludi fih ġimgħa sħiħa li tibda mit-Tnejn.

Question: Jekk iċ-Ċertifikat Mediku Blu tiegħi huwa għal anqas minn 4 ijiem, xorta għandi nissottomettih lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali?
Answer: Le, il-pagament ikun dovut mir-raba’ (4) jum ta’ mard. Madankollu, min iħaddmek jista’ xorta jitolbok iċ-ċertifikat mediku blu għal skopijiet ta’ HR.

Question: Għaliex qed nitħallas ta’ jum wieħed (1) ta’ Benefiċċju għal Mard, meta ċ-ċertifikat mediku blu tiegħi jindika erbat (4) ijiem ta’ mard?
Answer: Il-pagament tal-Benefiċċju għal Mard huwa dovut mid-Dipartiment mir-raba’ (4) jum ta’ xogħol li tkun ma tiflaħx. L-ewwel tlett (3) ijiem ta’ xogħol jitħallsu kollha minn min iħaddmek, filwaqt li għall-kumplament min iħaddmek għandu joħroġ is-salarju bl-ammont tal-Benefiċċju għal Mard dovut mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali imnaqqas.

Question: Jiena naħdem mas-Servizz Pubbliku u meta nissottometti ċertifikat mediku blu ta’ aktar minn tlett (3) ijiem, ma nirċevix Benefiċċju għal Mard mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Għaliex jiġri dan?
Answer: Jekk inti ħaddiem tas-Servizz Pubbliku, inti tkompli tirċievi s-salarju sħiħ tiegħek, mingħajr ebda tnaqqis tal-Benefiċċju għal Mard, sakemm ma jispiċċawx il-ġranet ta’ intitolament tal- paga sħiħa waqt il-perjodu tal-mard.

Question: X’jiġri jekk jien Uffiċjal Pubbliku u nkun użajt il-jiem kollha ta’ intitolament tal-ġranet tal-mard b’paga sħiħa u b’nofs paga?
Answer: Meta tkun qed titħallas b’nofs paga waqt il-perjodu tal-mard u eventwalment bla paga, trid tinforma lid-dipartiment tar-Riżorsi Umani biex jikkomunikaw mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Meta tkun bil-Benefiċċju għal Mard b’nofs paga, inti intitolat li tirċievi mingħand min jimpjegak nofs il-paga bażika mingħajr il-Kontribuzzjonijiet sħaħ tas-Sigurtà Soċjali, filwaqt li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jħallas il-Benefiċċju għal Mard mill-bidu tal-perjodu tal-mard b’nofs paga. Eventwalment, meta inti tuża l-jiem tal-mard kollha tiegħek, kemm b’paga sħiħa kif ukoll b’nofs paga, tirċievi biss il-pagamenti tal-Benefiċċju għal Mard mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Il-pagament tal-Benefiċċju għal Mard li jingħata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huwa suġġett għal kriterji ta’ eliġibiltà skont l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li jkunu tħallsu sal-ġurnata tat-talba.

Question: X’għandi nagħmel jekk il-mard tiegħi jdum aktar minn erbatax (14)-il jum?
Answer: Jekk iddum ma tiflaħx għal aktar minn erbatax (14)-il jum, iċ-Ċertifikat Mediku Blu jrid jiġġedded għal kull ġimagħtejn oħra ta’ mard, sakemm tkun tajjeb biex tmur lura għax-xogħol. Kun ċert li kull ċertifikat ikun mimli kif suppost u li jiġi sottomess lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji mid-data tal-eżami.

Question: Għaliex għandi ninkludi d-dettalji tal-konjuġi jew tal-eks konjuġi tiegħi fiċ-Ċertifikat Mediku Blu?
Answer:Ir-rata ta' pagament għall-Benefiċċju għal Mard tiddependi mill-istat ċivili tiegħek:

  • Jekk inti persuna miżżewġa jew tikkoabita u l-konjuġi/sieħeb/sieħba tiegħek huwa impjegat, tingħata l-pagament b’rata tal-benefiċċju ta’ persuna waħeda.
  • Jekk inti miżżewweġ jew tikkoabita u l-konjuġi/sieħeb/sieħba tiegħek huwa qiegħed, titħallas bir-rata tal-benefiċċju ta’ miżżewweġ.
  • Jekk inti persuna separata u mhux qed tmantni lill-eks konjuġi tiegħek, titħallas bir-rata tal-benefiċċju ta’ persuna waħeda.
  • Jekk inti separat u qed tmantni lill-eks konjuġi tiegħek, titħallas bir-rata tal-benefiċċju ta’ miżżewweġ.

Question: Għaliex għandi ninforma lid-dipartiment bil-jiem ta’ xogħol tiegħi?
Answer: Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali joħroġ rata fissa għal-kull ġurnata ta’ mard skont l-iskeda tax-xogħol tiegħek, sa massimu ta’ sitt (6) ijiem fil-ġimgħa.

Question: X’għandi nagħmel jekk ma nkunx nista’ nissottometti ċ-Ċertifikat Mediku Blu minħabba li nkun ġejt rikoverat fl-isptar?
Answer: Jekk tkun ġejt rikoverat fl-isptar u ma tkunx tista’ tissottometti ċ-Ċertifikat Mediku Blu fi żmien l-għaxart (10) ijiem kalendarji skont kif stipulat, is-sottomessjoni ma titqiesx li saret tard jekk iċ-ċertifikat jiġi sottomess ladarba toħroġ mill-isptar, filwaqt li tiżgura li jinkludi d-dati eżatti tal-perjodu li kont l-isptar, kif ukoll firma tat-tabib u timbru tal-isptar.

Madankollu, ġaladarba tkun ħriġt mill-isptar iżda tkun għadek mhux tajjeb biex tmur għax-xogħol, trid tissottometti ċ-ċertifikat mediku blu regolarment fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji mid-data tal-eżami tat-tabib fuq iċ-ċertifikat tal-mard.

Question: Kif għandi nissottometti ċ-ċertifikat mediku jekk it-trattament tiegħi barra kien ħtieġa ta’ emerġenza approvata minn Mater Dei?
Answer: Bħala riżultat ta’ Ftehim Bilaterali Internazzjonali, pazjenti li jkollhom bżonn trattament li ma jistax jiġi pprovdut f’Malta jistgħu jirċievu Benefiċċju għal Mard għal trattament barra Benefiċċju għal Mard kemm jekk it-trattament ikun ippjanat kif ukoll jekk ikun emerġenza. Il-Formola tat-Trattamenti Barra (TAF) timtela mit-Taqsima tal-Intitolamenti ta’ Mater Dei u tintbagħat lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali minn Mater Dei, fejn il-pagament għall-Benefiċċju għal Mard jinħareġ għall-applikant.

Ladarba l-pazjent jirritorna lura Malta mit-trattament u jibda/ikompli t-trattament f’Malta, irid ikompli jissottometti ċ-Ċertifikat Mediku Blu skont il-proċedura kull għaxart ijiem kalendarji.

Question: Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se jaċċetta ċertifikat mediku ta’ barra għal talbiet għall-Benefiċċju għal Mard?
Answer: Iva, peress li tkun temporanjament barra u ma jkunx possibbli li tissottometti ċ-ċertifikat mediku blu, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jaċċetta ċertifikat mediku ta’ barra għal talbiet għall-Benefiċċju għal Mard, dment li jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja kif ukoll ikun tradott għall-Ingliż. Aċċerta ruħek illi ċ-ċertifikat jinkludi d-dettalji personali tiegħek kif ukoll jirrifletti b’mod preċiż il-kundizzjoni medika u t-trattament li tkun qed tingħata. Tista’ tissottometti ċ-ċertifikat mediku online, jew f’wieħed miċ-ċentri ta’ Servizz.gov.

Question: X’passi għandi nieħu jekk niġi ammess fl-isptar jew niġi bżonn trattament barra bla ħsieb, bħal meta nkun waqt vaganza jew niġi temporanjament stazzjonat biex naħdem barra u ma nkunx nista’ nissottometti ċ-Ċertifikat Mediku Blu fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ?
Answer: F’każ li tiġi rikoverat fl-isptar jew tirċievi trattament barra mhux ippjanat, inti tista’ tissottometti ċ-ċertifikat mediku ta’ barra online, jew mal-wasla tiegħek lura, inti tista’ tissottometti ċ-ċertifikat mediku maħruġ mit-tabib ta’ barra. Jekk iċ-ċertifikat ikun b’lingwa li mhijiex l-Ingliż jew il-Malti, għandha tiġi pprovduta verżjoni tradotta. Kun ċert li ċ-ċertifikat jinkludi l-perjodu li kont rikoverat fl-isptar, in-natura tal-marda tiegħek, u timbru viżibbli tal-klinika medika.

Question: X’jiġri jekk ma jirnexxilix nissottometti ċ-ċertifikat mediku ta’ barra fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ minħabba li nkun qiegħed l-isptar jew minħabba trattament barra?
Answer: Sakemm ma tkunx diġà issottomettejt iċ-ċertifikat tiegħek online, mal-wasla tiegħek lura f’Malta, huwa importanti li tissottometti ċ-ċertifikat mediku ta’ barra mill-aktar fis possibbli biex tevita dewmien fil-pagament tal-benefiċċju. Tista’ tagħmel kuntatt mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali billi żżur il-paġna tagħna Ikkuntattjana.

Question: X’informazzjoni għandha tiġi inkluża f’ċertifikat mediku ta’ barra?
Answer:Iċ-ċertifikat mediku ta’ barra għandu jinkludi:

  • L-isem sħiħ tiegħek u dettalji personali, inkluż in-nazzjonalità tiegħek.
  • Il-pajjiż fejn qed tirċievi t-trattament jew fejn ġejt ammess fl-isptar.
  • Il-perjodu ta’ trattament, indikati b’dati.
  • Id-dijanjożi u n-natura tal-marda.
  • Id-dettalji tat-trattament mediku riċevut.
  • Il-firma u l-informazzjoni ta’ kuntatt tat-tabib li għamel l-eżami, inkluż it-timbru tal-klinika medika.

Question: X’inhu l-Benefiċċju Miżjud għal Mard u kif nikkwalifika għalih?
Answer: Il-benefiċjarji li jkollhom talba għall-Benefiċċju għal Mard aċċettata li tibqa’ għaddejja għal mija, sitta u ħamsin (156) jum ta’ benefiċċju, it-talba tagħhom ser tinbidel awtomatikament għall-Benefiċċju Miżjud għal Mard (ISB). Ir-rata tal-ISB hija simili għal dik tal-Pensjoni tal-Invalidità. Il-pagament jibqa’ jitħallas jew sa ma jiġi sottomess ċertifikat finali, jew meta tiġi deċiża data mill-Bord Mediku, jew jispiċċaw il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jew jispiċċaw l-erba’ mija, tmienja u sittin (468) jum tal-benefiċċju, skont liema sseħħ l-ewwel.

Question: Kif nista’ nissottometti ċ-Ċertifikat Mediku Blu jew ċertifikat mediku ta’ barra lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali?
Answer: Inti tista’ tissottometti kopja taċ-Ċertifikat Mediku Blu oriġinali online billi tagħmel l-awtentikazzjoni bl-e-ID tiegħek stess. Inti tista’ wkoll tieħu l-kopja oriġinali taċ-Ċertifikat Mediku Blu fl-eqreb ċentru ta’ Servizz.gov.

Aċċerta ruħek illi ċ-ċertifikat mediku ta’ barra, ikun tradott bil-lingwa Ingliża jew Maltija qabel ma tissottomettih mal-wasla tiegħek lura f’Malta, jew online.

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m’għadux jaċċetta aktar ċertifikati mediċi blu sottomessi minn terzi persuni, kemm jekk is-sottomessjoni ssir online jew tintbagħat lil servizz.gov.

Question: Għaliex twaqqaf f’daqqa l-benefiċċju tiegħi għal Mard wara li kont fuq perjodu ta’mard fit-tul?
Answer: Il-Benefiċċju għal Mard jitħallas sa massimu ta sitt (6) xhur skont l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa qabel it-talba. Ladarba tintlaħaq id-data tal-eżawriment, inti se tkun mitlub tattendi eżami mal-bord mediku li jiddeċiedi jekk inti tiġix aċċettat biex tkompli tirċievi l-Benefiċċju għal Mard jew inkella tinstab tajjeb biex tmur lura għax-xogħol. Il-bord mediku jista’ jirrakkomanda li l-benefiċjarju japplika għall-Pensjoni tal-Invalidità.

Benefiċiarji li jkunu qed jirċievu pagament tal-benefiċċju għal mard waqt trattament barra jista’ jkollhom it-talba tagħhom ivverifikata mill-Board Mediku. Apparti dan, it-talba tiġi vverifikata mis-Sezzjoni tar-Relazzjonijiet Internazzjonali wara li jgħaddu sitt (6) xhur ta’ mard.

Question: Nista’ nitlob biex il-pagamenti tiegħi tal-Benefiċċju għal Mard jitħallsu f’kont tal-IBAN differenti minn fejn nirċievi l-pagamenti tal-benefiċċji l-oħrajn?
Answer: Peress li s-sistema tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tippermetti kont tal-IBAN wieħed biss għal kull benefiċjarju, kwalunkwe pagament tal-benefiċċji jiġi ddepożitat fuq in-numru tal-kont tal-bank imdaħħal fis-sistema. Inti tista’ tara jew tibdel in-numru tal-kont tal-IBAN tiegħek billi tikklikkja hawn.

Question: Jekk għandi mandat ta’ sekwestru, nista’ nitlob biex il-Benefiċċju għal Mard tiegħi jitħallas permezz ta’ ċekk?
Answer: Le, jekk għandek mandat ta’ sekwestru ma tistax titlob li l-benefiċċju għal Mard tirċevieh b’ċekk. F’każijiet bħal dawn, int trid tinforma lill-bank preferut tiegħek skont l-Artikolu 381 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap. 12.), u jippermetti li jkollok kont tal-bank maħruġ f’ismek fejn il-pagamenti tas-Sigurtà Soċjali jiġu ddepożitat fih irrispettivament ikollokx sekwestru.

Mistoqsija: Min huwa eliġibbli għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali f'Malta?
Tweġiba: Residenti mhux Maltin li qed joqogħdu u huma reġistrati li jaħdmu legalment f'Malta jistgħu jkunu eliġibbli għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. L-eliġibilità tiddependi fuq diversi fatturi, inkluż it-tip ta’ permess tax-xogħol u t-tul taż-żjara.

Mistoqsija: Hemm xi benefiċċji speċifiċi disponibbli għal residenti mhux Maltin?
Tweġiba: Residenti mhux Maltin jistgħu jkunu eliġibbli għal diversi benefiċċji, inklużi benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji tal-mard, u benefiċċji tal-familja, skont iċ-ċirkostanzi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom.

Mistoqsija: Liema dokumenti huma meħtieġa għall-applikazzjoni għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali?
Tweġiba: Tipikament, ikollok bżonn il-permess tax-xogħol tiegħek, prova tar-residenza lokali, dokumenti ta' identifikazzjoni, u kwalunkwe dokumenti rilevanti oħra speċifiċi għall-benefiċċju li qed tapplika għalih.

Mistoqsija: Nista' nittrasferixxi l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tiegħi minn pajjiżi lejn Malta?
Tweġiba: Dan jiddependi fuq ftehimiet bilaterali bejn Malta u pajjiżek. Għandek tiċċekkja mal-uffiċċju tas-sigurtà soċjali fiż-żewġ pajjiżi biex tifhem il-proċess u r-rekwiżiti.

Mistoqsija: Kif nista' napplika għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali bħala residenti mhux Malti?
Tweġiba: Tista' tapplika għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali online permezz tal-app mySocialSecurity billi tuża e-ID tiegħek li tinħareġ mill-aġenzija tal-gvern Malti Identità. Kun żgur li għandek id-dokumenti kollha meħtieġa, bħall-permess tax-xogħol tiegħek u prova tar-residenza lokali.

Mistoqsija: Kif naġġorna l-informazzjoni personali tiegħi, bħall-indirizz jew id-dettalji bankarji?
Tweġiba: Tista' taġġorna d-dettalji ta' kuntatt u tal-bank tiegħek permezz tal-app mySocialSecurity billi tawtentika bil-e-ID tiegħek. Kun żgur li żżomm dawn id-dettalji tiegħek aġġornati biex tevita kwalunkwe kwistjoni bil-ħlasijiet tal-benefiċċji.

Mistoqsija: X'għandi nagħmel jekk niltaqa' ma' problemi bil-kont tal-e-ID tiegħi?
Tweġiba: Jekk tiffaċċja xi problemi, tista’ tikkuntattja lis-servizz tal-cusomer care tas-sigurtà soċjali, permezz ta’ Freephone 153 jew iżżur ċentru ta' servizz.gov għall-għajnuna.

Mistoqsija: X’jiġri jekk jien ġej minn pajjiż tal-Unjoni Ewropea u ma nixtieqx li napplika għall-Karta tal-Identità maltija?
Tweġiba: Għalkemm għandek kull dritt li ma tapplikax għall- Karta tal-Identità maltija peress li ġej minn pajjiż tal-Unjoni Ewropea, inti jkollok bżonn tattendi personalment f’xi ċentru ta’ servizz.gov jekk tkun trid tapplika għal xi benefiċċju. Ir-raġuni hija li l-maġġoranza tal-applikazzjonijiet online jirrikjedu awtentikazzjoni bil-e-ID, li int jista’ biss ikollok jekk inti detentur tal-Karta tal-Identità Maltija.

Permezz tal-emenda għall-Artikolu 381 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, Kap.12. tal-Ligijiet ta’ Malta, ġie stabbilit illi ma jistax jinħareġ mandat ta’ sekwestru mhux biss fuq kull benefiċċju, pensjoni, allowance jew għajnuna imsemmija fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap.318.) jew pensjoni privata jew kwalunkwe pensjoni, benefiċċju jew allowance oħra maħruġa mill-Gvern jew gvern barrani ieħor, iżda ukoll fuq kontijiet bankarji li huma użati sabiex benefiċċjarji jirċievu l-imsemmija benefiċċji.

Bis-saħħa ta’ din l-emenda, ġie ukoll stabbilit illi l-banek lokali għandhom jiżguraw illi l-benefiċċji soċjali riċevuti fil-kontijiet tal-benefiċċjarji m’għandhomx jiġu milqutin bl-effett ta’ mandat ta’ sekwestru. Barra minn hekk, l-emenda tistipula ukoll li l-banek lokali għandhom jiftħu kontijiet bankarji separati sabiex fihom kull benefiċjarju jkun jista’ jirċievi l-benefiċċji soċjali.

Għaldaqstant, kull individwu li jibbenefika minn benefiċċju soċjali hawn fuq elenkat, għandu, f’każ li jinħareġ mandat ta’ sekwestru fuq il-kontijiet bankarji tiegħu, jagħmel kuntatt minnufih mal-bank tiegħu sabiex tali benefiċċji jiġu meħlusin mill-effett tal-mandat ta’ sekwestru.

Mistoqsija: Minn meta daħlet fis-seħħ l-emenda fil-liġi li tirregola mandat ta’ sekwestru fuq beneficcju socjali?
Tweġiba: Mid-29/10/2021, l-Artikolu 381 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap.12.) ġie emendat sabiex ma jinżammu l-ebda benefiċċji kontra mandat ta’ sekwestru. Jekk għandek mandat ta’ sekwestru, jekk jogħġbok informa lill-bank preferut tiegħek dwar l-emenda għall-Artikolu 318 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, biex ikollok kont bankarju maħruġ f’ismek kif meħtieġ.

Mistoqsija: X’għandi nagħmel f’każ li nirċievi mandat ta’ sekwestru u qed nircievi beneficcju socjali?
Tweġiba: F’każ li tirċievi mandat ta’ sekwestru, tista’ minnufih tagħmel kuntatt mal-bank lokali tiegħek sabiex il-benefiċċji tiegħek ma jiġux milqutin negattivament bl-effett tal-mandat?

Mistoqsija: Għandi bżonn xi prova jew dokumentazzjoni biex tiġi pprovdutai lil bank?
Tweġiba: Id-dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ser jieħu ħsieb illi jipprovdi lill-individwu bid-dokumentazzjoni rikjesta sabiex ikun jista’ jipprovdiha lil bank. Għalhekk huwa fl-interess tiegħek li titlob id-dokumentazzjoni mingħand id-Dipartiment sabiex tkun tista’ tipprovdihom lill-bank lokali tiegħek billi iċċempel Freephone 153 jew iżżur wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov.

Mistoqsija: X’għandi nagħmel f’każ li mandat ta’ sekwestru ħareġ qabel ma daħlet din l-emenda?
Tweġiba: Din l-emenda ser tkun qed tapplika għal dawk il-mandati li daħħlu fis-seħħ wara li ġiet introdotta l-emenda. Fil-każ ta’ mandati li nħarġu qabel l-introduzzjoni ta’ din l-emenda, l-individwu jista’ xorta waħda jagħmel kuntatt mal-bank sabiex minn dik id-data li fiha jsir il-kuntatt, il-benefiċċji ma jibqgħux jiġu milqutin bl-effett tal-mandat.

Mistoqsija: Fil-kont personali tiegħi għandi flejjes oħra apparti benefiċċji soċjali, dawn x’isir minnhom?
Tweġiba: Jekk fil-kont bankarju tiegħek għandek flejjes li m’humiex benefiċċji soċjali, dawn ser jibqgħu milqutin bl-effett tal-mandat ta’ sekwestru. Huma biss benefiċċji soċjali kif imsemmija fil-liġi li m’humiex ser ikunu milqutin bl-effett tal-mandati.

Mistoqsija: F’każ li għandi kont bankarju li fih nirċievi l-benefiċċji soċjali u nirċievi mandat ta’ sekwestru, x’ser ikun qiegħed jagħmel il-bank?
Tweġiba: Wara li tagħmel kuntatt mal-bank, il-benefiċċji soċjali m’għandhomx jibqgħu milqutin bl-effett tal-mandat. Il-Liġi tistipula ukoll li l-bank jista’ jiftaħlek kont ieħor separat f’ismek li jkun użat esklussivament għal depożiti ta’ benefiċċji soċjali. F’dan il-każ għandek tinforma minnufih lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bin-numru tal-IBAN ta’ dan il-kont il-ġdid.

Mistoqsija: Nista’ nirċievi il-benefiċċju b’ċekk minflok?
Tweġiba: L-emenda fil-liġi ġiet introdotta sabiex kull benefiċċju, allowance, għajnuna jew pensjoni mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.), ma’ jiġux maqbuda taħt ordni ta’ mandat ta’ sekwestru. Għaldaqstant, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jinkoraġġik sabiex il-pagamenti tiegħek tirċevihom f’kont bankarju.

Mistoqsija: S’issa nirċievi l-benefiċċju b’ċekk. Jekk għandi mandat ta’ sekwestru x’irid nagħmel?
Tweġiba: Jekk bħalissa qed titħallas pagamenti mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u tirċievi mandat ta’ sekwestru, għandek minnufih tagħmel kuntatt mal-bank lokali tiegħek sabiex kif tistipula l-liġi, l-bank jista’ jiftaħlek kont f’ismek li jkun użat esklussivament għal depożiti ta’ benefiċċju soċjali.

Mistoqsija: Ser nibqa nirċevi l-benefiċċju b’ċekk?
Tweġiba: Jekk bħalissa qed titħallas pagamenti mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali permezz ta’ ċekk, tista’ tbiddel id-dettalji sabiex tibda tirċievi l-pagament b’depożitu dirett il-bank. Huwa maħsub li fil futur qarib ma jibqgħux jinħarġu pagamenti permezz ta’ ċekk.

Mistoqsija: F’każ li l-bank iżżomli l-pagament, x’għandi nagħmel?
Tweġiba: Ma jistax jinħareġ mandat ta’ sekwestru fuq kull benefiċċju, pensjoni, allowance jew għajnuna imsemmija fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.), kif ukoll fuq kontijiet bankarji li huma użati sabiex benefiċċjarji jirċievu l-imsemmija benefiċċji. Għalhekk, għandek minnufih tagħmel kuntatt mal-bank lokali tiegħek sabiex tali benefiċċji jiġu meħlusin mill-effett tal-mandat ta’ sekwestru. Jekk għal xi raġuni wara li tkun għamilt kuntatt mal-bank dan xorta iżżomlok il-pagament, inti għandek minnufiħ tinforma lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali billi iċċempel Freephone 153 jew iżżur wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov.

Question: X'għandu jsir f'każ ta' mewt ta’ persuna f'Malta?
Answer: Kulħadd jista’ jirreġistra mewt li seħħet f’Malta u din tista’ ssir personalment f’wieħed mill-uffiċċji tar-Reġistru Pubbliku. Waqt tali żjara, il-karta tal-identità tal-mejjet tkun trid tiġi rritornata. Għalhekk, huwa rakkomandabbli li qraba/ħbieb tal-mejjet jagħmlu kopja tal-karta tal-identità.

Question: X'għandu jsir meta benefiċjarju tas-Sigurtà Soċjali jmut?
Answer: Wieħed għandu jibgħat kopja taċ-ċertifikat oriġinali tal-mewt jew tad-dfin online lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jew iżur l-eqreb ċentru ta’ servizz.gov. Il-mewt tista’ tiġi rrappurtata minn kulħadd, sakemm iċ-ċertifikat oriġinali tal-mewt jew iċ-ċertifikat tad-dfin ikun disponibbli.

Question: X'inhuma l-konsegwenzi tan-nuqqas li tirrapporta l-mewt ta' benefiċjarju tas-Sigurtà Soċjali?
Answer: In-nuqqas li jirrapporta l-mewt ta' benefiċjarju tas-Sigurtà Soċjali jista' jkollu konsegwenzi serji.

  • Benefiċċji tas-sigurtà soċjali mħallsa permezz ta’ kreditu dirett fil-kont bankarju tal-mejjet jew ċekkijiet imsarrfa wara l-mewt tal-benefiċjarju mhumiex dovuti u jridu jitħallsu lura lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali (DSS) mill-konjuġi jew werrieta.
  • Tkompli tirċievi pagamenti ta’ l persuna mejta huwa reat u jwassal għall-prosekuzzjoni.
  • Jista' jitlef id-dritt lis-superstiti potenzjali l-eliġibilità għall-pensjoni tar-romol fin-nuqqas li tiġi rrapporta mewt.
  • Question: X'inhu l-ewwel pass biex tapplika għall-benefiċċji tas-superstiti tas-Sigurtà Soċjali?
    Answer: Ir-rappurtar ta' mewt huwa l-pass inizjali. Il-pass sussegwenti huwa n-notifika tal-pensjoni tar-romol maħruġa mid-DSS, li teħtieġ l-għoti ta’ numru tal-kont tal-IBAN li jappartjeni biss lill-konjuġi superstiti.

    Question: X'jiġri jekk id-data tal-mewt tikkoinċidi ma' ħlas tal-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali?
    Answer: Jekk id-data tal-mewt tikkoinċidi mad-data tal-pagament, ma jinħoloq ebda ħlas żejjed. Madankollu, jekk il-benefiċjarju rċieva pagament wara d-data tal-mewt jew kwalunkwe xahar ta' wara, dak il-pagament jitqies bħala ħlas żejjed u jkollu jitħallas lura lid-DSS mill-konjuġi jew mill-werrieta.

    Question: X'jiġri mir-rata ta' pensjoni taż-żwieġ jekk il-konjuġi jmut?
    Answer: Jekk il-konjuġi tal-pensjonant imut, ir-rata tal-pensjoni tinbidel għal persuna waħedha. Madankollu, ir-rata tal-pensjoni ma tinbidilx f'xi każijiet.

    Question: Jistgħu l-eredi jitolbu li jirċievu l-bilanċ tal-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali?
    Answer: Kwalunkwe arretrati pendenti dovuti lill-benefiċjarju mejjet jistgħu jintalbu mill-werrieta billi jimlew u jissottomettu l-applikazzjoni online.

    Mistoqsija: Għal xiex id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huwa impenjat?
    Tweġiba: Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huwa impenjat li jagħti servizz ta’ kwalità għolja lill-benefiċjarji u lill-klijenti tagħna. Aħna nifhmu li s-servizzi tagħna għandhom impatt pożittiv fuq il-ħajja tan-nies, u nieħdu r-responsabbiltà tagħna li ngħinu u naqdu lill-klijenti tagħna bis-serjetà ħafna.

    Mistoqsija: Kif id-Dipartiment jagħti ħarsien li l-benefiċjarji jirċievu l-benefiċċji u s-servizzi li jixirqilhom?
    Tweġiba: It-tim ta’ impjegati dedikati tagħna jaħdem bla heda biex jiżgura li l-benefiċjarji tagħna jirċievu l-benefiċċji u s-servizzi li jixirqilhom. Aħna kburin li nipprovdu servizz lill-konsumatur eċċellenti u dejjem disponibbli biex ngħinu fi kwalunkwe mistoqsija jew tħassib li jista' jkollok.

    Mistoqsija: Kif nista’ nikkuntattja lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali?
    Tweġiba: Biex tagħmel kuntatt magħna, tista’ żżur il-website tagħna fuq kuntattdss.gov.mt jew iċċemplilna fuq Freephone 153. Jekk qed iċempel minn barra l-pajjiż, tista’ tilħaqna fuq +356 21255153 (Dan mhux numru tat-telefon bla ħlas).

    Mistoqsija: Fejn nista’ nissib informazzjoni dwar is-servizzi ta’ customer care u l-lokalizzazzjoni tal-uffiċċji?
    Tweġiba: Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi ta’ customer care tagħna, inkluża l-lista taċ-ċentri ta’ servizz.gov (magħrufa qabel bħala Uffiċċji Distrettwali) u l-ħinijiet operattivi tagħhom, jekk jogħġbok ikklikkja hawn. Jekk teħtieġ servizz ta’ customer care provdut permezz tal-Kunsilli Lokali, tista’ ssib l-informazzjoni rilevanti hawn.

    Mistoqsija: Kif id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jagħti prijorità għall-benesseri tal-benefiċjarji u lill-klijenti?
    Tweġiba: Aħna nibqgħu ddedikati għall-benessri tiegħek u se nkomplu naqduk b'sens ta' responsabbiltà li kien il-pedament tal-missjoni tal-organizzazzjoni tagħna għal snin sħaħ. Il-benesseri tiegħek huwa l-prijorità tagħna.

    Mistoqsija: X’inhu l-kont tal-e-ID?
    Tweġiba: Meta resident f’Malta jingħata karta tal-Identità, ikun jista’ jirreġistra għall-kont tal-e-ID tiegħu, li huwa meħtieġ biex taċċessa servizzi tal-Gvern online. It-taqsima tal-Karta tal-Identità hija l-Awtorità kompetenti biex toħroġ kontijiet tal-e-ID għal dawk ir-residenti li jgħixu f’Malta.

    Mistoqsija: Kif nista’ nirreġistra biex tingħatali e-ID?
    Tweġiba: Biex tirreġistra għal e-ID trid tikkuntattja lill-aġenzija tal-gvern Malti Identità fuq infoeid@gov.mt jew iċċempel fuq (+356) 25904300, sabiex tivverifika l-indirizz elettroniku tal-email tiegħek ma’ numru tal-Karta tal-Identità tiegħek. La darba din tiġi vverifikata, inti tista’ taċċessa servizz online tal-gvern tal-għażla tiegħek.

    Mistoqsija: Kif nillogja bil-e-ID biex nissottometti applikazzjoni għall-benefiċċju jew naċċessa servizz ta’ Sigurtà Soċjali?
    Tweġiba: Biex tilloggja bil-e-ID biex tissottometti applikazzjoni online jew servizz tas-Sigurtà Soċjali, trid l-ewwel iddaħħal in-Numru tal-Karta tal-Identità tiegħek u l-password kif indikat hawn isfel. Int tkun awtomatikament iggwidat għall-applikazzjoni jew servizz tal-għażla li tkun għamilt. Huwa tal-parir li tillogja l-barra la darba tlesti milli tibgħat is-sottomessjoni tiegħek.

    e-ID sign in form

    Mistoqsija: X’irrid nagħmel jekk ninsa x’inhi l-password tal-e-ID tiegħi?
    Tweġiba: Jekk tinsa x’inhi l-password tal-e-ID tiegħek, inti mitlub tikklikkja fuq ‘Insejt il-Password’ kif indikat hawn isfel. Hawnhekk tkun mitlub biex iddaħħal password ġdida, filwaqt li tintbagħatlek email jew numru tal-mowbajl għall-verifikazzjoni.

    e-ID sign in form

    Mistoqsija: Jekk kif nilloggja bil-e-ID biex nissottometti applikazzjoni ninduna li l-informazzjoni personali tiegħi mhumiex korretti, x’irrid nagħmel?
    Tweġiba: Jekk meta tilloggja bil-e-ID tinduna li hemm informazzjon li tidher mhux korretti, hemm żewġ affarijiet li trid tikklassifika.

    • Jekk huma l-Isem, Kunjom jew l-Indirizz li mhux korretti, trid tikkuntattja lill-aġenzija tal-gvern Malti Identità fuq infoeid@gov.mt jew ċempel (+356) 25904300.
    • Jekk l-informazzjoni skorretta hija dik tal-indirizz elettroniku jew in-numru ta’ kuntatt, f’dak il-każ tista’ taġġorna d-dettalji billi tilloggja fuq is-sit https://eid.gov.mt bil-kredenzjali tal-e-ID tiegħek u tagħmel it-tibdil li hemm bżonn mis-sezzjoni ‘Settings ta’ Kuntatt’. It-tibdil li tagħmel ikunu instantanji b’dak li tibdel. Minn dan is-sit tista’ ukoll tibdel il-password tal-e-ID tiegħek.

    Mistoqsija: Għalfejn għandi nuża l-e-ID biex nissottometti u naċċessa applikazzjoni jew servizz online?
    Tweġiba: Hemm ħafna benefiċċji meta tuża l-e-ID biex tissottometti applikazzjoni online jew biex taċċessa xi servizz. Dawn il-benefiċċji huma li l-applikazzjoni tkun aktar magħġġla, iktar konvenjenti u jkollok aċċess immeddjat għas-servizzi mingħajr il-bżonn li tattendi fiżikament, jew tistenna f’xi kju ta’ klijenti, f’xi ċentri ta’ servizz.gov.

    Mistoqsija: X’se nigwadanja meta nissottometti applikazzjoni online bl-użu tal-e-ID?
    Tweġiba: Meta tissottometti applikazzjoni online bl-użu tal-e-ID, int tirċievi notifika b’email awtomatika fejn tkun tinkludi Numru ta’ Refereenza relatat mal-applikazzjoni, dejjem jekk tagħżel li ddaħħal l-email ppreferut tiegħek matul il-proċess. Din tkun konferma li l-applikazzjoni tkun ġiet riċevuta mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

    Mistoqsija: X’se nigwadanja meta naċċessa servizzi online bl-użu tal-e-ID?
    Tweġiba: Meta taċċessa servizzi online bl-użu tal-e-ID, tkun ipprovdut b’informazzjoni instantanja u ta’ ħin reali dwar dettalji personali tiegħek hekk kif miżmuma mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Mis-servizz ta’ Monitoraġġ ta’ Applikazzjoni, tkun tista’ tara l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek. Tista’ tagħmel emendi fid-dettalji personali tiegħek hekk kif miżmuma mid-Dipartiment li jista’ jiġi aċċessat mill-Web App mySocialSecurity.

    Direttiva ġdida tal-Bank Ċentrali li daħlet fis-seħħ mill-01/01/2022 se telimina l-użu ta’ ċekkijiet f’ammonti ta’ €20 jew inqas. Ir-regolamenti l-ġodda tal-Bank Ċentrali dwar iċ-ċekkijiet għandhom l-għan li jirregolaw l-użu ta’ dan il-mezz, filwaqt li jinċentivaw lin-nies biex jagħmlu użu minn metodi ta’ pagamenti elettroniċi.

    Mistoqsija: Ser ikun jista’ jiġi msarraf ċekk maħruġ mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sal-31/12/2021 f’ammont ta’ €20 jew inqas?
    Tweġiba: Ċekk li nħareġ f’ammont ta’ €20 jew inqas b’data sal-aħħar tal-2021 se jkun jista’ jissarraf. Pereżempju ċekk li huwa datat 28/12/2021 għandu sitt xhur xorta biex jiġi msarraf, jiġifieri l-bank huwa obbligat isarraf dak iċ-ċekk ta’ €20 jew inqas.

    Mistoqsija: Ser ikun affettwat pagament maħruġ mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali wara l-31/12/2021 f’ammont ta’ €20 jew inqas li jsir permezz ta’ pagment dirett il-bank?
    Tweġiba: Jekk benefiċjarju diġà qed jitħallas mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali permezz ta’ depożitu dirett il-bank jew id-dettalji bankarji miżmuma mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huma aġġornati sabiex pagament ikun jista’ jsir permezz ta’ depożitu dirett il-bank mhux ser ikun affettwat jekk jinħareġ pagament mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali wara l-31/12/2021 f’ammont ta’ €20 jew inqas.

    Mistoqsija: Nista’ nivverifika li d-dettalji banakarji tiegħi miżmuma mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huma aġġornati?
    Tweġiba: Tista’ tivverika d-dettalji bankarji tiegħek miżmuma mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali permezz tal-Web App mysocialsecurity.gov.mt jew billi żżur wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov.

    Mistoqsija: Nista’ nibdel id-dettalji bankarji tiegħek miżmuma mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali online jew billi nżur wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov?
    Tweġiba: Permezz tal-Web App mysocialsecurity.gov.mt tista’ tbiddel id-dettalji ta’ kif titħallas. Jekk bħalissa qed titħallas pagamenti mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali permezz ta’ ċekk, tista’ tbiddel id-dettalji sabiex tibda tirċievi l-pagament b’depożitu dirett il-bank. Jekk diġà qed titħallas permezz ta’ depożitu l-bank, tista’ tbiddel kemm il-bank kif ukoll in-numru tal-kont, liema kont irid ikun dejjem Kont ta’ Tfaddil jew Kurrenti imma mhux f’Kont ta’ Self. Il-kont indikat għandu jkun f’isem il-benefiċjarju/a. In-numru tal-kont provdut iservi wkoll biex fih jitħallas kull benefiċċju li inti tista’ tkun qed tirċievi. Tista’ tagħżel ukoll li tirċievi notifika permezz ta’ SMS bid-data tad-depożitu tal-benefiċċju tiegħek.

    Tista’ żżur ukoll wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov sabiex tbiddel id-dettalji bankarji tiegħek miżmuma mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

    Mistoqsija: X’jiġri, f’każ li d-dettalji bankarji tiegħi miżmuma mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali mhumiex aġġornati sabiex nirċievi pagament tas-Sigurtà Soċjali dovut permezz ta’ depożitu dirett il-bank wara l-01/01/2022 jekk il-pagament ikun ta’ €20 jew inqas?
    Tweġiba: F’każ li d-dettalji bankarji tiegħek miżmuma mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali mhumiex aġġornati sabiex tirċievi pagament permezz ta’ depożitu dirett il-bank, pagament li jkun ta’ €20 jew inqas mhux ser ikun jista’ jinħareġ. Minn hemm ‘il quddiem, tirċievi ittra ta’ notifika bil-posta li titolbok taġġorna d-dettalji bankarji tiegħek, online jew billi żżur wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov biex tibdel id-dettalji bankarji tiegħek miżmuma mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Ladarba d-dettalji bankarji jiġu aġġornati, id-dipartiment joħroġ il-ħlas dovut b’depożitu bankarju dirett.

    Mistoqsija: X’inhuma d-dettajli li jintalbu sabiex isir pagament permezz ta’ depożitu dirett il-bank?
    Tweġiba: Id-dettjali mitluba huma: il-fergħa tal-bank tal-għażla tiegħek fejn tixitieq li jsir il-pagament permezz ta’ depożitu dirett il-bank, kif ukoll in-Numru Internazzjonali tal-Kont Bankarju (IBAN) tiegħek, liema kont irid ikun dejjem Kont ta’ Tfaddil jew Kurrenti imma mhux f’Kont ta’ Self. Il-kont indikat għandu jkun f’isem il-benefiċjarju/a.