Inċidenti fuq il-Post tax-Xogħol u Mard Okkupazzjonali
Il-benefiċċji għal korrimenti jew mard relatati max-xogħol huma r-responsabbiltà tal-pajjiż fejn persuna tkun assigurata għal skopijiet ta’ sigurtà soċjali fiż-żmien tal-inċident jew tal-marda. Regoli aktar kumplessi jkopru d-determinazzjoni tar-responsabbiltà tal-benefiċċji għal mard okkupazzjonali.
Inċidenti fuq il-Post tax-Xogħol
Il-pajjiż fejn persuna hija assigurata għal skopijiet ta’ sigurtà soċjali huwa responsabbli wkoll għall-benefiċċji marbuta ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, anke jekk dan huwa differenti mill-pajjiż ta’ residenza jew mill-pajjiż fejn seħħ l-inċident. Talba għall-benefiċċji għandha tiġi magħmula skont il-proċeduri stabbiliti mill-pajjiż tal-assigurazzjoni.
Mard Okkupazzjonali
Il-mard okkupazzjonali jista’ jiġi identifikat fi stadju aktar tard fil-ħajja. Il-pajjiż fejn il-marda okkupazzjonali tiġi ddijanjostikata għall-ewwel darba, għandu jagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jiddetermina jekk il-marda okkupazzjonali hijiex dovuta għal attività mwettqa fit-territorju tiegħu jew jekk hux dovuta għal attività preċedenti mwettqa f’pajjiż ieħor. Il-pajjiż li huwa determinat responsabbli għall-marda okkupazzjonali għandu jipprovdi benefiċċji.
F’termini tal-iskema Maltija, il-benefiċċji li ġejjin huma kkunsidrati bħala benefiċċji fi flus fir-rigward ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard okkupazzjonali:
Meta l-attività tax-xogħol ta’ persuna tkun ġiet limitata għall-iskema tas-sigurtà soċjali Maltija biss, jew meta l-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’Malta jkunu tali li l-kriterji ta’ eliġibbiltà jiġu ssodisfati, japplikaw il-proċeduri nazzjonali. Madankollu, jekk l-attività tax-xogħol ta’ persuna tinvolvi Stat Membru wieħed jew aktar tal-UE, ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiġu applikati kif deskritt fil-qosor fix-xenarji li ġejjin.
Mistoqsijiet Frekwenti
1. Qed naħdem u ngħix f’Malta u kelli inċident fuq il-post tax-xogħol fl-ewwel jum tax-xogħol tiegħi. Għandi dritt għall-benefiċċji?
Iva. F’termini tal-iskema Maltija, persuna hija assigurata għall-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard okkupazzjonali mill-ewwel jum tal-impjieg. B’differenza minn benefiċċji oħra li tipprovdi l-iskema Maltija, il-benefiċċji relatati ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ma’ mard okkupazzjonali mhumiex ibbażati fuq il-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-iskema. It-talba għall-benefiċċju għandha tiġi magħmula skont il–proċeduri nazzjonali.
2. Qed naħdem u ngħix f’Malta u kelli inċident fuq il-post tax-xogħol matul perjodu ta’ xogħol fl-Italja. Kif nista’ nagħmel talba għall-benefiċċji?
Meta l-inċident fuq il-post tax-xogħol iseħħ f’pajjiż li mhuwiex il-pajjiż fejn il-persuna hija assigurata, dan tal-aħħar jibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-benefiċċji. Sabiex tagħmel talba għall-benefiċċji l-persuna għandha tikkuntattja lill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru fejn tinsab, flimkien maċ-ċertifikat mediku relattiv bħala evidenza ta’ sostenn. L-istituzzjoni f’ dak l-Istat Membru timla t-talba u tibgħatha lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’Malta. Meta tasal, id-Dipartiment jikkuntattja lill-applikant direttament biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa biex jipproċessa t-talba. Dan jista’ jinkludi:
- in-numru tas-sigurtà soċjali
- dettalji bankarji,
- skeda tax-xogħol,
- stat ċivili,
- status ta’ impjieg tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba (fejn applikabbli)
3. Ngħix u naħdem fil-Belġju u kelli inċident fuq il-post tax-xogħol waqt li kont fuq stazzjonar temporanju f’Malta. Kif nista’ nagħmel talba għall-benefiċċji?
Meta persuna ġġarrab inċident fuq ix-xogħol waqt li tkun qed twettaq dmirijiet fi Stat Membru ieħor, il-pajjiż fejn il-persuna hija assigurata għal skopijiet ta’ sigurtà soċjali għadu responsabbli għall-ħlas tal-benefiċċji. Il-persuna għandha tikkuntattja lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex tibda l-proċedura. Il-persuna għandha tipprovdi ċertifikat mediku u dettalji tal-Istat Membru tal-assigurazzjoni kif ukoll in-numru tas-sigurtà soċjali relattiv. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-formola timtela tat-talba u tintbagħat lill-Istat Membru kompetenti li mbagħad ikollu kuntatt dirett mal-persuna.
4. Ngħix u naħdem f’Malta u nixtieq nitlob benefiċċji għal indeboliment fis-smigħ kaġun tal-impjieg preċedenti li kelli fir-Rumanija. Kif nista’ nagħmel talba għall-benefiċċji?
Meta tiġi ddijanjostikata marda kkawżata mix-xogħol, l-Istat Membru fejn oriġinat il-marda huwa responsabbli għall-ħlas tal-benefiċċji. Il-persuna għandha tikkuntattja lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex tibda l-proċedura. Il-persuna għandha tipprovdi ċertifikat mediku u dettalji tal-Istat Membru tal-assigurazzjoni kif ukoll in-numru tas-sigurtà soċjali relattiv. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-formola tat-talba se tinġabar u tintbagħat lill-Istat Membru kompetenti li mbagħad ikollu kuntatt dirett mal-persuna.
5. Jien ngħix u naħdem fil-Ġermanja u nixtieq nitlob benefiċċji għall-marda tal-ażma kaġun tal-impjieg preċedenti tiegħi f’Malta. Kif nista’ nibgħat talba għall-benefiċċji?
Meta tiġi ddijanjostikata marda kkawżata mix-xogħol, l-Istat Membru fejn seħħet il-marda kkawżata mix-xogħol huwa responsabbli għall-ħlas tal-benefiċċji. Il-persuna għandha tikkuntattja lill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru ta’ residenza flimkien maċ-ċertifikat mediku relattiv bħala evidenza ta’ sostenn. L-istituzzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza tiġbor it-talba mingħand u tibgħat it-talba lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Meta tasal, id-Dipartiment jikkuntattja lill-applikant direttament biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi pproċessata t-talba. Dan jista’ jinkludi:
- in-numru tas-sigurtà soċjali
- dettalji bankarji,
- skeda tax-xogħol,
- stat ċivili,
- status ta’ impjieg tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba (fejn applikabbli)