Pensjonijiet tal-Età, tas-Superstiti, u tal-Invalidità
Persuna li matul il-ħajja tax-xogħol tagħha, ħadmet f’aktar minn Stat Membru wieħed tal-UE, tista’ tkun eliġibbli li titlob pensjoni (tal-Età, tal-Invalidità jew tas-Superstiti) minn kull wieħed minn dawn il-pajjiżi.
Liema pajjiż iħallas il-pensjoni?
F’kull pajjiż, ir-rekord tal-assigurazzjoni jinżamm sakemm il-persuna tilħaq l-età pensjonabbli. Kull pajjiż fejn persuna tkun assigurata għal mill-inqas sena ser iħallas pensjoni tal-Età, meta l-persuna tilħaq l-età legali tal-irtirar f’dak il-pajjiż.
Pereżempju, jekk persuna tkun ħadmet fi tliet pajjiżi, se tikseb tliet pensjonijiet tal-età separati.
Kif tiġi kkalkulata l-pensjoni?
Il-pensjoni tiġi kkalkulata skont ir-rekord tal-assigurazzjoni f’kull pajjiż: is-somma pagabbli minn kull wieħed minn dawn il-pajjiżi tikkorrispondi mat-tul tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-persuna f’dak il-pajjiż. Ladarba titħallas il-pensjoni, il-persuna tirċievi nota fil-qosor (dokument P1) li se tipprovdi ħarsa ġenerali tad-deċiżjonijiet meħuda minn kull pajjiż.
F’liema pajjiż għandha tapplika persuna?
Anke jekk persuna tkun ħadmet f’diversi pajjiżi, l-applikazzjoni għal pensjoni għal kull pajjiż għandha tiġi ppreżentata fil-pajjiż ta’ residenza. L-unika eċċezzjoni hija meta l-persuna qatt ma ħadmet fil-pajjiż ta’ residenza. F’dak il-każ, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-pajjiż tal-aħħar impjieg.
Differenzi fl-etajiet tal-irtirar
L-età tal-irtirar madwar il-pajjiżi tal-UE tvarja b’mod konsiderevoli. Pensjoni mill-pajjiż tar-residenza jew tal-impjieg tkun pagabbli ladarba l-persuna tilħaq l-età legali tal-irtirar f’dak il-pajjiż. Jekk persuna tkun akkumulat id-drittijiet tal-pensjoni f’pajjiżi oħra, dawk il-partijiet tad-dritt għall-pensjoni jkunu pagabbli ladarba l-persuna tilħaq l-età legali tal-irtirar f’dawk il-pajjiżi. Għalhekk, jista’ jkun hemm differenza fil-pagament tad-drittijiet kollha tal-pensjoni akkumulati matul is-snin.
Irtirar barra l-pajjiż
Id-dritt għall-pensjoni jitħallas fi kwalunkwe Stat Membru Ewropew (UE 27 + l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera jew ir-Renju Unit) li fih persuna tirrisjedi. Ir-Regolamenti fil-fatt jipprovdu għall-prinċipju tal-esportabbiltà.
Pensjonijiet oħrajn
B’mod ġenerali, ir-regoli, li japplikaw għall-pensjonijiet tal-Età, japplikaw ukoll għall-pensjonijiet tal-Invalidità u għall-pensjonijiet tas-Superstiti jew orfni li jibqgħu ħajjin.
F’termini tal-iskema Maltija, il-benefiċċji li ġejjin huma kkunsidrati bħala pensjonijiet tal-Età, tas- Superstiti, u tal-Invalidità:
- Pensjonijiet tax-xjuħija
- Il-benefiċċji tas–superstiti
- Benefiċċji ta’ invalidità
Meta l-attività tax-xogħol ta’ persuna tkun limitata għall-iskema Maltija tas-sigurtà soċjali biss, jew meta l-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’Malta huma tali li l-kriterji ta’ eliġibilità jiġu sodisfatti, japplikaw il-proċeduri nazzjonali. Madankollu, jekk l-attività tax-xogħol ta’ persuna tinvolvi Stat Membru wieħed jew aktar tal-UE, ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiġu applikati kif spjegat fix-xenarji li ġejjin.
Mistoqsijiet Frekwenti
1. Ħdimt fi Stati Membri oħra tal-UE matul il-ħajja tax-xogħol tiegħi, iżda issa qed ngħix u qed nippjana li nirtira f’Mata. Nista’ nittrasferixxi l-kontribuzzjonijiet imħallsa x’imkien ieħor lejn Malta?
Le. Il-fondi mħallsa fi Stati Membri differenti tal-UE ma jistgħux jiġu trasferiti. Dak li jista’ jiġi skambjat huwa r-rekord tal-pagamenti li saru fl-Istati Membri differenti. Persuna li ħadmet f’aktar minn Stat Membru wieħed tal-UE għal aktar minn sena, eventwalment se tkun intitolata għal pensjoni parzjali minn kull wieħed minn dawn l-Istati Membri.
2. Qed ngħix u naħdem f’Malta iżda kont naħdem fi Stati Membri oħra tal-UE matul il-ħajja tax-xogħol tiegħi. Kif se tiġi kkalkulata l-Pensjoni tal-Età Maltija?
Meta persuna tilħaq l–età statutorja Maltija tal-irtirar u tiddeċiedi li titlob pensjoni tax-xjuħija minn Malta, issir valutazzjoni doppja;
- l-ewwel valutazzjoni bbażata fuq il-kontribuzzjonijiet imħallsa f’Malta waħedhom (kalkolu nazzjonali) u
- it-tieni valutazzjoni bbażata fuq il-kontribuzzjonijiet totali mħallsa f’Malta u fl-Istati Membri l-oħra tal-UE biex tiġi ddeterminata r-rata teoretika li tirriżulta li kieku dawn il-perjodi kollha twettqu f’Malta. Wara, isir kalkolu pro-rata sabiex tiġi ddeterminata r-rata tal-pensjoni dovuta skont in-numru ta’ snin ikkompletati f’Malta mit-total (kalkolu pro-rata).
Fl-aħħar mill-aħħar, titħallas l-ogħla rata li tirriżulta miż-żewġ kalkoli.
3. Kif nista’ nitlob il-pensjoni tiegħi minn Stat Membru ieħor tal-UE waqt li qed ngħix f’Malta?
Jekk persuna tkun tgħix f’Malta u tkun qed taħdem jew tkun ħadmet f’Malta fi kwalunkwe żmien, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jkun responsabbli mill-kompilazzjoni tal-formoli tat-talba u milli jibgħathom lill-Istat Membru kompetenti. Dan għandu jsir permezz tal-uffiċċju tal-kura tal-klijenti fil-lokalità tar-residenza kif indikat hawn.
Alternattivament, jekk persuna tirrisjedi f’Malta iżda qatt ma kienet assigurata fl-iskema Maltija tas-sigurtà soċjali, il-persuna għandha tikkuntattja lill-pajjiż tal-aħħar assigurazzjoni u ssegwi l-proċedura stabbilita minn dak il-pajjiż biex jikkompila l-formoli tat-talba.
4. Jien ħdimt f’Malta għal ftit snin u issa qed ngħix u naħdem f’pajjiż ieħor tal-UE. Kif nista’ nitlob il-pensjoni tiegħi ta’ Malta?
Jekk persuna tkun assigurata fl-Istat Membru ta’ residenza, l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali f’dak il-pajjiż tkun responsabbli għall-kompilazzjoni tal-formoli ta’ talba meħtieġa u tibgħathom lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Ladarba jirċievi t-talba għall-pensjoni, id-Dipartiment jikkuntattja lill-persuna direttament biex jikkonferma li l-formoli tat-talba waslu. Ladarba t-talba tiġi pproċessata, il-persuna kif ukoll l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta’ residenza, jiġu nfurmati bil-miktub dwar ir-riżultat tat-talba.
5. Issa li rċevejt il-pensjoni tiegħi minn Malta, jien intitolat ukoll li nitlob il-pensjoni mill-pajjiżi l-oħra tal-UE li ħdimt fiha?
L-intitolament tal-pensjoni jiddependi fuq l-età statutorja tal-irtirar stabbilita f’kull pajjiż. L-età tal-irtirar f’Malta tista’ tkun differenti mill-età tal-irtirar ta’ pajjiż ieħor. Għalhekk, huwa opportun li tiġi vverifikata l-età statutorja tal-irtirar applikabbli fil-pajjiż rispettiv qabel ma jimtlew il-formoli tat-talba. Dan jevita li l-persuna tgħaddi mill-proċess tal-applikazzjoni bla bżonn.
6. Ħdimt f’diversi pajjiżi tal-UE. Kif se nirċievi l-pensjoni tiegħi?
Meta persuna tkun intitolata għal pensjoni minn aktar minn pajjiż wieħed, kull pajjiż iħallas il-pensjoni li tirriżulta, direttament lill-persuna. Meta titlob pensjoni, il-persuna għandha tipprovdi numru validu ta’ kont bankarju fejn kull pajjiż se jħallas il-pensjoni. Dan jista’ jwassal biex persuna tirċievi żewġ pagamenti ta’ pensjoni jew aktar, minn pajjiżi differenti, f’dati ta’ ħlas differenti u possibbilment f’muniti differenti wkoll. Fl-aħħar mill-aħħar, it-total tal-pagamenti kollha jkun jirrifletti l-ħajja totali tax-xogħol tal-persuna.
7. Qed nirċievi pensjoni Maltija tal-invalidità waqt li qed ngħix f’pajjiż ieħor tal-UE. Nista’ naħdem fil-pajjiż ta’ residenza tiegħi?
Le. Il-pensjoni Maltija tal-invalidità titħallas biss jekk il-persuna hija totalment inkapaċi għax-xogħol. Jekk ilpersuna tkun f’qagħda li terġa’ tibda taħdem, il–pensjoni ma tibqax dovuta. F’dan il-każ, il-persuna għandha tinforma lid–Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali dwar l-intenzjoni li terġa’ lura għad-dinja tax-xogħol sabiex il-pensjoni titwaqqaf kif xieraq.
8. Il-pensjoni Maltija tiegħi se tieqaf jekk nirriloka f’pajjiż ieħor?
Le. Il-pensjonijiet li jitħallsu taħt l-iskema Maltija tas-sigurtà soċjali (tal-Età, tal-Invalidità jew tas-Superstiti) huma esportabbli madwar id-dinja.